Qabar Traċjan ta' Sveshtari

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-iskulturi minquxa fuq ġewwa tal-qabar.

Il-Qabar Traċjan ta' Svestari (bil-Bulgaru: Свещарска гробница, Sveshtarska grobnitsa) jinsab 2.5 kilometri fil-Lbiċ tal-villaġġ ta' Sveshtari, fil-Provinċja ta' Razgrad, li tinsab 42 kilometru fil-Grigal ta' Razgrad, fil-Grigal tal-Bulgarija. Il-qabar x'aktarx li huwa ta' Dromichaetes (bil-Grieg Antik: Δρομιχαίτης, b'ittri Rumani: Dromichaites; għall-ħabta tat-300 sal-ħabta tal-280 Q.K.) li kien re tal-Geti fuq iż-żewġ naħat tal-parti t'isfel tad-Danubju (illum il-ġurnata fir-Rumanija u fil-Bulgarija) għall-ħabta tat-300 Q.K., u martu, bint ir-Re Lysimachus (bil-Grieg: Λυσίμαχος, Lysimachos; għall-ħabta tat-360 Q.K. – 281 Q.K.) li kien ġeneral u diadochus (jiġifieri "suċċessur") ta' Alessandru l-Kbir.[1][2] Il-qabar huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Informazzjoni ġenerali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qabar ġie skopert u skavat fl-1982 waqt l-iskavi li kienu qed isiru fit-Tumbata Nru 7 tan-Nekropoli tat-Tumbata tal-Lvant ta' Sboryanovo (Ginina Mogila). Minn barra għandu għamla ta' tumbata tal-ħamrija u r-radam. Il-qabar huwa tal-perjodu Ellenistiku bikri; inbena fl-ewwel kwart tas-seklu 3 Q.K.[4] Il-kostruzzjoni tal-qabar tirrifletti l-prinċipji strutturali fundamentali tal-binjiet reliġjużi Traċjani. It-tiżjin arkitettoniku tal-qabar jitqies li huwa uniku, b'karjatidi polikromatiċi nofshom bnedmin u nofshom pjanti u b'affreski mpittrin. L-għaxar figuri femminili mnaqqxin mal-ħitan tal-kompartiment ċentrali u t-tiżjin tal-lunetta fil-volta tal-qabar huma l-unika eżempji ta' dan it-tip li nstabu sa issa fl-artijiet Traċjani. Huwa monument eċċezzjonali tal-Geti, poplu Traċjan li kien f'kuntatt mad-dinjiet Ellenistiċi u Iberboreani, skont il-ġeografi tal-qedem.

Fl-2012, l-arkeologi skoprew teżor sinifikanti qrib il-villaġġ ta' Sveshtari. Dan kien jinkludi ċurkett tad-deheb, 44 skultura ta' figuri femminili u 100 buttuna tad-deheb, li nstabu f'150 qabar tas-seklu 4 Q.K. Ġie ssuġġerit li x'aktarx kien jagħmel parti mis-sit tal-belt ta' Helis tal-poplu tal-Geti.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Geti kienu ġew federati fir-renju Odrisjan fis-seklu 5 Q.K. Mhuwiex magħruf kif żviluppaw ir-relazzjonijiet bejn il-Geti u l-Odrisjani. Il-kampanji militari Balkani ta' Filippu II tal-Maċedonja bejn it-352 u t-340 Q.K. qerdu l-awtorità Odrisjana u l-Geti gawdew minn dan kollu. Sat-tieni nofs tas-seklu 4, il-Geti okkupaw is-siti fuq iż-żewġ xtut tal-parti t'isfel tad-Danubju u dan ir-reġjun iffjorixxa bħal qatt qabel. Il-ħakmiet Maċedonjani l-ġodda, li ġew żgurati permezz ta' qawwa militari konsiderevoli, ikkawżaw il-garr fit-territorji biswit u b'hekk stimolaw il-fużjoni politika tat-tribujiet Getiċi.

Il-qabar Getiku ta' Sveshtari fil-Punent ta' Ludogorie fil-Bulgarija huwa maħsub li x'aktarx kien jinsab qrib il-belt ta' Helis. Qrib il-mawżolew instabu l-fdalijiet ta' belt antika kbira, flimkien ma' għexieren ta' oqbra Getiċi b'għamla ta' tumbata. L-insedjament jinsab f'fortizza naturali, promontorju mdawwar qisu peniżola mill-irdumijiet tax-xmara Krapinets. Il-ħajt ta' barra tal-ġebel, bi ħxuna sa erba' metri, ikompli mat-trufijiet tal-peniżola u jiddefendi territorju ta' madwar 10 ettari. Il-ħajt ta' ġewwa, b'kostruzzjoni simili, iħaddan żona bejn wieħed u ieħor kwadrilaterali ta' madwar ħames ettari. It-territorju ffortifikat kien relattivament okkupat b'densità kbira u kien ikkollegat permezz ta' network ta' mogħdijiet. Permezz tad-datazzjoni tas-sejbiet, fosthom ta' anfori, bolol u muniti, ħaraġ fid-dieher li dan l-insedjament kien jeżisti għall-ħabta ta' bejn it-335 u l-250 Q.K.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Qabar Traċjan ta' Sveshtari ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem" u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3]

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Delev, P. (2000). "Lysimachus, the Getae, and Archaeology". The Classical Quarterly. New Series. 50 (2): 384–401.
  2. ^ Chichikova, Maria (2016). "The Hellenistic Necropolis of the Getic Capital at Sboryanovo (Northeastern Bulgaria).". In Henry, Olivier; Kelp, Ute (eds.). Tumulus as Sema: Space, Politics, Culture and Religion in the First Millennium BC. Boston: Walter de Gruyter GmbH & Co KG. pp. 243–259. ISBN 978-3-11-026750-1.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Thracian Tomb of Sveshtari". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  4. ^ "Il-Qabar ta' Sveshtari". Ministry of Tourism (bl-Ingliż).