Zivana

Iż-zivana jew iż-zivania (bil-Grieg: ζιβανία, ζιβάνα) huwa brandy Ċiprijott tal-karfa tal-għeneb, prodott mid-distillazzjoni ta' taħlita ta' karfa tal-għeneb u nbejjed xotti lokali magħmula mill-varjetajiet tal-għeneb Xynisteri u Mavro.[1] L-isem ta' "zivina" jew "zivania" ġej mil-Grieg (ζίβανα) li tfisser karfa tal-għeneb bid-djalett Grieg ta' Ċipru. Iż-zivana hija xarba alkoħolika bla kulur, b'aroma ħafifa ta' żbib. Il-kontenut tal-alkoħol ivarja, b'45 % skont il-volum bħala perċentwal tipiku. Skont id-definizzjoni fid-dritt, iż-zivana ma jistax ikollu kontenut tal-alkoħol ta' iktar minn 60 %. Iż-zivana ma fihx zokkor u ma għandux aċidità.[2]
Mhux magħruf meta ż-zivana ġie prodott għall-ewwel darba f'Ċipru. Uħud jemmnu li l-metodu tal-produzzjoni taż-zivania, li jixbah il-metodu tal-produzzjoni tat-tsipouro,[3] twassal f'Ċipru mill-patrijiet tal-Muntanja Athos fis-seklu 15, filwaqt li oħrajn jemmnu li ż-zivania ilu jiġi prodott f'Ċipru minn żmien it-tmexxija tal-gżira mir-Repubblika ta' Venezja, għall-ħabta ta' tmiem is-seklu 15. L-evidenza tal-produzzjoni kontinwata matul it-tmexxija Ottomana u Brittanika fil-gżira titwassal minn kittieba bħall-kittieb Brittaniku Samuel Baker li fl-1879 jirrapporta: "...il-fdalijiet tal-ġlud u taz-zkuk jitqiegħed fuq naħa biex jiffermenta għall-manifattura tar-raki, jew ta' xarba spirituża, permezz tad-distillazzjoni...".[4]
Skont id-dritt Ċiprijott rigward ir-regolamentazzjoni u l-kontroll tal-prodotti tal-għeneb tal-1965 (52/1965) (bil-Grieg: Ο περί Ρυθμίσεως και Ελέγχου της Βιομηχανίας Αμπελουργικών Προϊόντων Νόμος του 1965 (52/1965) iż-zivania huwa definit bħala "xarba alkoħolika li fiha mhux iktar minn 60 % alkoħol skont il-volum, li jiġi prodott b'mod esklużiv mill-ewwel distillazzjoni tal-inbid, tal-għeneb u tal-karfa tal-għeneb iffermentati jew żbib jew kwalunkwe fdal ieħor simili" (bil-Grieg: "ζιβανία" σημαίνει οινοπνευματώδες ποτόν περιέχον ουχί πέραν των 60% οινόπνευμα παραγόμενον αποκλειστικώς και μόνον διά της πρώτης αποστάξεως οίνων, τρυγίας, σταφυλών αι οποίαι υπέστησαν ζύμωσιν ή σταφίδων ή οιωνδήποτε υπολειμμάτων τούτων).[2]
Mill-1989, iż-zivania ġie protett skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea bħala prodott b'denominazzjoni ta' oriġini kkontrollata li jiġi prodott f'Ċipru.[5]
Produzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-produzzjoni taż-zivana tibda bit-tgħasir tal-għeneb matur f'saħħtu biex jiġi prodott il-most. Id-densità tal-most tal-għeneb imbagħad tiġi kkontrollata b'idrometru ta' Baumé biex jiġi żgurat li jkollu valur ta' densità ta' inqas minn 13° Baumé. Dan huwa meħtieġ biex il-most jikseb il-fermentazzjoni sħiħa u xierqa. Il-most tal-għeneb, flimkien mal-karfa tal-għeneb, imbagħad jitpoġġew f'kontenituri kbar u jitħallew jiffermentaw. Tradizzjonalment, it-taħlita tal-most u tal-karfa tal-għeneb kienet titqiegħed ġo kontenituri kbar tat-tafal (pithos, bil-Grieg: πιθάρι). Malli l-proċess tal-fermentazzjoni jitlesta (jiġifieri l-most iffermentat jiġi kkontrollat u jiġi kkonfermat li għandu valur ugwali jew inqas minn 0° Baumé), it-taħlita tal-most u tal-karfa tal-għeneb iffermentati tiġi ttrasferita lejn il-kontenitur prinċipali (kazani, bil-Grieg: καζάνι) għad-distillazzjoni.
Il-kontenituri tradizzjonali taż-zivana jissejħu lampikos (bil-Grieg: λαμπίκος, pronunzja bil-Grieg: [lamˈbikos]) bid-djalett Grieg ta' Ċipru. F'xi villaġġi ta' Ċipru, lampikos uniku kien jiġi kondiviż bejn iċ-ċittadini kollha tal-villaġġ. Il-kontenituri tradizzjonali taż-zivana huma simili għal dawk li jintużaw għat-tsikoudia f'Kreta.
Ladarba l-kontenitur prinċipal jingħalaq b'mod ermetiku, jitqiegħed in-nar taħtu. In-nar jiġi mmonitorjat u jinżamm sabiex jipproduċi sħana kostanti. L-ewwel zivania prodotta jkollha l-ogħla kontenut tal-alkoħol, filwaqt li l-aħħar waħda li toħroġ mill-apparat ikollha kontenut baxx tal-alkoħol u tissejjaħ porakos (bil-Grieg: πόρακος). L-ewwel zivania tipikament tiġi skartata għax ma tkunx tajba għax-xorb peress li jkun fiha sustanzi kimiċi li jagħmlu ħsara lis-saħħa jew tintuża għall-massaġġi tal-partijiet tal-ġisem ibsin.
Skont it-taħlita ta' qabel id-distillazzjoni, jiġi prodotti kwalitajiet differenti ta' zivania:
- zivania prodotta bl-użu tal-inbid biss għad-distillazzjoni;
- zivania produtta bl-użu tal-inbid u tal-karfa tal-għeneb għad-distillazzjoni;
- zivania prodotta bl-użu tal-karfa tal-għeneb, tal-ilma u ta' zivania ħafifa.
Ħżin u trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żivania normalment tinħażen f'kontenituri nodfa tal-injam jew tal-metall galvanizzat li jkunu jistgħu jiġu ssiġillati sabiex ma jkunx hemm evaporazzjoni. Ix-xarba tista' tiġi ttrasferita fi fliexken tal-ħġieġ għal ħżin qasir jew għall-konsum.
Konsum u użu ieħor
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċiprijotti jikkonsmaw iż-zivania matul is-sena kollha. Matul is-sajf, iż-zivania tiġi servuta kiesħa silġ. Iż-zivania normalment ma tiġix ikkonsmata waħedha u tipikament magħha jiġu servuti lewż imnixxef, loukoumi, shoushouko jew bukkuni żgħar bħal-loukaniko, il-lountza u t-tsamarella ta' Ċipru.
Qabel l-introduzzjoni tal-birra u ta' xorb alkoħoliku ieħor f'Ċipru, ix-xarbiet alkoħoliċi prinċipali kkonsmati miċ-Ċiprijotti kienu l-inbid u ż-zivania. F'xi villaġġi ta' Ċipru, tiżdied il-kannella maż-zivania biex b'hekk tikseb lewn aħmar, aroma u benna partikolari. Meta ż-zivania titqaddem, tikseb benna u aroma iktar qawwijin. Iż-zivania mqaddma hija preġjata ferm u tinżamm għall-konsum f'okkażjonijiet speċjali jew bħala grokk ta' merħba għall-viżitaturi.
Iż-zivania, minbarra l-użu tagħha bħala xarba alkoħolika, tintuża wkoll għat-trattament tal-feriti, għall-massaġġi tal-partijiet tal-ġisem ibsin, bħala rimedju għall-irjiħat u għall-uġigħ tas-snien, u bħala xarba li ssaħħnek matul ix-xhur kesħin tax-xitwa, speċjalment fil-villaġġi tal-Muntanji Troodos.
Awtentiċità
[immodifika | immodifika s-sors]Sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità taż-zivania, saru studji kimiċi biex jiġi investigat liema mill-metalli analizzati jikkostitwixxu parametri dijanjostiċi għall-istabbiliment tal-awtentiċità. Ir-riżultati tal-istudji stabbilew li ż-zivania hija marbuta mal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi u klimatiċi uniċi li jeżistu fil-gżira ta' Ċipru.[6][7]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Fliexken taż-zivania.
- Flixkun zivania.
- Tazza zivania.
- L-għeneb Mavro li jintuża fil-produzzjoni taż-zivania.
- L-apparat tad-distillazzjoni (kazani) fil-villaġġ ta' Amiras, Kreta.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Xynisteri | Vouni Panayias Winery". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-02-14. Miġbur 2026-05-12.
- 1 2 "Ο περί Ρυθμίσεως και Ελέγχου της Βιομηχανίας Αμπελουργικών Προϊόντων Νόμος του 1965 - 52/1965 - 2 - Ερμηνεία". www.cylaw.org. Miġbur 2026-05-12.
- ↑ "The history of "tsipouro" – Makri Distillery" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-12.
- ↑ Samuel W. Baker (1879). Cyprus, as I Saw it in 1879. Project Gutenberg (Etext edition, 2003). p. 120. ISBN 978-1-84637-912-3.
- ↑ "01989R1576-20070101: Council Regulation (EEC) No 1576/89 of 29 May". eur-law.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-12.
- ↑ Petrakis, Panos; Touris, Ioannis; Liouni, Maria; Zervou, Maria; Kyrikou, Ioanna; Kokkinofta, Rebecca; Theocharis, Charis R.; Mavromoustakos, Thomas M. (2005). "Authenticity of the Traditional Cypriot Spirit "Zivania" on the Basis of1H NMR Spectroscopy Diagnostic Parameters and Statistical Analysis". Journal of Agricultural and Food Chemistry. 53 (13): 5293–5303. doi:10.1021/jf0495800.
- ↑ Kokkinofta, R.; Petrakis, P. V.; Mavromoustakos, T.; Theocharis, C. R. (2003). "Authenticity of the traditional cypriot spirit "zivania" on the basis of metal content using a combination of coupled plasma spectroscopy and statistical analysis". Journal of Agricultural and Food Chemistry. 51 (21): 6233–6239. doi:10.1021/jf034476o. PMID 14518949.