Papessa Ġovanna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-Papessa, ritratt fuq karta tat-tarokki Visconti-Sforza magħmulin minn Bonifacio Bembo, ca. 1450, Il-Bibljoteka Pierpont Morgan, New York

Il-Papessa Ġovanna kienet figura leġġendarja ta' Papa mara, li rrenjat fuq il-Knisja mit-853 sat-855. Din hi meqjusa mill-istoriċi bħala leġġenda medjevali,[1] li x'aktarx bdiet fid-dinja Ortodossa antipapali u li wara kisbet xi plawsibbiltà fil-Punent minħabba ċerti elementi ġenwini li jinsabu fl-istorja.

Ir-rakkonti[editja]

Skont ir-rakkont, kienet mara Ingliża, edukata f'Mainz li kienet tilbes ta' raġel b'mod konvinċenti u bil-qerq tagħha irnexxielha tidħol patri bl-isem ta' Johannes Anglicus. Hekk, imbagħad setgħet tiġi eletta papa u ħadet l-isem ta' Ġwanni VIII, wara l-mewt ta' Ljun IV (17 ta' Lulju 855), fi żmien meta l-elezzjoni tal-papa kienet issir kif ġie ġie.

Il-papessa ma kinitx tipprattika l-astinenza sesswali u saret tqila minn wieħed mill-ħafna maħbubin tagħha. Matul il-purċissjoni solenni tal-Għid meta l-Papa kien sejjer lura lejn il-Lateran wara li kien qaddes f'San Pietru, filwaqt li l-purċissjoni papali kienet waslet fl-inħawi tal-Bażilika ta' San Clemente, il-folla entużjasta ippressat madwar iż-żiemel li kien rikeb fuqu l-Papa. Iż-żiemel sfirra u kważi kien hemm inċident. Il-qatgħa li ħa l-"Papa Ġwanni" f'dan l-inċident wasslet għal ħlas vjolenti qabel iż-żmien.

Meta nkixef is-sigriet, il-Papessa Ġovanna rabtuha minn saqajha ma' denb ta' żiemel li kaxkarha mat-toroq ta' Ruma u wara tħaġġret mill-folla rrabjata sakemm mietet fl-inħawi ta' Grande Ripa. Indifnet fit-triq fejn inkixfet l-identità vera tagħha, bejn il-Lateran u San Pietru. Milli jidher din it-triq kienet tiġi evitata fil-purċissjonijiet papali ta' wara, però dan l-aħħar dettal sar parti mil-leġġenda popolari fis-seklu 14 matul il-Qofol tal-papat f'Avignon meta ma kien hemm l-ebda purċissjoni papali f'Ruma.

Parti essenzjali tal-leġġenda hija ċertu rit li fil-verità qatt ma seħħ, iżda li kien jintgħoġob mill-poplu u ntuża b'ħafna gost mill-awturi Protestanti tas-seklu 16 biex jattakaw il-Knisja Rumana. Skont dan ir-rit immaġinarju kull papa ġdid kien jiġi suġġett għal eżami bir-reqqa biex jiġi żgurat li ma kienx mara liebsa ta' raġel (jew ewnuku). L-eżami kien isir bil-papa l-ġdid bilqiegħda fuq siġġu tal-porfirju aħmar, li fil-maqgħad tiegħu kien ikun hemm toqba. L-iżgħar fost id-djakni preżenti kellhom il-biċċa xogħol li jħossu taħt is-siġġu biex jiżguraw il-preżenza tal-attributi maskili tal-papa l-ġdid.

"U bl-iskop li tintwera l-validità tiegħu, it-testikli u l-virga tiegħu jinħassu mill-iżjed żgħażagħ minn dawk preżenti, bħala xhieda tas-sess maskili tiegħu. Meta dan jiġi żgurat, il-persuna li tkun ħassithom tgħajjat b'leħen qawwi Virgam et testiculos habet ("Għandu l-pene u t-testikli") u l-kleru kollu jwieġeb: Deo Gratias ("Alla jkun imfaħħar"). Imbagħad ikomplu bil-konsagrazzjoni ferrieħa tal-papa elett."

—Felix Hamerlin De nobilitate et Rusticate Dialogus (ca. 1490) [2]

"Testiculos qui non habet Papa esse non posset (Min m'għandux testikli ma jistax isir papa)"

—Francesco Sorrentino, Prova di Virilità ([3]

Analiżi[editja]

Il- Papessa, waħda mill-arkani maġġuri tat-tarokki, murija bħala l-"prostituta fuq il-bhima" msemmija fl-Apokalissi

L-ewwel wieħed li ppubblika l-leġġenda kien il-kronista Dumnikan Ġwanni ta' Metz fis-sena 1240, u ftit snin wara kompla l-kollega tiegħu Dumnikan Martin Troppau.

Bħal fil-leġġendi l-oħra kollha in ġenerali, hemm xi verità, mżejna b'saff ta' finzjoni. Jeżisti siġġu simili; meta l-papa jieħu l-pussess tal-Katedra tiegħu Rumana, f'San Giovanni in Laterano, tradizzjonalment joqgħod bilqiegħda fuq żewġ siġġijiet tal-porfirju (il-ġebla tal-imperaturi), bil-maqgħad tagħhom f'għamla ta' qagħqa. Ir-raġuni għal dawn it-toqob għadha tiġi diskussa, iżda is-siġġijiet huma t-tnejn ta' żmien Kostantinu, sekli qabel l-istorja tal-Papessa Ġovanna u hekk ma jistax ikollhom x'jaqsmu ma' eżami tas-sess tal-Papa. Hemm minn jaħseb li dawn kienu oriġinalment tojlits Rumani jew banketti imperjali għall-ħlas u minħabba l-età tagħhom u l-oriġni imperjali, intużaw mill-papiet biex isaħħu l-pretensi imperjali tagħhom (bħal ma għamlu bit-titlu Latin tagħhom ta' Pontifex Maximus). D'Onofrio (ara l-bibljografija) ta spjegazzjoni oħra konvinċenti. Dan jgħid li l-rit kien essenzjalment ta' karattru reliġjużi: is-siġġu tal-ħlas jissimbolizza l-Knisja omm li twelled 'l uliedha għall-ħajja eterna. Wieħed miż-żewġ siġġijiet bħalissa qiegħed għal wiri fis-sala msejħa l-Kabinett tal-Maskri fil-Mużewijiet Vatikani.

Bosta awturi jżidu mal-konfużjoni billi jżidu siġġu ieħor tal-irħam u l-porfirju bl-ebda toqba fil-maqgħad, li illum għadu jeżisti fil-kjostru anness mal-Bażilika tal-Lateran, dak li hu msejjaħ s-sedia stercoraria [4]. It-Théologie portative: ou, Dictionnaire abrégé de la religion chrètienne[5] ta' Paul Henri Thiry d'Holbach jiddefinixxi b'mod irreverenti (u b'mod żbaljat) is-sedia stercoraria bħala "siġġu bit-toqba li l-papa malli jkun elett iqiegħed fuqu l-warrani mqaddes tiegħu, sabiex ikun jista' jiġi vverifikat is-sess tiegħu, u hekk tiġi evitata l-inkonvenjenza ta' papa mara". Fil-Vita della papessa Giovanna, Bartolomeo Platina jispega s-sedia stercoraria hekk: "Dan is-siġġu kien iddisinjat sabiex kull min jiġi nvestit b'poter tant kbir ikun jaf li hu mhux Alla, iżda bniedem u hekk hu suġġett għall-ħtiġijiet tan-natura"[6].

Il-leġġenda tal-Papa Ġovanna ġiet totalment skreditata mill-istudji ta' David Blondel, storiku u qassis protestant ta' nofs is-seklu 17. Blondel, permezz ta' analiżi dettaljata tal-affermazzjonijiet u ż-żmienijiet suġġeriti, argumenta li l-ebda ġrajja ta' dan it-tip ma setgħet ġrat. Fost il-provi li jiskreditaw l-istorja tal-Papessa Ġovanna nsibu:

  • Il-purċissjoni papali tradizzjonali tal-Għid ma kinitx tgħaddi mit-triq fejn suppost sar it-twelid.
  • Ma jeżisti l-ebda dokument tal-arkivju dwar din il-ġrajja.
  • Is-"siġġu tat-testikli" li fuqu suppost jogħqodu l-papiet biex tiġi żgurata l-maskulanità tagħhom ġej minn sekli qabel il-Papessa Ġovanna u m'għandux x'jaqsam mal-ħtieġa li t-testikli tal-papiet jiġu verifikati (kif kien spjegat hawn fuq).
  • Il-Papa Ljun IV rrenja mit-847 sal-mewt tiegħu fl-855 u l-Papa Benedittu III ssuċċedieh fi ftit ġimgħat, li jagħmilha impossibbli li Ġovanna rrenjat mit-853 sat-855.

Iż-żmien tal-ewwel dehra tal-istorja jaqbel mal-mewt ta' Federiku II, li kien wieħed mill-mexxejja fil-kunflitt aħrax mal-Papat. L-istoriċi ġeneralment jaqblu li l-istorja tal-Papessa Ġovanna hi satira anti-papali mfassla biex tgħin il-kunflitt tal-Imqaddes Imperu Ruman mal-papat, billi tibbaża ruħha fuq tliet biżgħat Kattoliċi medjevali:

  • papa attiv sesswalment
  • mara f'pożizzjoni ta' awtorità dominanti fuq l-irġiel
  • qerq irriżulta f'qalb il-Knisja stess.

Dik li setgħet bdiet bħala satira ppreżentata fil-karnivali tal-Ewropa kollha, spiċċat biex saret realtà aċċettata sal-punt li l-Papessa Ġovanna jirreferu għaliha nies bħal Guljielmu ta' Ockham. Tidher f'xi listi tal-papiet, prinċipalment fil-katidral ta' Siena, fejn ix-xbiha tagħha tidher fost dawk tal-papiet veri. Il-leġġenda ssaħhet mill-konfużjoni fl-ordni mogħtija lill-papiet imsemmijin Ġwanni; Billi Ġwanni hu l-isem ta' papa l-aktar użat, u xi Ġwannijiet kienu antipapiet, kien hemm konfużjoni dwar kemm minnhom kienu jappartjeni għal Papa Ġwanni veru. Minħabba dan, il-lista tal-papiet ma fihiex il-Papa Ġwanni XX.

Diwi fil-kultura[editja]

Xi wħud jissuġġerixxu li l-karta tal-Papessa, waħda mit-trijonfi (jew arkani maġġuri) fit-tarokki, hija xbiha tal-Papessa Ġovanna.

Il-kittieb Ingliż Lawrence Durrell ħareġ traduzzjoni ħielsa ta' ktieb bil-Grieg miktub minn Emmanuel Rhoides fl-1886 [7], li fiha f'għamla ta' rumanz ipprova jerġa' joħloq l-ambjent medjevali fejn kien possibbli li tifla orfna adottata minn patri u predikatur itineranti, liebsa ta' fratell għas-sigurtà, ftit ftit titgħallem it-teoloġija u taqbad karriera fil-Knisja sakemm tasal għat-tron papali.

Fl-1996 l-awtriċi Amerikana Donna Woolfolk Cross ħarġet rumanz jismu Pope Joan, li minnu fl-2009 sar il-film bl-istess isem (ara hawn taħt).

Filmografija[editja]

Saru żewġ films fuq din il-leġġenda, wieħed fl-1972 [8] u l-ieħor fl-2009 [9].

Pope Joan huwa film tal-1972 ta' Michael Anderson, b'Liv Ullmann fir-rwol ta' Ġovanna u bil-parteċipazzjoni ta' Olivia de Havilland u Trevor Howard fir-rwol tal-Papa Ljun.

Die Päpstin huwa film tal-2009, ibbażat fuq ir-rumanz ta' Donna Woolfolk Cross u dirett minn Sönke Wortmann.

Referenzi[editja]

  1. ^ Fost l-oħrajn minn Alain Boureau, li semma l-ktieb tiegħu Il-Papessa Ġovanna. Storja ta' leġġenda medjevali, minn D'Onofrio, li semma l-istudju tiegħu Elf sena ta' leġġenda: Mara fuq it-tron ta' Pietru, minn Conti fl-artiklu tiegħu f'Medioevo ta' Ġunju, 1997, intitolat Papa bl-isema ta' Ġovanna
  2. ^ iċċitat f' The Female Pope ta' Rosemary u Darrell Pardoe (1988), ara l-bibljografija.
  3. ^ iċċitat fir-rivista Medioevo, De Agostini Periodici (7/2008 paġni 90 u ta' wara), ara l-bibljografija.
  4. ^ siġġu tal-ħara
  5. ^ Paul Henri Thiry d'Holbach, Théologie portative: ou, Dictionnaire abrégé de la religion chrètienne, 1768
  6. ^ Bartolomeo Platina, Vitae Pontificum Romanorum, Ruma 1932, pp. 151-52
  7. ^ The Curious History of Pope Joan (L-istorja kurjuża Tal-Papessa Ġovanna), Londra: Derek Verschoyle, 1954
  8. ^ [1]
  9. ^ [2]

Bibljografija[editja]

  • (IT) A. Boureau. La papessa Giovanna, Torino 1991
  • (IT) Cesare D'Onofrio. Mille anni di leggenda: Una donna sul trono di Pietro, Romana Società Editrice, 1978
  • (EN) Donna Woolfolk Cross. Pope Joan, Ballantine Books, ISBN 0-345-41626-0
  • (EN) Rosemary e Darrell Pardoe. The Female Pope: The Mystery of Pope Joan. The First Complete Documentation of the Facts behind the Legend, Crucible, 1988.
  • (IT) Emmanouil Roidis La Papessa Giovanna, 1866. Editjat fl-Italja minn Ed. Crocetti, 2003.
  • (IT) Francesco Sorrentino. Prova di virilità f'Medioevo rivista editjata minn De Agostini Periodici n. 7/2008 paġni 90 u segwenti.
  • (IT) Giuseppe Gioacchino Belli, Tutti i sonetti romaneschi, 2002, "LiberLiber"

Ħoloq esterni[editja]