Rivoluzzjoni Russa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Ir-Rivoluzzjoni Russa tal-1917, ġabet fi tmiemha id-dittatura tal-Kżar u wasslet għall-ħolqien tal-Unjoni Sovjetika. Il-Kżar tneħħa u minfloku kien hemm gvern proviżorju fi Frar 1917. F'Ottubru 1917 il-gvern proviżorju tneħħa u ġie ffurmat gvern Bolxevista (Komunista).

Ftit wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill, kien stqarr li “purtiera tal-ħadid niżlet tul l-Ewropa” u qasmitha fi tnejn. Fuq in-naħa tal-punent kellek il-pajjiżi li kienu taħt l-isfera politika tal-Istati Uniti, filwaqt li fuq in-naħa tal-Lvant kellna lil dawk li kienu taħt l-isfera tal-Unjoni Sovjetika. Iżda dak li seħħ dak inhar kellu għeruq li jmorru aktar lura fl-istorja Ewropea. Storja li seħħet meta fl-isfond kienet għaddejja l-Ewwel Gwerra Dinjija. Ir-Rivoluzzjoni Russa tal-1917 ġabet magħha bidliet kbar speċjalment fil-mod tal-ħsieb u tar-rieda biex il-klassi tal-ħaddiema tieħu dak li bi dritt kien tagħha.

Il-mixja lejn ir-rivoluzzjoni[editja]

Meta f’Ottubru 1917, il-‘proletarjat’ u s-suldati qamu kontra l-ħakkiema ftit kienu dawk li setgħu jimmaġinaw x’effetti u riperkussjonijiet setgħu jinħolqu.

Qabel xejn wieħed mill-punti prinċipali huwa l-fatt li r-rivoluzzjoni rnexxielha tkebbes il-ħuġġieġa soċjalista u tat saħħa lil dawk il-partiti tax-xellug li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jgħatu direzzjoni lill-ħidma tagħhom.

L-avveniment tas-7 ta’ Ottubru 1917 (f‘dawk is-snin ir-Russja kienet tuża l-kalendarju Ġuljan u mhux Gregorjan bħal bqija tal-Ewropa għax kieku Novembru) kienu ilhom snin jinġemgħu. Kien in-nuqqas ta’ rispett lejn il-poplu Russu mis-sinjuri u l-awtoritajiet Imperjali li wasslu għal qawmien. Filwaqt li r-rivoluzzjoni Franċiża tal-1789 bagħtet sinjali qawwija lid-diversi monarki Ewropej biex idaħħlu miżuri li jtejbu l-qagħda tas-sudditi tagħhom u b’hekk ibegħdu kemm jistgħu l-biża’ li pajjiżhom jinħakem minn xi rivoluzzjoni, kien biss il-Kżar Russu li ma tax kas.

Filwaqt li l-iskjavitù u l-fewdaliżmu mill-Ewropa kien ilu li nqata’ u anke ċ-ċittadini kellhom dritt li jkunu proprjetarji ta’ l-artijiet li jaħdmu, fir-Russja l-qagħda kienet ferm differenti. F’dan l-akbar imperu ċ-ċittadini - raħħala u bdiewa - ma kellhom l-ebda drittijiet. L-art li kienu jaħdmu ma kinitx tagħhom. Huma kienu servi tan-nobbli li tiegħu l-art kienet proprjetà. Jista’ jingħad li n-nies litteralment kienu proprjetà tan-nobbli u meta art kienet tgħaddi minn nobbli għall-ieħor din kienet tinkludi lin-nies li kienu jaħdmuha.

Kien biss li fl-1861 li ddaħħlet liġi li l-poplu mhux nobbli seta’ jkun prorjetarju ta’ l-art tiegħu. Din kienet daħqa fil-wiċċ minħabba li r-raħħala u l-bdiewa xejn ma kellhom tagħhom speċjalment flus u bix-xejn żgur ma kinux se jixtru l-art!

Is-sitwazzjoni ma kinitx waħda pjaċevoli u minkejja ċerti tibdiliet il-poplu baqa’ jgħix fil-faqar. L-affarijiet komplew jeħżienu hekk kif fl-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Id-diffikultajiet li ġabet magħha din il-gwerra wasslet biex f’Ottubru ta’ l-1917 seħħet r-rivoluzzjoni Russa. L-għajta ta’ ‘Paċi, Ħobż u Art’ hekk kif imxerrda minn Vladimir Iljich Lenin appellat lil masses ta’ ħaddiema u suldati - li kienu qiegħdin jirritornaw mill-front - imxebba’ mill-gvern proviżorju ta’ Kerensky li f’Ottubru ħa l-poter wara l-abdikazzjoni tal-Kzar.

Ir-rivoluzzjoni ta’ Ottubru kienet waħda organizzata għall-aħħar. Id-diversi kunsilli ta’ ħaddiema u suldati, komunement magħrufa bħala Soviets, kienu nfurmati b’kull ma kien se jseħħ u kollha kellhom l-ordnijiet tagħhom. Is-sinjal kien tir sparat mill-bastiment Aurora. Ma’ dan it-tir suldati u baħrin li kienu jiffurmaw il-Gwardji Ħomor attakkaw il-Palazz tax-Xitwa fi Petrograd arrestaw il-membri tal-gvern proviżorju u installaw it-tmexxija Bolxevika. Is-suċċess ta’ din ir-rivoluzzjoni, minkejja l-gwerra ċivili li seħħet bejn l-1919 u l-1921, iggalvanizzat lill-partiti u movimenti xellugin madwar id-dinja.