Kim Jong-il

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Kim Jong-il

Kim Jong-il 김정일 (Khabarovsk, 16 ta' Frar 194117 ta' Diċembru 2011) kien l-kap de facto tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (magħrufa aħjar bħala l-Korea ta' Fuq). Hu kien s-suċċessur ta' missieru Kim Il-sung, illi ggverna lill-Korea ta' Fuq mill-1948 sal-mewt tiegħu fl-1994. Huwa kien l-president tal-Kummissjoni ta' Difiża Nazzjonali u segretarju tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea. Barra minn hekk, hu hu wkoll il-kmandant tal-Armata Popolari tal-Korea, ir-raba' l-ikbar armata fid-dinja.

F'April tal-2009, il-kostituzzjoni tal-Korea ta' Fuq ġiet emendata sabiex issejjaħlu l-"Kap Suprem",[1] u xi drabi wkoll bħala l-"Kap l-Għażiż".

Tfulija[editja]

Twelid[editja]

Arkivji Sovjetiċi juru li Kim Jong-il twieled f'kamp militari qrib Khabarovsk, fl-1941,[2] fejn missieru, Kim Il-sung kien qiegħed imexxi l-ewwel Battaljun tat-88 Brigata Sovjetika, magħmula minn Ċiniżi u Koreani eżiljati. Ommu, Kim Jong-sul, kienet l-ewwel mara ta' Kim Il-sung. Matul iż-żgħożija tiegħu fl-Unjoni Sovjetika, Kim Jong-il kien magħruf bħala Yuri Irsenovich Kim (Юрий Ирсенович Ким), fejn ħa mill-isem bir-Russu ta' missieru, Ir-sen.

Il-bijografija uffiċjali ta' Kim Jong-il[3] tgħid li hu twieled f'kamp militari sigriet fil-Muntanja Baekdu (백두산) fil-Korea fis-16 ta' Frar 1942. Il-bijografiji uffiċjali jgħidu li t-twelid tiegħu fuq il-Muntanja Baekdu kienet prevista minn ħuttaf, u mħabbra minn qawsalla doppja fuq il-muntanja u stilla ġdida fis-sema.

Fl-1945, Kim kellu tlieta jew erba' snin (skont is-sena tat-twelid tiegħu) meta t-Tieni Gwerra Dinjija spiċċat u Korea reġgħet kisbet l-indipendenza mill-Ġappun. F'Settembru ta' dik is-sena, missieru rritorna lura lejn Pyongyang u lejn l-aħħar ta' Novembru Kim reġa' lura lejn il-Korea permezz ta' bastiment Sovjetiku li trakka f'Sonbong. Il-familja ttrasferixxiet f'palazz f'Pyongyang li qabel kien ta' uffiċċjal Ġappuniż, bi ġnien u pixxina. Ħu Kim Jong-il, "Shura" Kim (l-ewwel Kim Jong-il, imma magħruf aħjar bil-laqam Russu tiegħu), għereq hemmhekk fl-1948. Ċerti rapporti infundati jgħidu li kien Kim Jong-il, li kellu ħames snin, li kkawża dan l-aċċident.[4] Fl-1949, ommu mietet waqt li kienet qed twelled;[5] rapporti jgħidu li ommu setgħet ġiet maqtula u tħalliet tmut.[4]

Edukazzjoni[editja]

Skont il-bijografija uffiċjali tiegħu, Kim kompla l-kors ta' edukazzjoni bażika bejn Settembru 1950 u Awwissu 1960. Hu attenda l-Iskola Primarja Nru. 4 u l-Iskola Sekondarja Nru. 1 f'Pyongyang.[6] Din hi kkuntrastata mal-verżjoni ta' akkademiċi barranin li jemmnu li aktarx li hu rċieva l-edukazzjoni bikrija tiegħu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bħala prekawzjoni sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tiegħu matul il-Gwerra Koreana.[7]

Waqt li kien l-iskola, Kim kien involut fil-politika. Hu kien attiv fi ħdan l-Unjin taż-Żgħażagħ u l-Lega taż-Żgħażagħ Demokratiċi (DYL), fejn ħa sehem fi gruppi ta' studju tat-teorija politika Marksista u letteratura oħra. F'Settembru tal-1957 hu sar viċi-president tal-fergħa DYL tal-iskola sekondarja tiegħu. F'din il-kariga hu instiga programm ta' anti-fazzjożità u qalb sħabu tal-klassi prova jinkoraġġixi iktar edukazzjoni ideoloġika.

Referenzi[editja]

  1. ^ (Ingliż) N Korea constitution bolsters Kim. BBC News, 29-09-2009. Aċċess tal-URL: 07-05-2010.
  2. ^ Steve Herrmann. (Ingliż) Profile: Kim Jong-Il. BBC News, 09-10-2006. Aċċess tal-URL: 17-12-2007.
  3. ^ (Ingliż) Biography of the Dear Leader Kim Jong Il. Korea-dpr.com. Aċċess tal-URL: 05-12-2008.
  4. ^ a b Jerrold M. Post; Alexander George, Leaders and their followers in a dangerous world: the psychology of political behavior, Cornell University Press, 2004. pġ. 243–244 ISBN 978-0-8014-4169-1
  5. ^ (Ingliż) The Kims' North Korea. Asia Times, 04-06-2005
  6. ^ (Ingliż) Kim Jong Il - Short Biography, p. 5. Pyongyang: Foreign Languages Press, 1998
  7. ^ Bradley K. Martin, Under the Loving Care of the Fatherly Leader, New York, St. Martin's Press, 2004. ISBN 0-312-32221-6