Bajjad
Bajjad huwa ħaddiem tas-sengħa li jieħu ħsieb ibajjad il-binjiet u forsi jżejjinhom minn barra skont ir-rikjesti tal-klijenti tiegħu.[1][2] Ix-xogħol tal-bajjad inġenerali jkun meħtieġ biex tittejjeb id-dehra ta’ binja u biex tkun protetta minn xi ħsara minħabba l-ilma, is-sadid, l-insetti, il-moffa, il-maltemp, eċċ. Ix-xogħol tal-bajjad jista’ jkun ukoll forma ta’ espressjoni artistika u/jew kulturali bħax-xogħol ta’ Ndebele.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fi żmien il-qedem il-biċċa l-kbira tal-bini ma kienx jiġi mbajjad. Madankollu, għall-ħabta tas-seklu 13, mid-dokumenti li waslu sa żminijietna nafu li bdew jiffurmaw ix-xirkiet u fosthom kien hemm anke x-xirka tal-bajjada. Ix-xirkiet wasslu għall-istandardizzazzjoni tas-sengħa u kienu jservu bħala protetturi tas-sigrieti tas-sengħa. Ix-xirkiet bdew jistaqsu lill-gvernijiet għall-protezzjoni, li eventwalment kienet tingħata permezz ta’ liġi jew digriet biex tissalvagwardja s-sengħa mill-kompetizzjoni esterna pereżempju mill-kaħħala.[2]
Il-bajjada fi ħdan ix-xirkiet kien ikollhom jagħmlu apprendistat għal numru ta’ snin u kienu jaqblu bejniethom fuq il-miżati li jimponu għax-xogħol tagħhom. Illum il-ġurnata l-bajjada jew jaħdmu ma’ kumpanija bil-kuntratt jew inkella jaħdmu għal rashom.[2]
Attivitajiet tas-sengħa
[immodifika | immodifika s-sors]Storikament, il-bajjad kien responsabbli biex iħallat iż-żebgħa; u kien ikollu provvista ta’ pigmenti, żjut, sustanzi biex iż-żebgħa titrattab, u sustanzi jew għodod biex iż-żebgħa tinxef malajr. Bajjad kien juża l-esperjenza tiegħu biex jiddetermina taħlita adattata skont in-natura tax-xogħol inkwistjoni. Fiż-żminijiet moderni, il-bajjad huwa responsabbli primarjament għat-tħejjija tas-superfiċe li trid titbajjad, pereżempju jagħlaq it-toqob li jkun hemm, juża l-masking tape u forom oħra ta’ protezzjoni fuq is-superfiċi li ma jridux jitbajdu, ibajjad u mbagħad inaddaf warajh.
Il-kumpaniji l-kbar li joperaw fis-settur ġeneralment ikunu jistgħu joffru bosta servizzi ta’ tibjid jew dekorazzjoni, mill-bini ta’ ħajt sat-tibjid ta’ xi sinjal jew logo, l-indurar tal-oġġetti jew l-irtokkar tal-għamara jew tal-bini.
Fil-11-il edizzjoni tal-enċiklopedija Brittanica tal-1911, ix-xogħol tas-sengħa tal-bajjad jiġi deskritt u jissemmew il-ħiliet tiegħu fosthom it-tħejjija tas-superfiċi għaż-żebgħa, it-taħlit taż-żebgħa, l-indurar, il-kisi, u l-aħħar irtokki għad-dehra jew għat-tiżjin tal-binjiet.[3]
Iktar reċentement, il-bajjada professjonali huma responsabbli għat-tħejjija kollha qabel it-tibjid. Bajjad professjonali li jiġi mqabbad biex ibajjad ġeneralment jieħu ħsieb ix-xogħol kollu relatat bħal stukko, it-tneħħija u t-twaħħil ta’ wallpapers, l-għeluq ta’ xi toqob, il-brix, it-tkaħħil, it-twaħħil ta’ panewijiet tal-ġibs jew suffitti, it-tiswija tal-ħitan u tal-injam, l-irtokkar, it-tneħħija ta’ xi tebgħat, it-tindif, it-twaħħil ta’ tape u protezzjonijiet biex l-għamara u s-superfiċi l-oħra ma jintlaqtux biż-żebgħa, it-tħejjija, l-għoti ta’ primer, eċċ.[1][2]
Għodda
[immodifika | immodifika s-sors]Ġeneralment bajjad ma jistax jgħaddi, fost affarijiet oħra, mingħajr żebgħa jew membrana, pinzell u xkupilja, roller jew spray gun, barmil, patillott jew kontenituri oħra, sellum, armar u fallakki, masking tape u protezzjonijiet, sponża, sand paper, u xi ħaġa biex iħallat iż-żebgħa.[1]