Anastasju Cuschieri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Anastasju Cuschieri
Ħajja
Twelid Valletta, 27 Jannar 1876
Nazzjonalità Malta
Mewt Valletta, 25 Lulju 1962
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
filosofu
poeta
Impjegaturi Università ta' Malta

Anastasju Cuschieri (Valletta 27 ta' Jannar 1876 - 25 ta' Lulju 1962) kien patri, senatur, professur tal-filosofija u awtur.

Anastasju Cuschieri bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Patri Karmelitan[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ħa l-voti reliġjużi bħala Patri Karmelitan nhar it-28 ta' Awwissu 1891. Patri Anastasju wara l-istudji tiegħu f'Malta kiseb Dottorat fil-Filosofija fl-Universita Gregorjana ta' Ruma. Fl-1902 sar Professur tal-Filosofija. Kitbiet tiegħu dehru fir-Rivista di Filosofia Neo-Scolastica ta’ Milan. Lura Malta, Patri Anastasju sar membru tal-Kunsill tal-Università, fejn ippresieda fuq il-Fakultà tax-Xjenza u kien eżaminatur tal-istudenti fit-Taljan. Huwa kien kien elett darbtejn bħala Pirjol Provinċjali tal-Ordni Karmelitan f'Malta.

Politiku[immodifika | immodifika s-sors]

Anastasju Cuschieri kien ukoll Senatur f'isem il-gradwati tal-Università fl-ewwel żewġ legislaturi ta' Gvern Malti, dawk tal-1921 u tal-1932. Kien membru tal-Partit Nazzjonalista, u matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-Gvern Kolonjali Ingliż kien żamm għajnejh fuqu minħabba t-twemmin politiku tiegħu.

Poeta[immodifika | immodifika s-sors]

Bolla kommemorattiva

Huwa magħruf bħala l-Poeta tal-Madonna, għall-ħafna poeżiji tiegħu fuq il-Madonna, li huma fost l-aqwa fil-letteratura Maltija. Huwa poeta Romantiku (fil-kontenut) u klassiku (fil-metrika).

Il-Kelma Maltija hija waħda mill-isbaħ poeżiji tiegħu:

Din biss, ħabib ta’ qalbi,
għandi; din Alla tani,
dil-kelma li bi ġmielha
nitgħaxxaq ser tarani.


Min qal li tqila u timxi
bħas-sriep tkaxkar fuq żaqqha?
Ħares kemm hi ħafifa,
kif titla’ u togħla f’daqqa...


Bħalma l-ħaddied fil-forġa
l-ewwel jikwi l-ħadida,
imbagħad ftit ftit jaħdimha
sa tiġi kif iridha...


Hekk jien il-kelma mn’idi
mhux malli dak nitlaqha,
bħal min iwaddab ġebla
ma jafx fejn sejra taqa’


‘mma qabel inrattabha
fi ħsiebi bħal għaġina,
imbagħad koċċ koċċ bis-sabar
nagħtiha sura u żina.


U nibqa’ nħares lejha,
nara jekk qiegħda sewwa,
jekk rieqda jew mifluġa,
jekk nieqsa minn xi ħlewwa:


U meta ħajja tferfer
nilmaħha tgħodd għal ħbiebi
hemmhekk, għax nistħi ngħidu,
nitgħaxxaq dlonk bi ħsiebi,


u bil-kelma li titla’
minn qalbi għal fuq fommi,
safja, ħelwa, sabiħa,
kif għallmithieli ommi,


kif dari l-Belt, kif għadek
fl-irħula llum tismagħha,
bla xniexel fuq sidirha,
fqajra, ’mma kollox tagħha.


Din biss, ħabib ta’ qalbi,
għandi; din Alla tani,
dil-kelma li bi ġmielha
nitgħaxxaq qed tarani.”

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Wara marda kiefra li damet tliet snin u kważi pparalizzatu, Anastasju Cuschieri miet nhar il-25 ta' Lulju 1962, jum qabel il-mewt ta' San Ġorġ Preca.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]