Aqbeż għall-kontentut

Wirt Arkeoloġiku tal-Wied ta' Lenggong

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Wied ta' Lenggong.

Il-Wirt Arkeoloġiku tal-Wied ta' Lenggong jew fil-qosor il-Wied ta' Lenggong (bil-Malażjan: Lembah Lenggong) huwa żona ġeografika ddefinita bil-ktajjen muntanjużi ta' Bintang fil-Punent u ta' Titiwangsa fil-Lvant. Huwa żona rurali, b'kampongs żgħar imdawrin b'veġetazzjoni ħadra u b'għoljiet tal-ġebla tal-ġir mimlijin għerien.

Il-Wied ta' Lenggong huwa wieħed mill-iżjed postijiet importanti tal-Malażja Peniżolari għall-arkeoloġija, peress li l-iskavi żvelaw bosta traċċi tal-preistorja tal-Malażja, b'sejbiet bħal tpinġijiet fl-għerien, ġojjellerija, bċejjeċ tal-fuħħar, armi u għodod tal-ġebel. Huwa s-sit ta' wieħed mill-eqdem postijiet magħrufa ta' attività umana fil-Peniżola. Il-Wirt Arkeoloġiku tal-Wied ta' Lenggong tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-30 ta' Ġunju 2012.[1]

Fil-Malażja, l-eqdem fdalijiet ta' kranju uman instabu fil-Park Nazzjonali ta' Niah f'Sarawak u jmorru lura għal xi 40,000 sena ilu.[2] Kważi l-fdalijiet arkeoloġiċi kollha li nstabu fil-Wied ta' Lenggong ġew assoċjati mal-għerien.[3] Iż-żewġ eċċezzjonijiet huma s-siti ta' Kota Tampan u ta' Bukit Jawa, li huma l-unika siti Paleolitiċi tal-Malażja Peniżolari.[4]

Kota Tampan huwa l-iżjed sit bikri magħruf tal-abitazzjonijiet umani. L-iskavi f'Kota Tampan bdew fl-1938 u żvelaw żona ta' produzzjoni tal-għodod tal-ġebel li ma kinitx ġiet mittiefsa. L-għodod taċ-ċagħaq kienu jsiru bl-użu ta' tagħmir bħal inkwina u ta' ġebel użat bħala martell. Instabu u ġew irreġistrati xi 50,000 oġġett tal-ġebel. Il-kultura f'Kota Tampan tiġi msejħa bħala Tampanjana. Iż-żona tal-produzzjoni inizjalment ġiet datata li għandha 30,000 sena, iżda din id-datazzjoni issa ġiet riveduta għal 75,000 sena. Għalkemm iż-żona tal-produzzjoni ta' Kota Tampan attwalment tinsab fil-ġenb ta' għolja, u fi pjantaġġun taż-żejt tal-palm, is-sit oriġinali kien fix-xatt ta' lag. Huwa maħsub li ż-żona tal-produzzjoni ġiet abbandunata madwar 75,000 sena ilu minħabba żbroff vulkaniku fil-Lag ta' Toba f'Sumatra, madwar 250 kilometru 'l bogħod. Hemm diskrepanza kbira ta' 17,000 sena bejn Kota Tampan u s-sit arkeoloġiku ta' wara, Gua Gunung Runtuh, u dan x'aktarx minħabba l-effetti devastanti tal-iżbroff ta' Toba.

Is-sit ta' Gua Gunung Runtuh jinsab f'Bukit Kepala Gajah jew l-Għolja ta' Ras l-Iljunfant. Fl-istess għolja, f'għerien oħra nstabu fdalijiet arkeoloġiċi bħal għodod tal-ġebel u fdalijiet tal-ikel. L-għerien x'aktarx li kienu jintużaw bħala postijiet għall-kenn temporanji b'mod staġonali jew għall-kampijiet tal-kaċċa, filwaqt li Gua Gunung Runtuh kien abitat għal perjodi itwal. Gua Harimau jew l-Għar tat-Tigra, huwa sit li jinsab madwar 3 kilometri 'l bogħod minn Gua Gunung Runtuh u x'aktarx li kien jintuża bħala post funebri madwar 3,000 – 5,000 sena ilu, peress li nstabu seba' skeletri umani fis-sit flimkien ma' mnanar tal-bronż u diversi oġġetti tal-ġojjellerija. L-imnanar tal-bronż juru li kien hemm tradizzjoni bikrija ta' Żmien il-Bronż fil-Malażja, kif ukoll fit-Tramuntana tat-Tajlandja u fiċ-Ċina. Dan huwa l-iżjed użu bikri tal-metall fix-Xlokk tal-Asja. Instabu wkoll kontenituri tal-porċellana b'diversi għamliet u daqsijiet li kien fihom il-laħam u qxur tal-bebbux. Skavi arkeoloġiċi f'għerien oħra żvelaw bċejjeċ tal-fuħħar, imnarar tal-ġebel u laqx. Instabu wkoll fdalijiet tal-ikel u f'xi siti ta' għadam uman. B'xorti ħażina, xi għerien ġew mittiefsa minn kaċċaturi tal-gwano u kwalunkwe fdal li seta' kien hemm intilef.

Iktar reċentement, tim skava Bukit Jawa, li jmur lura għal 200,000 sena ilu. Għalhekk, Bukit Jawa huwa ferm eqdem miż-żona tal-produzzjoni ta' Kota Tampan, li tinsab 6 kilometri 'l bogħod biss.

Xi tpinġijiet tan-Negritos ta' Lanoh instabu fl-għerien f'diversi siti iżda mhumiex preistoriċi, imma saru xi 100 sena ilu biss. Gua Badak huwa wieħed mill-postijiet prinċipali għal dawn it-tpinġijiet, u jinsab madwar 10 kilometri fit-Tramuntana tal-Wied ta' Lenggong. Il-poplu Negrito ta' Lanoh għamel reġistrazzjonijiet tal-ħajja ta' kuljum permezz tat-tpinġijiet. It-tpinġijiet bil-karbonju maħruq ġew skoperti u ddokumentati għall-ewwel darba fis-snin 20 tas-seklu 20 minn Ivor Evans. Dak iż-żmien kien maħsub li ntilfu bit-tħaffir, iżda reġgħu ġew skoperti fl-1992. Graffiti moderni jgħattu wħud mit-tpinġijiet oriġinali. In-Negritos kienu jużaw l-għerien bħala postijiet għall-kenn matul il-vjaġġi tal-kaċċa tagħhom. It-tpinġijiet juru affarijiet bħal annimali, nies, siġar, imfierex, roti u karozzi. Apparti t-tpinġijiet bil-karbonju maħruq, huma għamlu stampi bojod bit-tinqix fuq il-ġebla tal-ġir.

Il-biċċa l-kbira tat-trogloditi jew tal-abitanti tal-għerien tal-qedem tal-Peniżola Malażjana għexu b'mod temporanju fl-għerien u fil-postijiet imkennija fil-blat. Kienu jgħixu l-iktar permezz tal-kaċċa, kif turina l-evidenza ta' fdalijiet ta' għadam tal-annimali u ta' molluski. In-nies jaf kienu jpittru ġisimhom bl-ossidu tal-ħadid aħmar. Kienu jużaw il-ġebel biex jitħnu sustanzi bħall-melħ, u l-għodod kollha tagħhom kienu tal-ġebel. Il-laqx tal-blat kien jintuża bħala skieken jew barraxa. Għaldaqstant huwa ċar li l-Wied ta' Lenggong huwa tassew importanti għax fih ħafna evidenza marbuta mal-preistorja tal-Malażja. Huwa l-eqdem sit fejn instabu xi fdalijiet, u l-postijiet kollha fi ħdanu jinsabu f'żona żgħira.

Gua Puteri hija għar naturali li taqqab lil Bukit Kajang. Hemmhekk ma kienx hemm sejbiet arkeoloġiċi, iżda l-għar huwa magħruf għal-leġġendi tiegħu. Huwa maħsub li żewġ stalagmiti huma xi prinċep u xi prinċipessa li joqogħdu għassa għall-għar. In-nies lokali jgħidu li jekk it-tfal jixxabbtu mal-istalagmiti jispiċċaw jimirdu.

Raġel ta' Perak

[immodifika | immodifika s-sors]

L-eqdem skeletru uman li nstab fil-Malażja nstab f'Gua Gunung Runtuh fl-istat ta' Perak fil-Malażja Peniżolari. L-għar kien il-post funebri tiegħu u jinsab f'Bukit Kepala Gajah jew l-Għolja ta' Ras l-Iljunfant fil-Wied ta' Lenggong ta' Ulu Perak. L-iskeletru kien ta' raġel twil madwar 157 ċentimetru, u huwa stmat li kellu xi 50 sena. L-iskeletru ġie skopert fl-1991 u ġie datat li għandu madwar 11,000 sena. Huwa wieħed mill-iżjed skeletri kompluti għal dan il-perjodu f'dan ir-reġjun.[5]

Ir-raġel indifen fil-pożizzjoni fetali, b'depożiti ta' għadam tal-annimali fejn l-ispalla tal-lemin tiegħu, lejn ix-xellug tiegħu u lejn in-naħa t'isfel tiegħu, u b'depożiti ta' għodod tal-ġebel madwar ġismu kollu. Ma kienx hemm difniet oħra fl-għar. Ir-Raġel ta' Perak kellu id xellugija malformata; dirgħajh u idu x-xellugin kienu ferm iżgħar minn tal-lemin. Din il-malformazzjoni jaf kienet minħabba marda ġenetika magħrufa bħala brakimesofalanġja. Din l-evidenza hija appoġġata wkoll mill-fatt li s-sinsla tiegħu hija mgħawġa lejn il-lemin minħabba li għex għal żmien twil b'id waħda biss li kienet tajba għall-użu.

L-għadam li nstab depożitat qribu ġie identifikat li kien ta' ħnieżer selvaġġi, xadini, varani u ċriev u huwa maħsub li kienu depożiti tal-ikel. Madwar il-ġisem kien hemm madwar għaxar għodod tal-ġebel, u l-biċċa l-kbira minnhom kienu għodod taċ-ċagħaq u ġebel użat bħala martell.

Konklużjoni waħda li għamel studju kienet li x'aktarx kien membru importanti tas-soċjetà peress li d-difna tiegħu kienet elaborata sew u kienet tirrikjedi ħafna xogħol. Ir-Raġel ta' Perak tqiegħed fil-foss flimkien ma' offerti tal-ikel, ġie mgħotti bi qxur żgħar, u mbagħad sarulu offerti oħra u tpoġġew xi għodod, u mill-ġdid ġie mgħotti b'saff ieħor tal-qxur, segwit minn saff aħħari tal-ħamrija. Barra minn hekk, huwa stmat li kellu xi 50 sena meta miet, li hija età avvanzata sew għal persuna minn dik l-era b'diżabbiltà. Kellu bżonn l-għajnuna tan-nies biex jieħdu ħsiebu – u n-nies ma kinux jagħmlu dan li kieku ma kienx irrispettat jew ta' xi ġerarkija soċjali għolja.

Mara ta' Perak

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2004 instab skeletru ieħor f'Gua Teluk Kelawar fil-Wied ta' Lenggong, Perak, minn tim ta' arkeologi tal-Università ta' Sains tal-Malażja. Dan l-iskeletru ġie mlaqqam bħala l-"Mara ta' Perak"; kienet twila 148 ċentimetru u huwa maħsub li kellha xi 40 sena meta mietet. Huwa maħsub li l-Mara ta' Perak mietet xi 8,000 sena ilu.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Wirt Arkeoloġiku tal-Wied ta' Lenggong ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Aċċessibbiltà

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Wied ta' Lenggong huwa aċċessibbli permezz ta' toroq sekondarji li jikkollegawh mal-irħula u mal-bliet fil-qrib. Ir-raħal ta' Lenggong jinsab xi 100 kilometru fit-Tramuntana ta' Ipoh fit-triq bejn Kuala Kangsar u Gerik (l-awtostrada nru 76). It-triq li tagħti għall-Wied ta' Lenggong hija mdawra l-iktar bi pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u b'ġungli.

Sabiex wieħed iżur il-Wied ta' Lenggong, mill-Awtostrada mit-Tramuntana għan-Nofsinhar wieħed għandu jaqbad il-Ħruġ Nru 143 f'Kuala Kangsar, madwar 3 sigħat 'il bogħod minn Kuala Lumpur. Imbagħad irid jaqbad ir-Rotta Nru 76 lejn Lenggong.

  1. ^ a b ċ "Archaeological Heritage of the Lenggong Valley - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-18.
  2. ^ Bernama (2020-03-07). "40,000-year-old Gua Niah human bones arrive 'home' | New Straits Times". NST Online (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-18.
  3. ^ "Lenggong Valley | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2025-01-18.
  4. ^ Majid, Zuraina (1997). "The Discovery of Bukit Jawa, Gelok, a Middle-Late Palaeolithic Site in Perak, Malaysia". Journal of the Malaysian Branch of the Royal Asiatic Society. 70 (2 (273)): 49–52. ISSN 0126-7353. JSTOR 41493336.
  5. ^ "Tracing back Malaysia's stone-age man in Lenggong | The Brunei Times". web.archive.org. 2015-10-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-10-15. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)