Pulmun

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Stampa tal-pulmun li tmura lura għall-1918
Is-Sistema respiratorja

Il-pulmun huwa organu meħtieġ għar-respirazzjoni fil-vertebrati. Xogħolu huwa li jwassal l-ossiġnu mill-arja għal ġod-demm u jeħles lid-demm mill-arja ħażina l-iktar fil-forma ta' dijossidu tal-karbonju (carbon dioxide), li jkun inġemgħa fid-demm. Il-pulmun fih ċelloli speċjalizzati li jiffurmaw qishom boroż żgħar tal-arja, dawn jissejħu alveoli. Il-ħajt ta' dawn il-boroż huwa rqiq ħafna, ħalli b'hekk l-arja tkun separata mid-demm b'rita rqiqa li ma xxekkilx l-iskambju ta' gassijiet bejn id-demm u l-atmosfera.

It-termini mediċi li jirreferu għall-pulmun ta' spiss jibdew bil-prefiss pnewmo- li ġejja mill-Grieg pneuma li tfisser spirtu jew arja.

Il-bniedem għandu żewġ pulmuni, wieħed fuq ix-xellug u l-ieħor fuq il-lemin tas-sider. Il-pulmun tax-xellug huwa maqsum f'żewġ partijiet filwaqt li dak tal-lemin huwa maqsum fi tlieta. Mill-pulmun joħroġ il-pajp tan-nifs jew il-pajp tar-riħ, it-trakea, li jagħti għall-ħalq u l-imnifsejn. Fil-pulmun, dan il-pajp jinqasam f'ħafna friegħi żgħari msejħa bronki. Madwar il-pulmun hemm ukoll rita rqiqa, il-plewra, li tgeżwer il-pulmun u tgħaddi għal fuq il-qafas tas-sider.

Sabiex wieħed ikun jista' jieħu n-nifs jeħtieġ li juża l-muskoli ta' madwar il-qafas ta' sidru. Fost dawn insibu d-diaframma li qiegħda bejn is-sider u ż-żaqq. Il-muskoli ta' bejn il-kustilji, l-interkostali, huma importanti wkoll. Meta dawn il-muskoli jaħdmu, il-qafas tas-sider jikber fil-wisgħa u fil-fond, u b'hekk il-pressa tal-arja fil-qafas tas-sider tonqos minħabba it-tkabbir fil-volum tal-kompartiment. Din id-differenza fil-pressa ġġiegħel l-arja biex tidħol tiġri u tonfoħ il-pulmun, li issa jikber tant li jispiċċa jokkupa l-ispazju preżenti fil-qafas tas-sider. Meta l-muskoli jintelqu, jiġri l-oppost, u għalhekk l-ispazju fil-qafas tas-sider jiċkien u dan il-moviment jimbotta l-arja 'l barra.

Ir-rata normali ta' nifsijiet hija madwar 20 fil-minuta.