Mérida (Veneżwela)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Dehra panoramika ta' Mérida

Mérida (l-isem sħiħ, Santiago de los Caballeros de Mérida) hija belt fil-Veneżwela, il-kapitali tal-muniċipalità ta' Libertador u tal-istat ta' Mérida, u hi waħda mill-bliet prinċipali tal-Andi Veneżwelani. Fundata fl-1558 bħala parti mill-Viċirenju tal-Grenada l-Ġdida, aktar tard saret parti mill-Kapitali Ġenerali tal-Veneżwela, u kellha rwol dirett fil-Gwerra tal-Indipendenza.

II-popolazzjoni ta' Mérida tgħodd iktar minn 200,000 ruħ u ż-żona metropolitana għandha mat-350,000 ruħ. Din il-belt hija ċ-ċentru tal-edukazzjoni u tat-turiżmu ta' Veneżwela tal-Punent, fejn hi s-sede tal-Università tal-Andi u l-Arċidjoċesi ta' Mérida. Barra minn hekk, għandha t-tieni l-itwal u l-ogħla funikular fid-dinja.

Il-belt tinsab fuq pjanura fil-wied tax-xmara Chama li tgħaddi minn tarf għal ieħor. L-altitudni ta' Mérida hi ta' 1,600 metru fuq il-livell tal-baħar. L-isfond tal-orizzont ta' Mérida hu l-ogħla quċċata tal-pajjiż, il-Pico Bolívar.

L-isem tal-belt[editja]

Stemma ta' Mérida

Il-belt kisbet l-isem tagħha mill-fundatur tagħha Juan Rodríguez Suárez li semmieha hekk bħala sinjal ta' ġieħ għall-belt fejn kien twield hu, Mérida f'Estremadura (Spanja). Madanakollu, Juan de Maldonado taha l-isem ġdid ta' San Juan de las Nieves. Fl-1559, reġgħet biddlet isimha, din id-darba għal Santiago de los Caballeros. Bil-mod il-mod bdiet tadotta l-isem Santiago de los Caballeros de Mérida, forma li kienet tikkombina l-ismijiet adottati sa dakinhar.

Il-kelma Mérida ġejja mit-terminu emerita, kelma Latina li t-tifsira tagħha tingħad għal xi ħadd li għandu mertu u emeritu, li hi tassew l-oriġini etimoloġika tal-isem tal-belt, minħabba li tifsira oħra tat-terminu bil-Latin aċċettati kienet relatata mas-suldati li kienu liċenzjati mill-armata. Għalhekk il-belt ta' Mérida, il-kapitali attwali tal-Komunità Awtonoma ta' Estremadura, għandha din l-oriġini: l-isem ta' Emerita Augusta ifisser li kienet belt fundata matul iż-żminijiet ta' Awgustu b'suldati mkeċċijin mill-armata, li marru jgħixu f'raħal diġà eżistenti fi skambju fejn rat lir-residenti antiki tal-belt jingħataw iċ-ċittadinanza Rumana. Fatt ieħor komuni bejn Mérida Spanjola u dik Veneżwelana hi fiż-żewġ bliet hemm tributarja tax-xmara prinċipali bl-isem ta' Albarregas.

Klima[editja]

Minkejja l-fatt li l-pajjiż tal-Veneżwela għandu temp sħun u klima tropikali, Mérida hi aktar temperata bi klima muntanjuża. Din hi minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, imdawwra minn mutanji għoljin iktar minn 4,500 metru, u l-altitudni għolja li għandha.

Anke jekk it-tniġġis tal-arja wassal għal żieda fit-temperaturi, dawn kienu pjuttost inqas minn dawk ta' bliet oħra importanti tal-pajjiż, b'temperaturi li jvarjaw bejn it-18 °C u l-24 °C, b'medja ta' 22 °C. Ix-xita hi ta' intensità medja matul l-istaġun tax-xita, bejn April u Novembru. Il-Veneżwela jinsab f'żona intertropikali, u għalhekk id-differenza fit-temperaturi matul is-sena hija waħda minima. L-isess japplika għal Mérida, li fix-xahar ta' Awwissu tirreġistra temperaturi kważi l-istess għal dawk miġbura f'kundizzjonijiet simili waqt jum ta' Jannar.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-pożizzjoni ta' Mérida fil-qalba tal-pajjiż, 'il bogħod mill-kosti u l-oċean, u l-altitudni għolja tagħha, id-differenza tat-temperatura matul il-ġurnata hija waħda għolja. Bejn lejl u nhar, tista' tiġi reġistrata differenza ta' aktar minn 10 °C; din id-differenza kapaċi testendi anke sa 20 °C. It-temperaturi għoljin jintlaħqu matul il-jum, u ġeneralment huma madwar il-25 °C, imma f'każijiet rari tista' tkun iktar minn 30 °C. L-inqas limitu tat-temperaturi ta' matul il-ġurnata hu ta' madwar 20 °C.[1]

Kura tas-saħħa[editja]

Il-belt tgwadi mill-ogħla kwalità ta' ħajja fil-Veneżwela.[2] Fis-sena 2000, 36 ċentru tas-saħħa kienu jinsabu fiż-żona metropolitana ta' Mérida, klassifikati taħt il-mod segwenti: sptar tip I, sptar tip III u sptar tip IV, li huma fil-belt proprja, flimkien ma' 15-il klinika urbana, erba' ta' tip III u ħdax ta' tip I. Iż-żona għandha wkoll 18-il klinika rurali, 13 ta' tip II u 5 ta' tip I.

Kif taħt aspetti oħra, l-Università tal-Andi tal-Veneżwela u l-faċilitajiet tagħha huma mgħaqqda ħafna mal-ħajja tal-belt; l-infrastruttura medika tikkonsisti minn ċentri li jappartjenu għal tal-ewwel, flimkien ma' ċentri mediċi privati. Fost l-isptarijiet pubbliċi li joffru servizz b'xejn huma l-Instituto Autónomo Hospital Universitario de Los Andes (IHULA), l-ikbar wieħed fir-reġjun, u kif ukoll żewġ sptarijiet iżgħar u fergħa tas-Salib l-Aħmar Veneżwelana. Fost l-isptarijiet privati, magħrufa bħala "kliniki", l-ikbar huma l-Hospital Clínico de Mérida, is-Centro Clínico, il-Clínica Mérida, il-Clínica Albarregas u għexieren kliniki iżgħar.

Minkejja s-sitwazzjoni prekarja tal-infrastruttura tas-saħħa fil-pajjiż kollu, il-belt ta' Mérida kienet l-inqas li ġiet affettwata, grazzi għall-ħidma tal-IHULA, fejn it-telfa ta' pazjenti fiċ-ċentri mediċi privati kienet inqas estrema minn muniċipalitajiet Veneżwelani oħra.

Ekonomija[editja]

Fl-2001, il-belt ta' Mérida kellha wieħed fost l-inqas rata ta' faqar fil-Veneżwela. Skont iċ-ċensiment ta' dik is-sena, din kellha rata ta' faqar ta' 18.09%, ftit biss ogħla minn dik ta' San Cristóbal u minn dawk tal-kwartieri aktar raffinati ta' Chacao (8.69%), Baruta (11.22%) u San Antonio de Los Altos (6.13%) fl-istat ta' Miranda.[3] Il-bidu tas-seklu 20 fisser bidla drastika tal-ekonomija tal-belt. Tradizzjonalment, l-agrikoltura kienet xi ħaġa importanti tal-attivitajiet ekonomiċi ta' Mérida, li kienet iċ-ċentru ta' distribuzzjoni ta' prodotti agrikoli tal-istat ta' Mérida. Barra minn hekk, fil-madwar kien hemm fabbriki (haciendas) importanti taz-zokkor tal-kannamieli, li kienu jipprovdu dħul li wassal għall-bini ta' raffinerija taz-zokkor. Illum il-ġurnata, din ir-raffinerija spiċċat bħala mużew.

Funikular ta' Mérida[editja]

Laguna ta' Mucubají

Bil-bini tal-funikular ta' Mérida fl-1960 (li jwassal għal Pico Espejo, f'altitudni ta' 4,765 metru), bit-tlestija tal-awtostrada u l-inawgurazzjoni tal-ajruport, l-attivitajiet ekonomiċi mxew 'il quddiem, fejn għaddew mis-settur primarju tal-agrikoltura għas-settur terzjarju tas-servizzi, speċjalment fis-settur tat-turiżmu. Attwalment, il-funikular hi wieqfa minħabba nuqqas ta' manutenzjoni, u minħabba li l-impjant qdiem tqajjment il-bżonn ta' wieħed ġdid.

It-turiżmu, spiss imsejjaħ l-industrija l-ħadra, hu s-sors prinċipali għas-sosten tal-belt, u waħda mill-industriji li jagħtu profitt. Mill-punt ta' vista turistiku, Mérida toffri l-veduta ta' żewġ ktajjen muntanjużi madwar il-belt, u hi mdawwra minn wied. Ġewwa l-belt jinstabu parks, mużewijiet, pjazez li jippreseraw l-aspett kolonjali, diversi knejjes Barokki u Neoklassiċi, eċċ. F'dawn l-aħħar snin, grazazi għall-ħolqien tal-uniku park tax-xjenza fil-Veneżwela, "żona ħielsa" mill-punt ta' vista kulturali, xjentifika u teknoloġika, li tat sforz fl-iżvilupp tal-belt fl-ambitu teknoloġiku, anke grazzi għall-appoġġ li nkiseb mill-Università tal-Andi.

Fl-2005, il-belt ġiet immarkata bħala fost l-iktar bl-inqas għoli tal-ħajja u l-qliegħ per capita relattivament għoli (madwar 4,381 dollaru), li jpoġġuwha fid-disa' post fost l-ibliet Veneżwelani.[4] Is-settur tas-servizzi jforni perċentwal essenzjali tad-dħul tal-Estado Mérida. Fl-2005, Mérida kienet tgħodd 82,537 persuna potenzjalment attivi mill-aspett ekonomiku, li 6.57% minnhom kienu qiegħda.[5]

Referenzi[editja]

  1. ^ Tutiempo: Registros diarios de temperatura de la ciudad de Mérida desde 1994.
  2. ^ Eleazar Santos: Cities Most Attractive for Investment. National Council for Promotion of Investment. 7/19/05 Caracas, Venezuela. Enlace web.
  3. ^ INE [1]
  4. ^ Cifras de Paridad de Poder Adquisitivo (PPA). Instituto Nacional de Estadísticas.
  5. ^ Corpoandes: Esquema de contenido Dossier de las entidades federales; Mérida. Mérida, Venezuela. Archivo .pdf.

Ħoloq esterni[editja]