Vinċenz de Paul

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Vinċenz de Paul
Twelid 24 ta' April 1581
Pouy ħdejn Dax, Franza
Mewt 27 ta’ Settembru 1660
Pariġi, Franza
Beatifikazzjoni 21 ta’ Awwissu 1729, Ruma minn Papa Benedettu XIII
Kanonizzazzjoni 16 ta’ Ġunju 1737, Ruma minn Klement XII
L-ikbar santwarju Il-Kappella ta' San Vinċenz de Paul, Rue de Sèvres, Pariġi
Festa 27 ta' Settembru

San Vinċenz de Paul (Landes, 24 ta' April 158127 ta' Settembru 1660) kien qassis Kattoliku iddedikat għas-servizz tal-foqra.

Vinċenz de Paul twieled f'Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, f'Landes, il-Gaskonja fi Franza, f'familja ta' seba' aħwa. Il-ġenituri tiegħu kellhom razzett żgħir li minnu kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Meta l-missier ra li ibnu Vinċenż kellu xeħta għall-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f'kulleġġ immexxi mill-Franġiskani. Meta Vinċenz kien qed jistudja, laqa' talba ta' wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta' uliedu. Hekk ma baqax iktar ta' piż finanzjarju fuq il-familja.

Saċerdot[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1596 Vinċenz daħal l-Università ta' Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fl-1600, meta kellu biss 19-il sena, sar saċerdot u baqa' jistudja sal-1605, meta miet missieru u l-familja tiegħu ġiet daharha mal-ħajt. Vinċenz fetaħ skola privata imma mingħajr wisq suċċess u ntela' b'ħafna djun. F'Lulju telaq għal vjaġġ fuq il-baħar minn Marsilja għal Narbona, probabilment biex jaħrab mid-debituri tiegħu. Waqt dan il-vjaġġ, pirati Torok qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u ħaduh ilsir f'Tunes. Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien patri apostata, kien ċaħad il-fidi Nisranija u sar Mislem, għall-flus. Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċenz ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tunes fuq dgħajsa. Wara li għamel sena Ruma huwa rritorna Franza fl-1607.

Mar Pariġi u hemm iltaqa' ma' Monsinjur Pierre de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kappillan ta' Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611. Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta' Valois, u għalliem privat ta' wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta' Franza. De Berulle kien influwenza pożittiva fuq Vinċenz u ffurmah fi spiritwalità profonda.

Mal-foqra u l-ilsiera[immodifika | immodifika s-sors]

Milqut mill-ħajja ta' talb ta' uħud mill-parruċċani tiegħu, fl-1617 Vinċenz ta lilu nnifsu għat-tagħlim u beda jipprietka l-missjonijiet. Darba meta kien f'raħal, sama' l-aħħar qrara ta' wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta' Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dak in-nhar intefa' b'ruħu u b'ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619 inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.

Twaqqif ta' Kongregazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1625 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Missjoni li l-membri tagħha saru magħrufa bħala l-"Lazzaristi" minħabba li l-kunvent li kien qed iservi saru bħala d-Dar Ċentrali kien iġib l-isem ta' San Lazzru, Saint Lazare, f'Pariġi.

Bil-għajnuna ta' Santa Louise de Marillac waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità li l-"kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fis-swali tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar".

Bil-għajnuna tal-membri ta' dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir f'Tunes u fl-Alġier.

Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq. Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Iżda kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

San Vinċenz de Paul miet fis-27 ta' Settembru 1660. Papa Benedittu XIII iddikjarah Beatu fl-1729. Tmien snin wara, Papa Klement XII ikkanonizzah. Fl-1885, Papa Ljun XIII għamlu Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karità tal-Knisja. Qalbu għadha intatta, u qiegħda f'relikarju fil-kappella tad-dar ġenerali tas-Sorijiet tal-Karità f'Pariġi.

San Vinċenz huwa wkoll il-qaddis patrun tal-Madagascar, tat-tfal abbandunati, tal-iltima, tal-infermieri, tal-iskjavi, u tal-ħabsin.

Fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan, tinsab statwa ġganteska tiegħu tirrappreżenta lil “missier il-foqra”, xogħol l-iskultur Pietro Bracci, u ilha hemm sa mill-1754.

Il-Knisja Kattolika tagħmel it-tifkira tiegħu nhar is-27 ta' Settembru.

San Ġorġ Preca[immodifika | immodifika s-sors]

San Ġorġ Preca kien familjari ħafna mal-kitbiet spiritwali ta' San Vinċenz de Paul.

Istituzzjonijiet li jġibu ismu[immodifika | immodifika s-sors]

  • DePaul University tieħu isimha minn San Vinċenz de Paul. Din tinsab f'Chicago, Illinois, l-Istati Uniti. Twaqqfet mill-Kongregazzjoni tal-Missjoni (ta' San Vinċenz) fl-1898. Fiha jattendu 25,100 student biex DePaul University hija l-akbar università Kattolika fl-Amerika.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]