Helder Camara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Helder Camara

Dom Helder Câmara (7 ta' Frar, 1909, Fortaleza, Ceará, Brażil - 27 ta' Awwissu, 1999 Recife, Brażil) kien Arċisqof ta' Olinda u Recife, li jinsabu fil-grigal tal-Brażil, magħruf internazzjonalment bħala l-Isqof tal-fqar.

Câmara jibqa’ msemmi għall-invenzjoni tal-kunċett tal-konferenzi episkopali fil-Brażil. Huwa kien ukoll responsabbli mill-ħolqien tal-ewwel konferenza, li bdiet f’pajjiżu stess, fl-1952. Spalla ma’ spalla mal-kollega Ċilen tiegħu Manuel Larraín, Câmara waqqaf il-Kunsill Episkopali Latin Amerikan (CELAM). Fit-taħditiet li kien ikollu minn wara l-kwinti fil-Konċilju Vatikan it-Tieni, Câmara kien jisħaq biex il-Knisja Kattolika tinfetaħ għall-bżonnijiet tad-dinja moderna, kif fil-fatt ġara.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Helder Pessoa Câmara twieled f’Fortaleza, il-belt kapitali tal-istat Brażiljan ta’ Ceará. Missieru kien ġurnalist, filwaqt li ommu kienet għalliema fl-iskola primarja. Minħabba li fis-seminarju fejn fih kien jattendi kien mimli daqs bajda bil-Lazzaristi Franċiżi, Câmara rnexxielu jkollu ħakma tajba tal-ilsien Franċiż u Latin. Aktar ’il quddiem dawn iż-żewġ ilsna għenuh mhux ftit fil-ħidma internazzjonali tiegħu.

Saċerdot[immodifika | immodifika s-sors]

Meta ġie ordnat saċerdot f’Awwissu 1931, Câmara mill-ewwel wera l-ħila tiegħu fl-organizzazzjoni taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara f’Ceará. Fl-istess waqt, it-tħassib soċjali u politiku tiegħu mexxewh fil-moviment integralista Brażiljan, li kien imnebbaħ mill-ideat faxxisti tad-dittatur Portugiż António de Oliveira Salazar.

Il-ħiliet organizzattivi tiegħu ittrasferewh f’Rio de Janeiro, l-ewwel bħala assistent nazzjonali għall-Azzjoni Kattolika Speċjalizzata, u iktar tard bħala isqof awżiljarju. Hawnhekk l-ideat soċjali ta’ Câmara żviluppaw sewwa. Il-post tiegħu mal-Azzjoni Kattolika poġġieh f’kuntatt mill-qrib mal-lajċi u fl-istess ħin tah viżjoni sħiħa tal-qagħda soċjali tal-Brażil. Kien ukoll l-ispringboard għall-azzjoni iżjed wiesgħa fi ħdan il-Knisja.

CELAM[immodifika | immodifika s-sors]

Meta kien Ruma mad-delegazzjoni Brażiljana għall-Anno Santo tal-1950, Câmara seħħlu jiltaqa’ mal-Papa Piju XII u mas-Segretarju tal-Istat, Giovanni Montini. Il-ħbiberija li nibtet bejnu u bejn Montini ppermettiet lil Câmara li jinfluwenza lil Montini biex dan juri l-appoġġ tiegħu għall-idea tiegħu ta’ Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet fil-Brażil. Fil-fatt, din il-Konferenza twaqqfet fl-1952 u kellha lil Câmara bħala l-ewwel segretarju ġenerali tagħha, liema post Câmara dam jokkupa għal 12-il sena sħaħ. Fl-1955 insibu l-ħolqien taċ-CELAM, b’Miguel Larraín ikun l-ewwel president tal-Kunsill u Câmara l-ewwel viċi-president.

Konċilju Vatikan II[immodifika | immodifika s-sors]

Sakemm ġie msejjaħ il-Konċilju Vatikan it-Tieni, Helder Câmara kien wieħed mill-isqfijiet Brażiljani li kellu l-aqwa kuntatti f’Ruma. Kien wieħed minn sitt isqfijiet Brażiljani li ġew maħtura fil-kummissjonijiet preparatorji. Mill-ittri li Câmara kien jikteb kważi kuljum mill-Konċilju, ilkoll juru kemm kien frustrat minħabba l-kontroll eżerċitat mill-Kurja Rumana fuq il-parteċipanti u l-aġenda tal-Konċilju. Fihom, Câmara jidher bħala wieħed mill-iktar organizzaturi enerġetiċi tar-rivoluzzjoni li l-Missirijiet tal-Konċilju wettqu biex kissru din il-morsa.

F’dan ix-xogħol kien kollaboratur mill-qrib tal-Kardinal Suenens, l-Arċisqof ta’ Malines-Brussels, u wieħed mill-aktar figuri influwenti tan-naħa progressiva tal-Konċilju u kif ukoll mas-segretarju tal-konferenza episkopali Franċiża, Roger Etchegaray. Câmara qatt ma tkellem fl-awla tal-Konċilju imma kien networker prim u ħabbrieki minn wara l-kwinti. Fost il-proġetti li wettaq insibu laqgħat regolari ma’ rappreżentanti ta’ konferenzi espikopali differenti u forum ta’ djalogu bejn l-Ewwel u t-Tielet Dinja.

Il-Knisja tal-Fqar[immodifika | immodifika s-sors]

Moviment ieħor li antiċipa t-tħassib tiegħu fl-aħħar fażi ta’ ħajtu, kien magħruf bħala il-Knisja tal-Fqar. Dan kien grupp li ġabar qaqoċċa waħda lill-isqfijiet tat-Tielet Dinja, lis-saċerdoti mill-Mission de France u lill-Aħwa ż-Żgħar ta’ Charles de Foucauld. L-interess ta’ dan il-grupp kien li l-Knisja kellha tindirizza lilha nnifisha għall-abbiss li kien jifred id-dinja għanja minn dik fqira. Il-Knisja kellha tissimbolizza l-impenn tagħha favur il-fqar bil-ħajja awstera tagħha. Għal dan il-għan inkiteb manifest mit-teologu Dumnikan Yves Congar bit-titlu Pour une Église Servante et Pauvre.

Sadanittant fil-Brażil, ir-retorika populista tal-President João Goulart ħejjiet il-qiegħa għall-kolp ta’ stat militari, li neħħieh mis-setgħa nhar il-31 ta’ Marzu tal-1964. L-għada, Helder Câmara wasal f’Recife bħala arċisqof. Irritorna lejn daru bħala bniedem iktar mħejji, lest biex jgħaqqad dan ir-reġjun abbandunat ma’ dinja iktar wiesa’. Bħalma qal fl-ewwel messaġġ tiegħu lid-djoċesi: Jiena ġej mill-grigal u qiegħed inkellem lill-persuni li bħali, ġejjin minn din in-naħa. Jiena ħlejqa umana li jikkunsidra lilu nnifsu ħukom fid-dgħjufija u fid-dnub tan-nies kollha ta’ kull razza u rokna tad-dinja. Nisrani li qiegħed ikellem lill-Insara, imma b’qalbi miftuħa, ekumenikament, għan-nies, għat-twemmin u għall-ideoloġiji kollha. Isqof tal-Knisja Kattolika li, fuq l-eżempju ta’ Kristu, ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi.

F’Recife, Câmara ipprova jimplimenta l-viżjoni tal-Knisja tal-Fqar. Evita li jilbes is-suttana vjola ta’ arċisqof, abbanduna l-palazz prestiġjuż tiegħu fis-subborgi lussużi u ttrasferixxa ruħu f’abitazzjoni sempliċi msejħa knisja tal-fruntieri, moħbija kemm jista’ ikun wara r-ring road ġewwiena tal-belt. Kien jiekol l-ikla ta’ filgħaxija tiegħu fil-post fejn kienu jinġabru s-sewwieqa tat-taxi u kien jingħata lifts madwar il-belt minflok li kellu l-karozza uffiċjali għas-servizz tiegħu. L-istorja ma waqfitx hawn. Câmara ried ikun iżjed radikali. Fil-fatt huwa ta l-art tal-Knisja biex dawk li ma kellhomx fejn joqogħdu seta’ jkollhom saqaf fuq rashom, waqqaf credit union, involva lill-kleru u lil-lajċi fit-tmexxija tad-djoċesi u ħareġ lill-istudenti mis-seminarju u poġġihom f’komunitajiet żgħar fil-parroċċi. Barra minn hekk, Câmara waqqaf istitut teoloġiku li fih is-saċerdoti futuri setgħu jistudjaw mal-lajċi u anki jiġu mgħallma minn letturi nisa.

Câmara kien wieħed mill-ftit isqfijiet li kien kritiku sa mill-bidu rigward il-kolp militari fil-Brażil tal-1964. Minħabba f’hekk, huwa tilef id-drittijiet ċivili tiegħu għal disa’ snin, tant li kull referenza għalih kienet illegali. Biex tkompli tagħqad, wieħed mis-saċerdoti żgħażagħ li kien qiegħed jagħtih daqqa t’id sewwa, Henrique Pereira, safa brutalment maqtul mill-aġenti tad-dittatura. Milli jidher, dawk li kienu mibgħuta biex joqtlu lill-arċisqof, imlibbsin ta’ tallaba u sewwieqa tat-taxi, ma kellhomx l-istonku li jwettqu dak li ġew imqabbda biex jagħmlu. Għalhekk, stqarrewlu l-ħtija tagħhom u talbuh maħfra.

Figura Internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba li Câmara kien iċċensurat fil-Brażil huwa beda jivvjaġġa mad-dinja kollha, jippriedka l-viżjoni tiegħu ta’ moviment non-vjolenti, imsejjaħ “minoritajiet Abrahamiċi”. L- għan ta’ dan il-moviment kien li jaħdem għat-tmiem tal-inġustizzja permezz tal-pressjoni paċifika u tad-djalogu. Kien f’dan iż-żmien li l-figura ċkejkna tiegħu, li kibret mhux ftit minħabba l-ġesti qawwija tiegħu, saret magħrufa mal-udjenza dinjija kollha. L-influwenza tiegħu kibret tant li d-diskorsi tiegħu nġabru f’għadd ta’ kotba, fosthom Spiral of Violence, Church and Colonialism u The Desert is Fertile.

L-aħħar snin[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1985, meta Helder Câmara għalaq 75 sena, ir-riżenja tiegħu minn arċisqof tal-Knisja ta’ Olinda u Recife malajr ġiet milqugħa. Kien jidher ċar li s-suċċessur tiegħu, il-kanonista José Cardoso, kellu viżjoni differenti ħafna għad-djoċesi minn dik tal-predeċessur tiegħu, tant li fil-fehma ta’ xi wħud, kien hemm strateġija fina bil-ħsieb preċiż li l-“Knisja tal-Fqar,” li Câmara bena b’ħafna sabar u għożża tul is-snin, tinħatt. Kien x’kien il-każ, Dom Helder, jew kif kien magħruf fiċ-ċirku ta’ ħbiebu bħala “Id-Dom”, kien għaqli biżżejjed li ma jikkumentax fuq it-tibdil li kien qiegħed isir fl-arċidjoċesi tiegħu. Hekk, seta’ jħalli lis-suċċessur tiegħu jiżvolġi l-ministeru episkopali tiegħu fl-aħjar interess tal-Poplu ta’ Alla f’Olinda u f’Recife, kif jaħseb hu.

Fl-aħħar snin ta’ ħajjet Câmara, f’Recife l-ebda attività favur il-ġustizzja soċjali ma kienet tkun kompluta mingħajr il-preżenza tad-“Dom”, li b’dik it-tbissima mimlija paċi tiegħu kien jagħtiha l-ħajja. Wara l-mewt ta’ Câmara, wieħed mill-ħbieb leali tiegħu, il-Franġiskan Aloísio Fragoso, ikkummenta li għall-komunikatur tal-kalibru tad-“Dom”, it-tbatija ħarxa tiegħu kienet li ma setax isib kliem biex jesprimi lilu nnifsu. Il-mewta serena tiegħu serrħitu minn dan it-turment.

Darba Câmara qal: Meta tmajt lill-foqra sejħuli qaddis. Meta staqsejt l-għaliex il-fqar huma bil-ġuħ sejħuli komunist.