Ċensu Tabone

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ċensu Tabone
President ta' Malta

4 April 1989 - 4 April 1994
Agatha Barbara - Ugo Mifsud Bonnici
4. Ministru għall-Affarijiet Barranin

12 Mejju 1987 - 16 Marzu 1989
Alex Sceberras Trigona - Eddie Fenech Adami
Rappreżentant tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

22 April 1985 - 1 Ottubru 1987
Rappreżentant tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

11 Mejju 1981 - 26 April 1982
Rappreżentant tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

21 April 1975 - 21 April 1980
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Rabat, 30 Marzu 1913
Nazzjonalità Malta
Mewt San Ġiljan, 14 Marzu 2012
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Kulleġġ ta' San Alwiġi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni oftalmologu
għalliem fl-università
politiku
Premjijiet
Sħubija Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Ċensu Tabone (Rabat, Għawdex 30 ta' Marzu 1913 - San Ġiljan, 14 ta' Marzu 2012) huwa figura politika Maltija fejn serva bħala r-raba' President ta' Malta mill-1989 sal-1994.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Ċensu Tabone twieled fil-belt Għawdxija tar-Rabat. Iben Niccolò Tabone u Elisa née Calleja. Huwa kien l-iżgħar fost għaxar ulied. Missieru kien l-ewwel tabib Malti li studja fl-Ingilterra u serva bħala tabib distrettwali f'Għawdex. Miet għall-għarrieda fl-età ta' 59 sena. Sentejn wara, meta kellu 11-il sena, Ċensu Tabone niżel Malta biex jieħu l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi.

Tabib[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-Università ta' Malta, fl-1933 iggradwa bħala spiżjar u tabib tal-mediċina fl-1937. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Ċensu Tabone serva ta' Uffiċjal Mediku mar-Royal Malta Artillery. Fl-ewwel jiem tal-gwerra huwa ħelisha mill-mewt meta bomba tal-għadu splodiet u waqqgħet parti mill-kwartieri tal-armata. Fl-1946 huwa kiseb diploma fl-oftalmoloġija mill-Università ta' Oxford. Ftit wara kiseb ukoll diploma fil-mediċina oftalmoloġika mir-Royal College of Surgeons tal-Ingilterra. Ħadem ukoll fil-Moorfields Eye Hospital ta' Londra.

Fl-1948, Tabone tqabbad jissuperviżjonizza l-kampanja kontra t-trakoma. Bl-isforzi tiegħu, din il-marda nqerdet għal kollox minn Għawdex. Huwa tqabbad mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jorganizza kampanji simili fit-Tajwan, l-Indonesja u l-Iraq. Kien membru u konsulent tal-panel internazzjonali ta' esperti dwar it-trakoma tad-WHO. Bejn is-snin 1957 u 1960 huwa serva fuq il-Kunsill tal-Università ta' Malta. Qatta' wkoll xi żmien jien jgħallem ukoll fl-istess università. Huwa għen biex fl-1954 titwaqqaf l-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta, li wara sar il-president onorarju tagħha.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Ċensu Tabone ma daħalx żgħir fil-politika, u fil-fatt ikkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali meta kellu 50 sena, fl-1962. Għal ħafna snin kien membru parlamentari f'isem il-Partit Nazzjonalista. Hu ħaddan diversi karigi f'dan il-partit, fosthom membru tal-Kumitat Eżekuttiv, Segretarju Ġenerali u Deputat Mexxej tal-Partit. Kien Ministru tax-Xogħol fis-snin sittin u Ministru tal-Affarijiet Barranin fis-snin tmenin. Kien membru ta' diversi kumitati tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa waqqaf l-Akkademja għall-Iżvilupp tal-Ambjent Demokratiku (AŻAD), li taghha kien President bejn l-1976 u l-1988.

Barra minn xtutna, l-inizjattivi tiegħu wasslu sabiex in-Nazzjonijiet Magħquda welldet il-Pjan ta' Vjenna għal Azzjoni favur l-Anzjani. L-istess organizzazzjoni stabilixxiet il-Klima bħala Wirt Komuni tal-Umanità. Huwa kien ressaq mozzjoni quddiem in-Nazzjonijiet Magħquda bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, biex din tiddikjara l-klima tad-dinja bħala patrimonju komuni tal-umanità.

President[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-16 ta' Marzu, 1989, Ċensu Tabone irriżenja minn Ministru tal-Affarijiet Barranin u minn membru parlamentari, biex fl-4 ta' April tal-istess sena nħatar President ta' Malta. Waħda minn uliedu, Helen, tgħid li “Bejn l-1987 u l-1989 kien Ministru tal-Affarijiet Barranin u kien rwol li vera kien iħobb. Kien għal qalbu ħafna f'din il-pożizzjoni u għalhekk għall-ewwel kien ħadha ftit bi kbira. Kien xtaq jagħmel aktar f'din il-pożizzjoni."

Iżda Eddie Fenech Adami, li nnominah għall-kariga, jgħid li ma kien hemm l-ebda reżistenza min-naħa ta' Tabone. “Ċensu kien diġà jidher bħala 'father figure' kemm fil-partit kif ukoll fil-pajjiż, u kien magħruf mhux biss bħala politiku imma wkoll bħala tabib u President tal-union tat-tobba. Kien għażla naturali għall-kariga ta' President tar-Reppublika, u għalhekk il-fatt li ntgħażel la kienet sorpriża għalih u lanqas għall-pajjiż.”.

Bħala President, Tabone serva sal-1994. Meta ġie biex jispiċċa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant kien ried li tinbidel il-Kostituzzjoni biex Tabone jkun jista' jservi terminu ieħor.

Familja[immodifika | immodifika s-sors]

Ċensu Tabone żżewweġ lil Maria Wirth fit-23 ta' Novembru 1941. L-attur Malti ta' Hollywood Joseph Calleia kien prim kuġin tiegħu.

Monument[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-4 ta' Diċembru 2014, il-Prim Ministru Joseph Muscat kixef monument f'ġieħu fil-Balluta, San Ġiljan, fejn għex għal ħafna żmien. F'dan id-diskors, huwa ħalla l-karti biex għamel apoloġija lill-familja ta' Ċensu Tabone għall-bojkott li l-Partit Laburista kien għamel lill-Presidenza ta' Tabone fl-1989.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Paul Xuereb
(aġent)
President ta' Malta
1989–1994

Suċċessur
Ugo Mifsud Bonnici