Aqbeż għall-kontentut

Xerxes I

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Xerxes I
Re tar-Rejiet

Ottubru 486 "BCE" - Awwissu 465 "BCE"
← Darius I - Artaxerxes I →
faragħun

Ħajja
Twelid Imperu tal-Akemenidi, 519 BC
Nazzjonalità Imperu tal-Akemenidi
Mewt Persis, Awwissu 465 "BCE"
Post tad-dfin Iran
Mudell:P Artabanus
Familja
Missier Darius I
Omm Atossa
Konjuga/i Amestris
Ulied
uri
Aħwa
uri
Tribù dinastija tal-Akemenidi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni statista

Xerxes I (pronunzja: /ˈzɜːrksiːz/ ZURK-seez;[1] mill-Persjan Antik Khshayarsha, magħruf iktar bħala Xerxes il-Kbir; li twieled għall-ħabta tal-518 Q.K. – miet fl-465 Q.K.)[2] kien mexxej Persjan li rrenja bħala r-raba' Re tar-Rejiet tal-Imperu tal-Akemenidi mill-486 Q.K. sal-assassinju tiegħu fl-465 Q.K. Huwa kien iben Darius il-Kbir u Atossa, bint Ċiru l-Kbir.

Fl-istorja tal-Punent, Xerxes huwa magħruf l-iktar għall-invażjoni li wettaq fil-Greċja fl-480 Q.K., li ntemmet b'telfa għall-Persjani. Xerxes sar is-suċċessur ta' Darius minflok ħuh il-kbir Artobarzan u wiret imperu multietniku kbir mal-mewt ta' missieru. Huwa kkonsolida l-poter billi għakkes ir-rewwixti fl-Eġittu u fil-Babilonja, u ġedded il-kampanja militari ta' missieru biex il-Greċja tiġi sottomessa u biex Ateni u l-alleati tagħha jiġu kkastigati talli ndaħlu fir-Rewwixta Jonika. Fl-480 Q.K., Xerxes mexxa armata kbira u qasam il-Hellespont lejn l-Ewropa. Huwa kiseb rebħiet f'Thermopylae u f'Artemisium qabel ma ħataf u qered lil Ateni. Il-qawwiet tiegħu kisbu l-kontroll tal-art kontinentali tal-Greċja fit-Tramuntana tal-Istmu ta' Korinzju sa ma ġarrbu telfa fil-Battalja ta' Salamis. Minħabba li beża' li l-Griegi setgħu jagħmlulu nasba fl-Ewropa, Xerxes irtira flimkien mal-biċċa l-kbira tal-armata tiegħu lura lejn l-Asja, u ħalla warajh lil Mardonius biex ikompli l-kampanja militari tiegħu. Mardonius ġarrab telfa fi Plataea s-sena ta' wara, li temmet l-invażjoni Persjana.

Wara li rritorna lejn il-Persja, Xerxes iddedika ruħu għall-proġetti kbar ta' kostruzzjoni, il-biċċa l-kbira minnhom li ma kinux tlestew minn missieru. Huwa ssorvelja t-tlestija tad-Daħla tan-Nazzjonijiet Kollha, tal-Palazzi ta' Apadana u ta' Tachara f'Persepolis, u kompla l-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Darius f'Susa. Huwa ħa ħsieb it-twettiq tal-manutenzjoni tar-Rotta Rjali li nbniet minn missieru. Fl-465 Q.K., Xerxes u l-eredi tiegħu Darius ġew assassinati minn Artabanus, il-kmandant tal-għassies irjali. Is-suċċessur tiegħu kien it-tielet iben tiegħu, li tela' fuq it-tron bħala Artaxerxes I.

Xérxēs (Ξέρξης) hija t-trażlitterazzjoni Griega u Latina (Xerxes, Xerses) tal-Persjan Antik Xšaya-ṛšā (li jfisser "mexxej fuq l-eroj"), abbażi tal-ewwel parti xšaya, li tfisser "mexxej", u t-tieni parti ṛšā, li tfisser "eroj".[3] Isem Xerxes kien magħruf bl-Akkadjan bħala Ḫi-ši-ʾ-ar-šá u bl-Aramajk bħala ḥšyʾrš. Xerxes sar isem popolari fost il-mexxeja tal-Imperu tal-Akemenidi.[4]

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Nisel u twelid

[immodifika | immodifika s-sors]

Missier Xerxes kien Darius I (li rrenja fil-522 Q.K. sal-486 Q.K.), il-monarka tal-Imperu tal-Akemenidi, minkejja li ma kienx membru tal-familja ta' Ċiru l-Kbir, il-fundatur tal-imperu. Omm Xerxes kienet Atossa, bint Ċiru. Darius u Atossa żżewġu fil-522 Q.K., u Xerxes twieled għall-ħabta tal-518 Q.K.

Skont id-djalogu Grieg tal-Ewwel Alcibiades, li jiddeskrivi t-trawwim u l-edukazzjoni tipiċi tal-prinċpijiet Persjani, dawn kienu jitrawmu minn irġiel ikkastrati. Tal-età ta' 7 snin, il-prinċpijiet kienu jitgħallmu jirkbu ż-żiemel u jikkaċċjaw; wara li kienu jagħlqu 14-il sena, kienu jiġu mgħallma minn erba' għalliema minn sfondi aristokratiċi, li kienu jgħallmuhom ikunu "għorrief, ġusti, prudenti u qalbiena". Il-prinċpijiet Persjani kienu jitgħallmu wkoll l-affarijiet bażiċi tar-reliġjon taż-Żoroastrijaniżmu, u kienu jiġu mgħallma jkunu sinċieri, kuraġġużi u jkollhom awtokontroll. Id-djalogu żied ukoll li "l-biża', għal Persjan, hija l-ekwivalenti tal-iskjavitù". Tal-età ta' 16 jew 17-il sena, il-prinċpijiet kienu jibdew l-10 snin obbligatorji ta' servizz nazzjonali, li kienu jinkludu l-prattika tal-isparar bil-qaws u tat-tfigħ tal-ġavellin, il-kompetizzjoni għal premjijiet, u l-kaċċa. Wara kienu jagħtu servizz fil-militar għal madwar 25 senaA, u wara kienu jiġu elevati għall-istatus ta' anzjani u konsulenti tar-re. F'dak iż-żmien, il-familji inkluż ta' Xerxes, kienu jiżżewġu bejn il-membri tal-istess familja.

Dan ir-rakkont dwar l-edukazzjoni fost l-elit Persjan huwa appoġġat mid-deskrizzjoni ta' Xenophon tas-seklu 5 Q.K. Il-prinċep tal-Akemenidi, Ċiru ż-Żgħir, kien midħla sew tiegħu. Stoneman jissuġġerixxi li dan kien it-tip ta' trawwim u ta' edukazzjoni li esperjenza Xerxes. Mhuwiex magħruf jekk Xerxes qatt tgħallem jaqra jew jikteb, peress li l-Persjani kienu jagħtu preferenza lill-istorja orali minflok il-letteratura miktuba. Stoneman jissuġġerixxi li t-trawwim u l-edukazzjoni ta' Xerxes x'aktarx li ma kinitx wisq differenti minn dik tar-rejiet Persjani li ġew wara, bħal Abbas il-Kbir, ir-re tal-Imperu tas-Safavidi fis-seklu 17 W.K. Mill-498 Q.K., Xerxes irresjeda fil-palazz irjali tal-Babilonja.

Aċċess għat-tron

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt li Darius kien qed iħejji għal gwerra oħra kontra l-Greċja, faqqgħet rewwixta fl-Eġittu fl-486 Q.K. rigward it-tassazzjoni u d-deportazzjoni tal-artiġjani biex jibnu l-palazzi rjali f'Susa u f'Persepolis. Skont il-liġi Persjana r-re kellu jagħżel suċċessur qabel ma jmur fuq spedizzjonijiet perikolużi; meta Darius iddeċieda li jitlaq lejn l-Eġittu (487–486 Q.K.), huwa ħejja l-qabar tiegħu f'Naqsh-e Rustam (5 kilometri mill-palazz irjali tiegħu f'Persepolis) u ħatar lil Xerxes, ibnu l-kbir mingħand Atossa, bħala s-suċċessur tiegħu. Darius ma setax imexxi l-kampanja militari minħabba li saħħtu marret għall-agħar; huwa miet f'Ottubru 486 Q.K. tal-età ta' 64 sena.

Artobazan sostna li kellu jingħata l-kuruna bħala l-ikbar iben ta' Darius, filwaqt li Xerxes sostna l-istess għalih abbażi tal-fatt li kien iben Atossa, bint Ċiru, u li Ċiru kien rebaħ il-libertà tal-Persjani. Dak li sostna Xerxes ġie appoġġat minn re Spartan f'eżilju li kien preżenti fil-Persja dak iż-żmien, ir-re Ewripontid Demaratus, li sostna wkoll li l-ikbar iben b'mod universali ma kellux l-aqwa jedd għall-kuruna, u kkwota l-liġi Spartana, li kienet tiddikjara li l-ewwel iben li jitwieled meta l-missier ikun re kien l-eredi għat-tron. Xi studjużi moderni huma tal-fehma wkoll li d-deċiżjoni mhux tas-soltu ta' Darius li jagħti t-tron lil Xerxes kienet frott il-ħsieb tal-prestiġju partikolari li kellhom Ċiru l-Kbir u bintu Atossa. Artobazan twieled meta "Darius kien sudditu", filwaqt li Xerxes kien l-ikbar iben "li twieled wara li Darius tela' fuq it-tron". Filwaqt li omm Artobazan kienet persuna komuni, omm Xerxes kienet bint il-fundatur tal-Imperu tal-Akemenidi.

Xerxes ġie inkurunat u tela' fuq it-tron wara f'Ottubru–Diċembru 486 Q.K. meta kellu madwar 32 sena. It-tranżizzjoni tal-poter lil Xerxes mexiet ħarir, mill-ġdid parzjalment bis-saħħa tal-awtorità kbira ta' Atossa u l-aċċess tiegħu għall-poter irjali ma ġiex ikkontestat minn ħadd fil-qorti jew fil-familja Akemenida jew minn xi nazzjon sudditu.

Konsolidazzjoni tal-poter

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Babilonja ta' H. Fletcher, 1690.

Fi żmien l-aċċess ta' Xerxes għat-tron, il-borma bdiet tbaqbaq f'uħud mid-dominji tiegħu. Inqalgħet rewwixta fl-Eġittu, li kienet tidher perikoluża biżżejjed tant li Xerxes ma mexxiex l-armata personalment biex jerġa' jistabbilixxi l-ordni (b'hekk kellu l-opportunità li jibda r-renju tiegħu b'kampanja militari). Xerxes għakkes ir-rewwixta f'Jannar 484 Q.K. u ħatat lil ħuh Achaemenes bħala s-satrap tal-Eġittu, minflok is-satrap ta' qabel Pherendates, li jingħad li nqatel waqt ir-rewwixta. L-armata nfilġet sabiex tgħakkes ir-rewwixta Eġizzjana, wara li ġiet immobilizzata minn Darius fit-3 snin ta' qabel. Għaldaqstant, Xerxes kellu jerġa' jgħaqqad armata oħra għall-ispedizzjoni tiegħu fil-Greċja, li damet 4 snin oħra. Kien hemm l-inkwiet ukoll fil-Babilonja, fejn kien hemm mill-inqas żewġ rewwixti kontra Xerxes matul ir-renju tiegħu. L-ewwel rewwixta faqqgħet f'Ġunju jew f'Lulju 484 Q.K. u tmexxiet minn ribelli jismu Bel-shimanni. Ir-rewwixta ta' Bel-shimmani kellha għomorha qasir; id-dokumenti Babiloniżi miktubin matul ir-renju tiegħu jkopru perjodu ta' ġimagħtejn biss.

Sentejn wara, il-Babilonja kellha mexxej ribelli ieħor, Shamash-eriba. Fil-bidu tas-sajf tal-482 Q.K., Shamash-eriba ħataf il-Babilonja u bliet oħra fil-qrib, bħal Borsippa u Dilbat, u ġarrab telfa biss f'Marzu 481 Q.K. wara l-assedju twil tal-Babilonja. Il-kawża preċiża tar-rewwixta fil-Babilonja mhix ċerta. Jaf faqqgħet minħabba żidiet fit-taxxi. Qabel dawn ir-rewwixti, il-Babilonja kienet okkupat pożizzjoni speċjali fl-Imperu tal-Akemenidi; ir-rejiet tal-Akemenidi kellhom it-titli ta' "Re tal-Babilonja" u "Re tal-Artijiet", li kienu jimplikaw li kienu jipperċepixxu l-Babilonja bħala xi entità separata fi ħdan l-imperu tagħhom, magħquda mar-renju tagħhom stess f'unjoni personali. Madankollu, wara r-rewwixti Xerxes neħħa t-titlu ta' "Re tal-Babilonja" u qasam is-satrapija Babiloniża li qabel kienet tassew kbira (kienet tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-Imperu Neo-Babiloniż) f'sottounitajiet iżgħar.

Abbaż ta' testi mill-awturi klassiċi, spiss wieħed jissoponi li Xerxes wettaq tpattija brutali kontra l-Babilonja wara ż-żewġ rewwixti. Skont il-kittieba tal-qedem, Xerxes qered il-fortifikazzjonijiet tal-Babilonja u kkawża xi ħsarat fit-tempji tal-belt. L-Esagila allegatament ġarrbet ħsara kbira, u Xerxes allegatament ġarr l-istatwa ta' Marduk miegħu mill-belt, u x'aktarx ġabha miegħu fl-Iran u dewwibha (l-awturi klassiċi jsostnu li l-istatwa kienet magħmula kollha mid-deheb, u b'hekk setgħet tinħall faċilment). L-istoriku modern Amélie Kuhrt iqis li huwa improbabbli li Xerxes qered it-tempji, iżda jemmen li l-ġrajja tiegħu jagħmel dan jaf oriġinat minn sentiment anti-Persjan fost il-Babiloniżi. Huwa dubjuż jekk l-istatwa tneħħietx mill-Babilonja wara kollox u wħud saħansitra ssuġġerew li Xerxes neħħa statwa mill-belt, iżda kienet l-istatwa tad-deheb ta' raġel mhux l-istatwa tal-alla Marduk. Għalkemm ma tantx jissemma meta mqabbel ma' perjodi iktar bikrin, id-dokumenti kontemporanji jissuġġerixxu li l-Festival tas-Sena l-Ġdida Babiloniża tkompla f'xi forma jew oħra fi żmien l-Imperu tal-Akemenidi. Minħabba l-bidla fit-tmexxija mill-Babiloniżi stess għall-Persjani u minħabba s-sostituzzjoni tal-familji tal-elit tal-belt minn Xerxes wara r-rewwixta, x'aktarx li r-ritwali u l-avvenimenti tradizzjonali tal-festival nbidlu b'mod konsiderevoli.

Kampanji militari

[immodifika | immodifika s-sors]

Invażjoni tal-art kontinentali tal-Greċja

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-suldati ta' Xerxes I, ta' kull etniċità, fuq il-qabar ta' Xerxes I, f'Naqsh-e Rostam.

Darius miet meta kien fil-proċess li jħejji t-tieni armata għall-invażjoni tal-art kontinentali Griega, u b'hekk ħalla f'idejn ibnu biex jikkastiga lill-Atenjani, lin-Naksjani u lill-Eretrijani talli ndaħlu fir-Rewwixta Jonika, il-ħruq ta' Sardis, u r-rebħa tagħhom kontra l-Persjani f'Maratona. Xerxes inizjalment ried jevita gwerra kbira mal-Greċja, iżda ġie konvint mod ieħor mill-ġenerali ta' missieru mmexxijin minn kuġinuh Mardonius, li akkużah li kien timidu. Mill-483 Q.K., Xerxes ħejja l-ispedizzjoni tiegħu: il-Kanal ta' Xerxes tħaffer fl-istmu tal-peniżola tal-Muntanja Athos, il-provvisti nħażnu fl-istazzjonijiet tul ir-rotta mit-Traċja, u żewġ pontijiet li iktar 'il quddiem saru magħrufa bħala l-Pontijiet ta' Xerxes inbnew minn naħa għall-oħra tal-Hellespont. Suldati ta' bosta nazzjonalitajiet servew fl-armati ta' Xerxes mill-imperu multietniku enormi tiegħu u lil hinn, inkluż il-Medes, is-Saka, l-Elamiti, l-Assirjani, il-Feniċi, il-Babiloniżi, l-Eġizzjani, il-Lhud, il-Maċedoni Għarab, it-Traċjani, il-Peonjani, il-Griegi Akeani, il-Griegi Joniċi, il-Griegi tal-Eġew, il-Griegi Eoljani, il-Griegi minn Pontus, il-Kolkjani, is-Sindhis u bosta oħrajn.

Skont l-istoriku Grieg Erodotu, l-ewwel tentattivi ta' Xerxes li jagħmel pont minn naħa għall-oħra tal-Hellespont intemmu f'falliment meta maltempata qerdet il-kejbils tal-kittien u tal-papiru tal-pontijiet. B'ritaljazzjoni, Xerxes ordna li l-Hellespont (l-istrett innifsu) jiġi msawwat bil-frosta 300 darba, u ordna li jintremew il-ktajjen fl-ilma. It-tieni tentattiv ta' Xerxes li joħloq pont minn naħa għall-oħra tal-Hellespont irnexxa. L-invażjoni Kartaġiniża ta' Sqallija ċaħdet lill-Greċja mill-appoġġ tal-monarki setgħana ta' Siracusa u Agrigentum; sorsi tal-qedem jassumu li Xerxes kien responsabbli, filwaqt li l-istudjużi moderni huma xettiċi. Barra minn hekk, bosta stati Griegi iżgħar żammew mal-Persjani, speċjalment Thessaly, Tebe u Argos. Xerxes ħareġ rebbieħ matul il-battalji inizjali.

Xerxes salpa fir-rebbiegħa tal-480 Q.K. minn Sardis bi flotta u b'armata li skont l-istimi ta' Erodotu kienu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor miljun ruħ, flimkien ma' 10,000 ġellied prim imsejħa immortali. Stimi iktar reċenti jsostnu li l-qawwa Persjana kien fiha madwar 60,000 ġellied.

Battalja ta' Thermopylae u l-qerda ta' Ateni

[immodifika | immodifika s-sors]
Re tal-Imperu tal-Akemenidi joqtol lil oplit Grieg. Il-marka ta' siġill ċilindriku fuq it-tafal, skolpita għall-ħabta tal-500–475 Q.K., fi żmien Xerxes I, fil-Mużew Metropolitan tal-Arti.

Fil-Battalja ta' Thermopylae, qawwa żgħira ta' ġellied Griegi mmexxija mir-Re Leonidas ta' Sparta rreżistiet il-qawwiet Persjani ferm akbar, iżda fl-aħħar mill-aħħar ġarrbet telfa. Skont Erodotu, il-Persjani kissru l-formazzjoni tat-truppi Spartani wara li raġel Grieg jismu Ephialtes tradixxa lil pajjiżu billi qal lill-Persjani li kienet teżisti mogħdija oħra madwar il-muntanji. F'Artemisium, maltempati kbar qerdu l-bastimenti min-naħa Griega u b'hekk il-battalja ntemmet b'mod prematur meta l-Griegi semgħu bit-telfa mġarrba f'Thermopylae u rtiraw.

Wara Thermopylae nħatfet Ateni. Il-biċċa l-kbira tal-Atenjani kienu abbandunaw il-belt u ħarbu lejn il-gżira ta' Salamis qabel il-wasla ta' Xerxes. Grupp żgħira pprova jiddefendi l-Akropoli ta' Ateni, iżda ġarrbu telfa. Xerxes ordna l-Qerda ta' Ateni u ħaraq il-belt, tant li ħalla saff ta' qerda li ġie attestat arkeoloġikament, magħruf bħala l-Perserschutt. Il-Persjani b'hekk kisbu l-kontroll tal-art kontinentali Griega kollha lejn it-Tramuntana tal-Istmu ta' Korinzju.

Battalja ta' Salamis u Battalja ta' Plataea

[immodifika | immodifika s-sors]

Xerxes ġie mħajjar jattakka l-flotta Griega permezz tal-messaġġ ta' Themistocles (kontra l-parir ta' Artemisia ta' Halicarnassus), peress li suppost kellu kundizzjonijiet favorevoli, minflok ma jibgħat parti mill-bastimenti tiegħu lejn il-Gżejjer Peleponniżi u jistenna x-xoljiment tal-armati Griegi. Il-Battalja ta' Salamis (Settembru 480 Q.K.) intrebħet mill-flotta Griega, u wara Xerxes stabbilixxa kamp tax-xitwa f'Thessaly.

Skont Erodotu, minħabba li beża' li l-Griegi setgħu jattakkaw il-pontijiet minn naħa għall-oħra tal-Hellespont u jagħmlu nassa lill-armata tiegħu fl-Ewropa, Xerxes iddeċieda li jirtira lura lejn l-Asja, u ħa l-ikbar parti tal-armata miegħu. Xi ħaġa oħra li wasslet għall-irtirar jaf kienu l-irvellijiet kontinwi fil-Babilonja, li kienet provinċja ewlenija tal-imperu, u kienet teħtieġ l-attenzjoni personali tar-re. Huwa ħalla warajh kontinġent fil-Greċja biex itemm il-kampanja militari taħt Mardonius, li skont Erodotu kien issuġġerixxa l-irtirar. Din il-qawwa ġarrbet telfa s-sena ta' wara fi Plataea billi kkombina l-qawwiet tal-bliet-stati Griegi, u temmet l-offensiva Persjana fuq il-Greċja għal dejjem.

Proġetti ta' kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qabar ta' Xerxes I f'Naqsh-e Rostam.

Wara t-telfiet militari tiegħu fil-Greċja, Xerxes reġa' lura lejn il-Persja u ssorvelja t-tlestija tal-bosta proġetti ta' kostruzzjoni li ma kinux tlestew minn missieru f'Susa u f'Persepolis. Huwa ssorvelja l-bini tad-Daħla tan-Nazzjonijiet Kollha u tas-Sala tal-Mitt Kolonna f'Persepolis, li huma l-ikbar strutturi u l-iżjed imponenti tal-palazz. Huwa ssorvelja t-tlestija tal-Palazz ta' Apadana, it-Tachara (il-Palazz ta' Darius) u t-Teżor, li kollha kienu nbdew minn Darius, kif ukoll il-palazz tiegħu stess li kien id-doppju tad-daqs ta' dak ta' missieru. Il-gosti arkitettoniċi tiegħu kienu simili għal dawk ta' missieru, għalkemm fuq skala iktar ġganteska. Huwa ordna li jiżdiedu l-brikks bl-enamel fuq il-faċċata esterna tal-Palazz ta' Apadana bħala tiżjin. Huwa wettaq ukoll il-manutenzjoni meħtieġa tar-Rotta Rjali li nbniet minn missieru u lesta d-Daħla ta' Susa u bena palazz f'Susa.

Mewt u suċċessjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Din il-kitba kunejformi ssemmi l-qtil ta' Xerxes I minn ibnu. Mill-Babilonja, l-Iraq. Issa tinsab fil-Mużew Brittaniku.

F'Awwissu 465 Q.K., x'aktarx bejn l-4 u t-8 ta' Awwissu, Artabanus, il-kmandant tal-għassies irjali u l-iżjed uffiċjal setgħan fil-qorti Persjana, wettaq l-assassinju ta' Xerxes bl-għajnuna tar-raġel ikkastrat, Aspamitres. Għalkemm l-Irkanjan Artabanus kellu l-istess isem taz-ziju famuż ta' Xerxes, sar prominenti bis-saħħa tal-popolarità li kellu fil-kwartieri reliġjużi tal-qorti u l-intriċċi fil-ħarem. Huwa poġġa lis-seba' ulied subien tiegħu f'karigi ewlenin u kellu pjan biex ineħħi lill-Akemenidi minn fuq it-tron.

Xerxes waqt li qed jiġi ddeżinjat minn Darius I. Persepolis. L-etniċitajiet tal-imperu jidhru qed jappoġġaw it-tron. Id-divinità Ahura mazda tinkuruna x-xena.

L-istoriċi Griegi jagħtu rakkonti li jvarjaw rigward l-avvenimenti. Skont Ctesias (f'Persica 20), Artabanus imbagħad akkuża l-Prinċep Eredi Darius, l-ikbar iben ta' Xerxes, bil-qtil u pperswada lil iben ieħor ta' Xerxes, Artaxerxes, biex ipatti għall-patriċidju billi joqtol lil Darius. Iżda skont Aristotli (fil-Politika 5.1311b), Artabanus l-ewwel qatel lil Darius u mbagħad qatel lil Xerxes. Wara li Artaxerxes skopra l-qtil, huwa qatel lil Artabanus u lill-ulied subien tiegħu. F'dawn l-intriċċi ħa sehem ukoll il-Ġeneral Megabyzus, li ddeċieda li jaqleb in-naħat u x'aktarx salva lill-Akemenidi milli jitilfu l-kontroll li kellhom fuq it-tron Persjan.

Filwaqt li ma hemm l-ebda konsensus ġenerali fost l-istudjużi dwar jekk Xerxes u l-predeċessuri tiegħu kinux influwenzati miż-Żoroastrijaniżmu, ġie stabbilit sew li Xerxes kien jemmen ferm f'Ahura Mazda, li kien iqis bħala d-divinità suprema. Madankollu, id-divinità Ahura Mazda kienet meqjuma wkoll minn aderenti tat-tradizzjoni reliġjuża (Indo-)Iranjana. Fir-rigward tat-trattament ta' reliġjonijiet oħra, Xerxes segwa l-istess politika tal-predeċessuri tiegħu: huwa appella għall-istudjużi reliġjużi lokali, għamel sagrifiċċji għad-divinitajiet lokali, u qered it-tempji fil-bliet u fil-pajjiżi li kkawżaw id-diżordni.

Mar-Reġina Amestris:

  • Darius, l-ewwel tifel tiegħu, li nqatel minn Artaxerxes I jew Artabanus;
  • Hystaspes, li nqatel minn Artaxerxes Il;
  • Artaxerxes I;
  • Rhodogune;
  • Amytis, il-mara ta' Megabyzus;
  • Ester, il-mara tar-Re Xerxes.

Ma' nisa oħra mhux magħrufa:

  • Artarius, is-satrap tal-Babilonja;
  • Tithraustes;
  • Parysatis;
  • Ratashah.
Kitba kunejformi trilingwi ta' Xerxes imnaqqxa mal-irdum tal-Fortizza ta' Van, illum fit-Turkija.

Fis-sorsi Griegi u Rumani, Xerxes jiġi ppreżentat b'mod negattiv ħafna u b'hekk dawn wittew it-triq għar-rappreżentazzjonijiet sussegwenti tiegħu fi ħdan it-tradizzjoni tal-Punent. Xerxes huwa karattru ċentrali tad-dramm ta' Aeschylus Il-Persjani, li ttellgħet għall-ewwel darba f'Ateni fl-472 Q.K., 7 snin biss wara l-invażjoni tal-Greċja min-naħa tiegħu. Id-dramm jippreżentah bħala figura ffemminata u l-isforz tiegħu biex iġib lill-Asja u lill-Ewropa taħt il-kontroll tiegħu jwassal biex jinqered hu flimkien mar-renju tiegħu.

L-Istorji ta' Erodotu, miktubin iktar 'il quddiem fis-seklu 5 Q.K., huma ċċentrati fuq il-Gwerer Persjani, b'Xerxes bħala figura ewlenija. Ftit mill-informazzjoni ta' Erodotu hija mċajpra. Pierre Briant akkużah li ppreżenta deskrizzjoni sterjotipata tal-Persjani u bi preġudizzju parzjali. Richard Stoneman iqis id-deskrizzjoni ta' Xerxes min-naħa ta' Erodotu bħala waħda traġika u bi sfumaturi, imqabbla mal-vilifikazzjoni li ġarrab mir-re Maċedonu Alessandru Manju (li rrenja fit-336–323 Q.K.).

Xerxes jiġi identifikat mar-re Ahasuerus fil-Ktieb ta' Ester fil-Bibbja, li xi studjużi, inkluż Eduard Schwartz, William Rainey Harper u Michael V. Fox, iqisu bħala rumanz storiku. Madankollu ma hemmx konsensus dwar liema avveniment storiku pprovda l-bażi tal-ġrajja.

Ir-re Persjan fil-Ktieb ta' Ester fil-Bibbja x'aktarx kien Xerxes. Pittura ta' Edwin Long.

Xerxes huwa l-protagonista tal-opra Serse tal-kompożitur Barokk Ġermaniż-Ingliż George Frideric Handel. Ittellgħet għall-ewwel darba fit-Teatru tar-Re ta' Londra fil-15 ta' April 1738. L-arja famuża "Ombra mai fù" tiftaħ l-opra.

Il-qtil ta' Xerxes minn Artabanus (Artabano), il-ġustizzjar tal-prinċep eredi Darius (Dario), ir-rewwixta ta' Megabyzus (Megabise), u s-suċċessjoni sussegwenti ta' Artaxerxes I tiġi romantiċizzata mill-poeta Taljan Metastasio fil-librett tal-opri tiegħu Artaserse (1730), li ġiet ikkonvertita f'mużika għall-ewwel darba minn Leonardo Vinci, u sussegwentement minn kompożituri oħra bħal Johann Adolf Hasse u Johann Christian Bach.

Ir-rumanz storiku Xerxes of de Hoogmoed (1919) tal-kittieb Olandiż Louis Couperus jiddeskrivi l-Gwerer Persjani mill-perspettiva ta' Xerxes. Għalkemm ir-rakkont huwa fizzjoni, Couperus xorta waħda jibbaża fuq studju estensiv ta' Erodotu. It-traduzzjoni bl-Ingliż Arrogance: The Conquests of Xerxes ta' Frederick H. Martens dehret fl-1930.

L-affaxxinazzjoni ta' ġenerazzjonijiet li ġew wara fir-rigward ta' Sparta tal-qedem, b'mod partikolari l-Battalja ta' Thermopylae, wasslet biex Xerxes jissemma jew jidher f'opri tal-kultura popolari. Il-karattru tiegħu jinħadem minn David Farrar fil-film The 300 Spartans (1962), fejn jintwera bħala despota krudili b'kilba għall-poter u kmandant inkapaċi. Jissemma wkoll b'mod prominenti fir-rumanzi grafiċi 300 u Xerxes: The Fall of the House of Darius and the Rise of Alexander ta' Frank Miller, kif ukoll fl-adattament f'film 300 (2007) u l-film li ġie warajh 300: Rise of an Empire (2014); il-karattru tiegħu jinħadem mill-attur Brażiljan Rodrigo Santoro, fejn jiġi rrappreżentat bħala raġel ġgant bi kwalitajiet androġeni, li jsostni li huwa alla-re. Din ir-rappreżentazzjoni attirat ħafna kontroversja, speċjalment fl-Iran. Ken Davitian jaħdimha ta' Xerxes fMeet the Spartans, parodija tal-ewwel film 300, mimli umoriżmu u anakroniżmi apposta. B'mod simili, verżjoni satirika ħafna ta' Xerxes abbażi tar-rappreżentazzjoni tiegħu f300 tintwera fl-episodju ta' South Park, "D-Yikes!".

Xerxes (Ahasuerus) maħdum minn Ernest Normand, 1888 (detall).

Gore Vidal, fir-rumanz ta' fizzjoni storika tiegħu Creation (1981), jiddeskrivi fit-tul kif l-Akemenidi kisbu l-poter, speċjalment Darius I, u jippreżenta ċ-ċirkostanzi ta' ħajja u mewt ta' Xerxes. Il-verżjoni ta' Vidal tal-Gwerer Persjani, li tvarja mit-tradizzjoni tal-istorji Griegi, tingħad permezz tal-karattru vvintat ta' Cyrus Spitama, nofsu Grieg u nofsu Persjan, u n-neputi tal-profeta Żoroaster. Bis-saħħa tar-rabta tal-familja tiegħu, Cyrus jitrawwem fil-qorti Persjana wara l-qtil ta' Żoroaster, u sar il-ħabib tat-tfulija ta' Xerxes, u iktar 'il quddiem sar diplomatiku li ntbagħat lejn l-Indja, u mbagħad lejn il-Greċja, u b'hekk jirnexxielu jingħata aċċess privileġġat fil-konfront ta' bosta figuri storiċi ewlenin ta' dak iż-żmien.

Xerxes (Ahasuerus) jinħadem minn Richard Egan fil-film tal-1960 Esther and the King u minn Joel Smallbone fil-film tal-2013, The Book of Esther.

Xerxes għandu rwol sekondarju importanti (u qatt ma jidher) f'żewġ xogħlijiet qosra ta' storja alternattiva li jseħħu ġenerazzjonijiet sħaħ wara r-rebħa totali tiegħu kontra l-Greċja. Dawn huma: "Counting Potsherds" ta' Harry Turtledove fl-antoloġija tiegħu Departures u "The Craft of War" ta' Lois Tilton fl-ewwel volum ta' Alternate Generals.

  1. ↑ "XERXES I definition and meaning | Collins English Dictionary". www.collinsdictionary.com (bl-Ingliż). 2026-05-19. Miġbur 2026-06-28.
  2. ↑ Carey, Brian Todd; Allfree, Joshua; Cairns, John (2006). Warfare in the Ancient World. Pen and Sword. ISBN 1848846304.
  3. ↑ Marciak, Michał (2017). Sophene, Gordyene, and Adiabene: Three Regna Minora of Northern Mesopotamia Between East and West. Brill. ISBN 9789004350724. p. 80.
  4. ↑ "XERXES i. The Name" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-28.