Ġwann Battista de La Salle

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Ġwann Battista De La Salle)
Jump to navigation Jump to search

Ġwann Battista de la Salle (Rheims, Franza, 30 ta’ April,1651 – Rouen, Franza, 7 t’April, 1719) kien innovatur fil-qasam tal-pedagoġija u hu meqjum bħala qaddis tal-Knisja Kattolika għar-raġuni li ddedika ħajtu għall-edukazzjoni tat-tfal fqar. Kien il-fundatur tal-Kongregazzjoni tal-Fratelli Kristjani, magħrufa Malta bħala l-Fréres.

Ikkontribwixxa għall-istandardizzazzjoni tal-prattika tat-tagħlim fi Franza, kiteb meditazzjonijiet ispirati fuq il-ministeru tat-tagħlim, katekiżmu, testi ta' "manjieri tajba" u riżorsi oħra għall-għalliema u l-istudenti. Sar il-katalizzatur u l-għajn ta' ħafna kongregazzjonijiet oħra ddedikati għall-edukazzjoni li twaqqfu fis-seklu 18 u 19.

Twieled f’familja nobbli u sinjura ħafna. Fl-1670 daħal is-Seminarju ta’ Pariġi, u ġie ordnat saċerdot fl-1678, meta kellu 28 sena.

Il-Kongregazzjoni tal-Aħwa (Freres)[immodifika | immodifika s-sors]

Sentejn wara ltaqa’ ma Adrian Nyel, u miegħu beda jaħdem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra. Baqa’ sakemm intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’dan ix-xogħol. Ħalla d-dar u l-kanonikat, flusu beda jonfoqhom fit-tfal, u beda jgħix fl-istess livell tal-foqra li għalihom iddedika l-kumplament ta’ ħajtu.

Beda jiftaħ skola waħda wara l-oħra, u minn żmien għal żmien kien iżurhom. Kien jinkoraġġixxi l-għalliema, jagħtihom pariri, u jissuġġerilhom metodi ġodda biex jgħallmu aħjar. Ġie li stedinhom id-dar tiegħu biex jieklu, u joqogħdu miegħu. Hekk bdiet ir-rabta ma’ wħud minnhom, li wara, permezz tagħhom waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Aħwa (Freres), fit-28 ta’ Mejju 1684.

Skejjel u Kulleġġi għall-Għalliema[immodifika | immodifika s-sors]

Barra mill-iskejjel primarji u sekondarji li waqqaf, ħa ħsieb ukoll jiftaħ Kulleġġi tal-Għalliema (Colleges of Education). L-ewwel wieħed li fetaħ kien f’Rheims, fl-1687, imbagħad f’Pariġi, fl-1699, u ieħor f’Saint Denis fl-1709.

L-iskejjel tiegħu xterdu ma Franza kollha, u mad-dinja. Il-metodi tiegħu biddlu s-sistema edukattiva ta’ żmienu. Dan swielu ħafna diżappuntamenti, ostakli u oppożizzjoni minn niesu, mill-awtoritajiet, u speċjalment mill-Ġensinisti li kienu qawwija ħafna.

Fl-1695, ifformula sett ta’ Regoli ghall-Komunita’ tiegħu.

Kiteb ukoll ttrattat fuq l-edukazzjoni, ”It-Tmexxija ta’ l-Iskejjel Insara”.

Mifluġ mill-ażżma u r-rewmatiżmu, miet nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-1719, f’Rouen, Franza.