Brian Schembri
Il-Maestro Brian Schembri hu mużiċista Malti.
Karriera
Schembri beda jistudja l-mużika taħt il-gwida ta’ missieru, Carmelo Schembri, u kien l-iżgħar mużiċist li kiseb l-Liċenzja tar-Royal Schools of Music ta’ Londra. Wara li kompla l-istudji tiegħu fil-Konservatorju “Tchaikowsky” ta' Kiev u Moska, fejn tgħallem taħt mużiċisti kbar bħal Snegiriov, Dorensky u Kofman, kien maħtur assistent direttur f’orkestri tal-Orchestre Philarmonique de France u tal-Orquestra Metropolitana de Lisbao fil-Portugall. Serva wkoll bħala direttur mistieden fl-Ukrajna, il-Maċedonja, l-Italja, Spanja, l-Iżvizzera, l-Iskozja, il-Litwanja, l-Ingilterra, il-Bulgarija u Hong Kong. Schembri ta wkoll kunċerti fuq il-pjanu f’Malta, l-Italja, Franza, l-Ukrajna, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, ir-Russja u r-Renju Unit.
Schembri dderieġa wkoll il-London Mozart Players, l-orkestra Sinfonika ta’ San Remo, l-Orchestra Ciutat de Barcelona, l’Orchestre National du Capitole de Toulouse, il- Lithuanian State Symphony Orchestra, il-Filarmonika ta’ Novosibirsk, l-Orchestre National de Lyon kif ukoll il-London Philharmonic Orchestra.
Kien protagonista mużikali f’okkażjonijiet kbar bħall-kunċert tal-G7 f’Lyon. Mexxa wkoll produzzjonijiet operistiċi mal-Ensemble Justiniana, l-Atelier Lyrique du Centre, Opera Nomade (Paris), ir-Rennes and Nancy Opera Theatres, National Opera and Ballet Theatre ta’ Lvov, l-Opera Hong Kong u il-Lübeck Opera Theatre.
Kien direttur mużikali u konsulent mat-Teatru Manoel qabel ma fl-2014 inħatar id-direttur artistiku direttur muzikali prinċipali tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Maestro Schembri kien onorat bil-Malta Cultural Award kif ukoll bil-Midalja tar-Repubblika.
Direttur tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta' Malta
Fl-24 ta' Jannar 2014, il-Gvern ħatru Direttur artistiku tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Għal Schembri din il-kariga l-ġdida tiegħu kienet “mument ta’ ċertu emozzjoni”. Viżibilment emozzjonat, Schembri qal li dan huwa mument importanti fil-ħajja tiegħu kemm mil-lat professjonali kif ukoll minn dak personali. “Għandi relazzjoni twila mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali għax missieri kien idoqq il-klarinett mal-Orkestra tal-Ammirall li maż-żmien inbidlet u saret l-orkestra nazzjonali,” huwa qal meta kien qed jitkellem fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Maestro Schembri kien ippreżentat lill-mezzi tax-xandir fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Josè Herrera kif ukoll dik taċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud.
Dwar x’biħsiebu jagħmel fil-kariga l-ġdida tiegħu, Schembri qal li huwa jrid li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tkompli tiżviluppa u sostna li għalkemm jirrikonoxxi li jeżistu l-problemi saħaq li dawn qatt ma qatgħulu qalbu. Huwa qal li f’pajjiżna għandna l-potenzjal u t-talent li naslu fuq affarijiet li qatt ma immaġinajna li naslu għalihom u rrimarka li l-ewwel ħidma tiegħu se tkun li janalizza r-repertorju li jindaqq mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ħalli fost oħrajn jara li din tati l-importanza mehtiega lill-mużika sinfonika.
Unuri
Minbarra unuri internazzjonali, Schembri ingħata wkoll il-Malta Cultural Award kif ukoll il-Midalja għal-qadi tar-Repubblika.