Wat Phra Mahathat

Wat Phra Mahathat jew Wat Phra Mahathat Woramahawihan (bit-Tajlandiż: วัดพระมหาธาตุวรมหาวิหาร) huwa t-tempju (wat) Buddista prinċipali tal-Provinċja ta' Nakhon Si Thammarat fin-Nofsinhar tat-Tajlandja, f'salib it-toroq kruċjali għall-kummerċ bejn l-Oċean Indjan u l-Oċean Paċifiku. It-tempju ġie stabbilit fis-seklu 8 W.K., f'sit fejn qabel kien hemm santwarju Induista għall-ħabta tas-sekli 5–8 W.K. Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-tempju u l-monasteru tiegħu kien ċentru reliġjuż reġjonali. L-istupa prinċipali tat-tempju, Phra Borommathat Chedi ("l-istupa l-kbira tar-relikwi nobbli"), inbniet mir-Re Sri Dhammasokaraja fil-bidu tas-seklu 13 sabiex jiġi stabbilit simbolu tal-fergħa tal-Buddiżmu Theravada fir-reġjun. It-tempju jospita relikwa ta' Gautama Buddha. It-tradizzjonijiet reliġjużi u lokali komplew jiġu osservati fil-monasteru għal iktar minn 1,500 sena, inkluż it-tradizzjoni tal-ġrajja ta' Nakhon Si Thammarat, iċ-ċerimonja annwali tat-tgeżwir bid-drapp għar-Relikwarju l-Kbir u l-ispettaklu taż-żifna ta' Menora.

Skont leġġenda, il-Prinċep Thanakuman u l-Prinċipessa Hem Chala ġabu r-relikwa tal-Buddha lejn Hat Sai Kaew u bnew pagoda żgħira fil-291 W.K. Meta r-Re Si-Thamma Sokarat stabbilixxa l-belt ta' Nakhon Si Thammarat, huwa bena tempju ġdid imsejjaħ Wat Phra Borom That fuq l-istess sit bl-istil Mahayana tar-Renju ta' Srivijaya. Il-belt ta' Nakhon Si Thammarat kienet belt prominenti fir-renju tal-qedem ta' Tambralinga. Il-belt kienet tagħmel parti mill-imperu ta' Srivijaya sal-bidu tas-seklu 13.
L-istoriċi jemmnu li l-belt kważi tbattlet għalkollox mill-epidemiji u mill-gwerer, u b'hekk ir-re bena stupa akbar bl-istil ta' Sri Lanka u żviluppa mill-ġdid il-komunità tal-belt. Il-binjiet reliġjużi l-oħra nbnew bejn is-sekli 13 u 18, inkluż Wihan-Bodhi Lanka, kjostru msaqqaf madwar is-siġra bodhi li huwa maħsub li nibtet mis-siġra ta' Mahabodhi fit-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya, l-Indja.
L-isem Tajlandiż tat-tempju, Phra Mahathat Woramahawihan ġej mill-Pali, vara maha dhatu vara maha vihara, li litteralment ifisser "Tempju Nobbli Kbir tal-Istupa l-Kbira tar-Relikwi Nobbli". L-istupa, li għandha għamla ta' qanpiena, ġiet ispirata mill-arti Buddista ta' Sri Lanka li tirrifletti t-twemmin li Ashoka ttrażmetta t-tradizzjoni tal-istupa mill-Indja sa Sri Lanka. Il-mexxej ta' Nakhon Si Thammarat, li beda x-xogħol fuq l-istupa sejjaħ lilu nnifsu Sri Dhammasokaraja, li litteralment tfisser "Ashoka l-kbir". L-isem tal-belt ta' Nakhon Si Thammarat oriġina wkoll mill-Pali, Nagara Sri Dhammaraja, li tfisser "belt ta' Dhammaraja".
Il-ħolqien tal-istupa wassal biex Nakhon Si Thammarat isir iċ-ċentru tal-Buddiżmu Theravada. Il-kitbiet imnaqqxa mir-Renju ta' Sukhothai, isemmu l-influwenza tal-belt u tal-istupa fit-tifrix u fit-tisħiħ tal-Buddiżmu Theravada fir-renju. It-tempju rċieva wkoll il-patroċinju tar-Renju ta' Ayutthaya, li rrenja fuq it-territorju kollu attwali tat-Tajlandja bejn is-sekli 14 u 17. L-istupa u binjiet reliġjużi oħra nbnew iktar minn mitt sena wara li nbdiet il-kostruzzjoni tal-istupa oriġinali. Sarulha xogħlijiet kbar ta' restawr fl-1612–1616, fl-1647, fl-1732–1758, fl-1769, fl-1895–1898, fl-1914, fl-1972–1974, fl-1987, fl-1994–1995 u fl-2009. It-tempju ġie nnominat bħala sit indikattiv biex xi darba jsir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1] Fil-25 ta' Lulju 2026, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali "Wat Phra Mahathat Woramahawihan, Nakhon Si Thammarat". Dan huwa l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji Kulturali fin-Nofsinhar tat-Tajlandja.[2]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istupa prinċipali, Phra Borommathat Chedi, hija stupa b'għamla ta' qanpiena li nbniet fil-bidu tas-seklu 13. Huwa maħsub li l-istupa fiha r-relikwi ta' Gautama Buddha, u b'hekk tirrappreżenta wieħed mill-iżjed siti importanti tal-Buddiżmu Theravada. Il-kumpless tat-tempju nbena bi pjanta rettangolari fuq 5.14 ettari u huwa mdawwar b'ħitan tal-brikks. Hemm erba' daħliet li jagħtu aċċess għat-tempju. It-tempju huwa maqsum f'żewġ żoni b'mod simili għat-tempji Buddisti tradizzjonali: il-Buddha-avasa, iż-żona sagra għall-attivitajiet reliġjużi, u s-Sangha-avasa, iż-żona residenzjali għall-patrijiet.[3]
Hemm 22 iljunfant bilwieqfa skolpiti u miksijin bl-istukko madwar il-bażi tal-istupa. Il-bażi hija kwadra b'ħajt baxx tal-brikks, biex ikun hemm spazju biex wieħed ikun jista' jdur skont l-arloġġ madwar l-istupa. Madwar l-istupa prinċipali hemm erba' stupi b'għamla ta' qanpiena. L-istupa prinċipali għandha spiera qisha umbrella ffrumata minn 52 anella, u hija sseparata mill-istupa b'għamla ta' qanpiena permezz ta' ringiela ta' riljievi ta' xbihat tal-Buddha miexi. L-ispiera għolja 10.89 metri (35.7 pied) hija miksija b'folji rqaq tad-deheb u tiżen madwar 600 kilogramma u ingastata bil-ħaġar prezzjuż.[4]
L-istupa prinċipali tinsab fi kjostru miksi mal-madum ikkulurit. Hija mdawra minn gallerija b'ringiela ta' bosta xbihat tal-Buddha, u l-eqdem waħda hija xbieha bl-istil ta' Sukhothai li tmur lura għas-seklu 13–14 W.K. Hemm ukoll 158 chedi (kelma Tajlandiża għal "stupa") minuri bejn l-istupa prinċipali u l-kjostru, li jospitaw l-irmied u l-għadam tad-devoti Buddisti. It-taraġ li jagħti għall-istupa huwa mgħasses minn dimonji ġganteski bl-għamla ta' jaks. Il-kappelli (Wihan Khian u Wihan Phra Ma) għandhom żewġ riljievi tal-istukko li juru xeni mill-ħajja tal-Buddha mal-ħitan ta' ġewwa tagħhom. Hemm kjostru żgħir madwar is-siġra Bodhi, u 'l barra minnu hemm is-sala prinċipali tal-assemblea (Ubosot) imsejħa Wihan Luang. Din is-sala għandha kolonni ġejjin 'il ġewwa bl-istil ta' Ayyuthaya. Inbniet bejn is-sekli 15 u 16 W.K. u għandha saqaf imżejjen b'mod rikk.
Hemm ukoll kappella ddedikata lid-dixxiplu tal-Buddha, Kaccayana. Il-kumpless tat-tempju għandu mużew imsejjaħ Wihan Kien li fih oġġetti storiċi, fosthom xbihat tal-Buddha, oġġetti reliġjużi u offerti. Fit-Tramuntana tal-Ubosot hemm mondop b'bejt b'żewġ saffi, li jħaddan santwarju bl-impronta ta' sieq il-Buddha. Barra minn hekk, hemm ukoll żewġ statwi tal-bronż li juru l-prinċpijiet Tambralingani, Jatukham u Ramanthep, li skont l-istudjużi jirrappreżentaw ukoll id-divinitajiet Induisti Kartikeja u Vixnu.
Kultura
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istupa prinċipali nbniet skont it-tradizzjoni tal-Buddiżmu Theravada. It-22 iljunfant madwar il-bażi tal-istupa huma simbolu tat-22 fakultà spiritwali (Indriya). It-52 anella mal-ispiera jirrappreżentaw it-52 fattur mentali (Cetasika). It-tmien statwi tal-Buddha miexi jirrappreżentaw il-Mogħdija Nobbli tat-Tmienja li twassal għat-tmien tat-tbatija u għall-Arħatiżmu, li huwa l-ogħla duttrina tal-Buddiżmu. Id-daqs relattiv tal-għoli u tal-wisa' tal-istupa prinċipali b'għamla ta' qanpiena huwa 2:1, li jimplika l-integrità sħiħa tal-aspetti tal-ġisem u spiritwali. L-għoli tal-istupa huwa 28 wa u l-wisa' hi ta' 14 wa. L-għoli tal-istupa għaldaqstant jirrappreżenta t-28 aspett tal-ġisem u l-wisa' tirrappreżenta l-14-il funzjoni tal-kuxjenza. L-għoli tal-istruttura kollha tal-istupa, inkluż l-ispiera u l-bażi, hu ta' 78 metru.
In-naħa ta' wara tal-munita ta' 25 satang fiha xbieha ta' Wat Phra Mahathat Woramahawihan. It-tempju huwa wkoll simbolu tal-Provinċja ta' Nakhon Si Thammarat. Huwa maħsub li l-amuleti ta' Jatukam Ramathep, ikkonsagrati fit-tempju jservu għal xorti tajba, u b'hekk dan jattira lil viżitaturi mill-pajjiż kollu.[5]
Hae Pha Khuen That
[immodifika | immodifika s-sors]
Hae Pha Khuen That (bit-Tajlandiż: แห่ผ้าขึ้นธาตุ; li litteralment tfisser "il-purċissjoni tad-drapp għall-istupa") huwa l-festival annwali tat-tempju li jsir fl-okkażjoni tal-Magha Puja, li jiġi ċċelebrat f'jum bil-qamar kwinta fi Frar. Iċ-ċelebrazzjonijiet jinkludu purċissjoni b'libsa, magħrufa bħala Phra Bot, magħquda f'pezza waħda ta' drapp biex titgeżwer madwar l-għamla ta' qanpiena tal-istupa prinċipali u taċ-chedis minuri. Tradizzjonalment jintużaw ilbiesi bojod impittrin b'xeni mill-ħajja tal-Buddha, iżda xi kultant jintużaw ukoll ilbiesi bojod, ħomor jew sofor sempliċi. Huwa maħsub li l-festival beda jiġi ċċelebrat fl-1230 meta tlestiet l-istupa prinċipali.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Wat Phra Mahathat Woramahawihan, Nakhon Si Thammarat ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2026.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Statwa tar-Re Taksin fit-tempju.
- Is-siġill tal-Provinċja ta' Nakhon Si Thammarat.
- Veduta iktar mill-qrib tal-ispiera.
- Iċ-chedis minuri fi ħdan it-tempju.
- Iċ-chedis minuri wara Hae Pha Khuen That.
- Il-ħajt ta' madwar it-tempju.
- Is-suq fin-Nofsinhar tal-Ubosot.
- Il-mogħdija madwar l-istupa.
- Statwa fi ħdan it-tempju.
- Buddhas bilqiegħda fil-bażi tal-istupa.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Siti indikattivi tal-UNESCO". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż).
- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Wat Phra Mahathat Woramahawihan, Nakhon Si Thammarat". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-21.
- ↑ Luekens, David. "Wat Phra Mahathat". Travelfish (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-21.
- ↑ "Wat Phra Mahathat". thailandforvisitors.com (bl-Ingliż). 2024-11-27. Miġbur 2026-08-21.
- ↑ Chen, Jennifer (2007-08-17). "Charm Offensive - WSJ" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-21.