Villaġġi Storiċi ta' Shirakawa-gō u Gokayama

Il-Villaġġi Storiċi ta' Shirakawa-gō u Gokayama huwa wieħed mis-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġappun.[1] Il-proprjetà kulturali tikkonsisti f'tliet villaġġi storiċi fil-muntanji, li jkopru erja ta' 68 ettaru (170 akru) fil-wied remot tax-xmara Shogawa, u huma estiżi tul il-konfini tal-Prefetturi ta' Gifu u ta' Toyama fil-Ġappun ċentrali. Shirakawa-gō (bil-Ġappuniż: 白川郷, li litteralment tfisser "Distrett Antik tax-Xmara l-Bajda") jinsab fil-villaġġ ta' Shirakawa fil-Prefettura ta' Gifu. Iż-żona ta' Gokayama (bil-Ġappuniż: 五箇山, li litteralment tfisser "Ħames Muntanji") hija maqsuma bejn l-eks villaġġi ta' Kamitaira u ta' Taira f'Nanto, fil-Prefettura ta' Toyama.
Il-wied jinsabu f'reġjun muntanjuż fejn tinżel ħafna borra, u dawn il-villaġġi huma magħrufa sew għar-raggruppamenti ta' djar tal-kampanja, li nbnew bl-istil arkitettoniku magħruf bħala gasshō-zukuri (bil-Ġappuniż: 合掌造り), u li huma ddisinjati biex il-borra tinżel faċilment mill-bjut weqfin tagħhom.
It-tliet villaġġi jinsabu f'wied remot, imdawwar b'muntanji għoljin u mħarbtin, fejn fix-xitwa tinżel ħafna borra. Il-bogħod u d-diffikultà tal-aċċess irrestrinġew sew ir-rabta ta' dan ir-reġjun mal-bqija tad-dinja sal-ħabta tas-snin 50 tas-seklu 20. Dan l-iżolament wassal għall-iżvilupp tal-kultura u tat-tradizzjonijiet uniċi tal-post, inkluż it-tradizzjoni arkitettonika tad-djar rurali bl-istil Gassho li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra. Għal xi żmien dan ir-reġjun kien magħruf bħala "l-aħħar żona mhux esplorata tal-Ġappun".[2]
Ix-xmara Shō tinsab fiċ-ċentru ta' dan ir-reġjun. Titfaċċa fil-muntanji tan-Nofsinhar, imbagħad tnixxi lejn il-Baħar tal-Ġappun tul wied fond, dejjaq u jserrep, imdawwar bil-muntanji li jitilgħu sa għoli ta' 1,500 metru (4,921 pied). Minħabba l-art daqstant wieqfa, il-maġġoranza tal-villaġġ f'din iż-żona jinsabu fil-meded dojoq ta' art tul il-qiegħ tal-wied.[2]
Il-Muntanja Hakusan hija l-muntanja prinċipali f'din iż-żona, u ilha titqies bħala quċċata sagra minn żmien il-qedem. Fis-seklu 8 W.K., fl-inħawi ta' Shirakawa-gō u ta' Gokayama bdew jintużaw għall-prattiki reliġjużi axxetiċi, u l-qima tal-muntanja kienet iċċentrata fuq il-Muntanja Hakusan.[2]
Għal żmien twil wara, ir-reġjun kien taħt il-kontroll tas-setta Tendai tal-Ġappun Buddist. It-tradizzjoni ta' Ochi-udo Densetsu (il-leġġenda ta' ġellieda li wara li tilfu fil-ġlied ħarbu lejn żoni remoti) għadha teżisti sal-lum, bla dubju minħabba n-natura remota, iżolata u muntanjuża tas-sit. Ir-reliġjon tas-setta Tendai ġiet sostitwita fis-seklu 13 mis-setta Jodo Shin, li għadha l-influwenza reliġjuża prinċipali sal-lum.[3]
Illum il-ġurnata, it-tliet villaġġi kollha tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jagħmlu parti mill-organizzazzjoni amministrattiva moderna tas-sistema ta' Mura.[1][3]
Agrikoltura u industrija
[immodifika | immodifika s-sors]L-art muntanjuża tal-inħawi u l-iskarsezza ta' art ċatta offrew ftit opportunitajiet għall-kultivazzjoni tradizzjonali tar-ross. Storikament il-bdiewa kienu jissupplimentaw ir-rendiment agrikolu tagħhom bi qmuħ oħra bħall-qamħ saraċen u l-millieġ. Minkejja dan, l-agrikoltura waslet biss sal-livell tal-biedja għall-għajxien ta' kuljum. Il-prodotti tas-suq mill-inħawi kienu l-karta Ġappuniża (washi), in-nitrat tas-sodju għall-produzzjoni tal-porvli, u s-serikoltura (it-trobbija tad-dud tal-ħarir). Il-produzzjoni mit-trobbija tad-dud tal-ħarir tmur lura għas-seklu 16, iżda ġiet stabbilita biss bħala industrija sekondarja fl-aħħar tas-seklu 17. Stagħnat sas-snin 70 tas-seklu 20 (għajr għal perjodu matul it-Tieni Gwerra Dinjija) iżda minn dak iż-żmien 'l hawn għebet għalkollox. Kienet proprju l-ħtieġa ta' kwantitajiet kbar ta' spazji interni għat-tavli tad-dud tal-ħarir u għall-ħżin tal-ikel għad-dud tal-ħarir (weraq taċ-ċawsli) li wasslet għall-kostruzzjoni tad-djar bl-istil Gassho, bid-diviżjoni fuq sulari differenti tal-ispazji tal-bjut tagħhom biex jiżdied l-ispazju funzjonali.[4]
Kostruzzjoni tad-djar
[immodifika | immodifika s-sors]
Id-djar bl-istil Gasshō (l-istil tal-"kostruzzjoni bl-għamla tal-idejn ma' xulxin għat-talb") huma kkaratterizzati minn bejt skuntrat wieqaf, qisu fl-għamla ta' żewġ idejn ma' xulxin għat-talb. Id-disinn huwa tassew b'saħħtu u flimkien mal-karatteristiċi uniċi tal-kostruzzjoni tal-bejt, id-djar jirnexxilhom jeħilsu mill-piż jew jifilħu l-piż tal-borra qawwija li tinżel fir-reġjun fix-xitwa.[5]
Id-djar huma kbar, bi tliet sulari jew b'erba' sulari bejn iż-żewġ naħat tal-bejt skuntrat, u storikament kienu maħsuba biex jospitaw familji estiżi kbar, filwaqt li jkollhom spazju effiċjenti sew għal varjetà ta' industriji. Il-muntanji b'densità ta' foresti tar-reġjun għadhom jokkupaw 96 % tal-art kollha tal-inħawi, u qabel l-introduzzjoni tal-makkinarju tqil taċ-ċaqliq tal-ħamrija, il-meded dojoq ta' art ċatta tul il-wied tax-xmara kienu jillimitaw l-ispazju disponibbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp tad-djar. Is-sulari ta' fuq tad-djar bl-istil gasshō normalment kienu jintużaw għas-serikoltura, filwaqt li l-inħawi taħt l-ewwel sular (il-pjan terran) normalment kienu jintużaw għall-produzzjoni tan-nitrat tas-sodju, materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-porvli.[3]

Id-djar bl-istil gassho arkitettonikment huma wħud mill-iżjed tipi importanti u rari ta' djar rurali fil-Ġappun. Ir-raggruppament ta' daqstant eżempji li għadhom eżistenti wassal għar-rikoxximent formali tas-sit bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dan l-istil kunfidenti ta' kostruzzjoni tad-djar huwa uniku fil-Ġappun, u mkien iktar fil-pajjiż l-ispazju ta' mal-bejt jintuża b'mod daqstant tipiku, għajr għall-ħżin passiv, u mhux b'żewġ, bi tliet jew b'erba' sulari kif inhu l-każ f'dawn id-djar.[6]
Saħansitra llum il-ġurnata, għad hemm sistema ta' ħidma msejħa "yui" għat-tiswija u għas-sostituzzjoni tal-bjut bl-istil gassho-zukuri. Is-sostituzzjoni tal-materjal tal-bjut kienet issir kull 30 sa 40 sena, u x-xogħol u l-ispiża involuti kienu enormi (jekk wieħed jikkonverti l-kost tax-xogħol għall-valur attwali, jingħad li l-kost għas-sostituzzjoni tal-bejt biss kien ikun ta' iktar minn 10 miljun yen), iżda kien isir mingħajr kumpens.
Il-proċedura tas-sostituzzjoni tal-bjut bejn wieħed u ieħor kienet issir kif ġej:
・it-tħejjija tibda mill-inqas 3 snin qabel ma jibda x-xogħol;
・l-ammont ta' materjal meħtieġ u l-għadd ta' ħaddiema kienu jiġu stmati abbażi tad-daqs tal-bejt;
・l-istabbiliment ta' data biex isir ix-xogħol u t-talba għall-għajnuna;
・il-qtugħ u l-ħżin ta' biżżejjed materjal bil-quddiem (għalqa apposta għat-tkabbir tal-materjal kienet tiġi rriżervata għal dan l-iskop);
・id-determinazzjoni tal-qsim tar-rwoli (jiġifieri min kellu jiġbor il-materjal, min kellu jġorru, min kien jagħżlu, min kien iħejji l-ħbula u għodod oħra, eċċ.);
・dan kollu ta' hawn fuq kien isir esklużivament mill-irġiel; in-nisa kienu jippreparaw l-ikel għall-ħaddiema, bukkuni għall-ħin tal-mistrieħ, u r-rigali għaċ-ċelebrazzjoni tat-tlestija tax-xogħol;
・qajla ż-żewġ naħat tal-bejt kienu jingħataw l-isprej fl-istess ħin; normalment dan kien isir naħa naħa u kien proċess li jdum jumejn għal kull naħa;
・kien ikun hemm bżonn ta' bejn 200 u 300 ħaddiem kuljum; u kienet ħaġa tal-għaġeb li tara iktar minn 100 ruħ jixxabtu mal-bejt.
F'dawn l-aħħar snin, id-depopolazzjoni, id-deklin tal-industriji primarji, u t-tixjiħ tal-popolazzjoni għamluha diffiċli li jinżabbu r-rabtiet li kien hemm fl-imgħoddi. Min-naħa l-oħra, il-Fond Fiduċjarju Nazzjonali u voluntiera mill-pubbliku ġenerali bdew jinġabru minn diversi partijiet tal-pajjiż biex jaħdmu flimkien u jibdlu jew isewwu l-bjut. F'Shirakawa-go, l-organizzazzjoni li twettaq l-irbit tissejjaħ "koryaku", u l-iskop tal-irbit mhuwiex limitat għas-sostituzzjoni tal-bjut, iżda huwa estiż għall-aspetti kollha tal-ħajja ta' kuljum, inkluż it-twaħħil tal-materjal, iż-żriegħ u t-tisqija tar-ross, il-ħsad tar-ross, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, il-qtugħ tal-injam għall-ħatab, it-tiġijiet, il-funerali, u l-okkażjonijiet ċerimonjali.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jikkonsisti minn tliet villaġġi storiċi fil-muntanji: Ogimachi, Ainokura u Suganuma, li huma mdawrin bil-muntanji b'foresti weqfin tar-Reġjun ta' Chubu fi ħdan il-Ġappun ċentrali, u ġie ddeżinjat fl-1995.[1] Ogimachi jinsab f'Shirakawa-go, filwaqt li Ainokura u Suganuma jinsabu f'Gokayama.[8] B'kollox, l-erja tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ta' dawn it-tliet villaġġi tkopri 68 ettaru (0.68 km2). Madankollu, kull erja tal-villaġġ hija protetta minn żona ta' lqugħ li fiha r-regolamentazzjoni stretta tippreserva l-ambjent storiku. Barra minn hekk hemm ukoll żona sekondarja ikbar ta' lqugħ, li tkopri total ta' 545.38 kilometru kwadru (210.57 mili kwadri), li fihom l-azzjonijiet tal-iżvilupp li jaqbżu ċerta skala jiġu kkontrollati sabiex jiġu ppreservati l-ambjent naturali u l-pajsaġġ kulturali.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Ogimachi
[immodifika | immodifika s-sors]
Ftit qabel id-deżinjazzjoni formali tiegħu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, f'Awwissu 1994, Ogimachi kien fih 152 abitazzjoni u popolazzjoni ta' 634 ruħ. Dokumenti mill-1876 urew li l-villaġġ ta' Ogimachi kellu 99 abitazzjoni dak iż-żmien, u kien l-ikbar wieħed mit-23 villaġġ fi ħdan Shirakawa-Muri. Il-parti ċentrali tal-villaġġ tinsab fuq art imtarrġa fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Shō, b'tul ta' xi 1,500 metru u b'wisa' ta' xi 350 metru, u tinsab f'altitudni ta' madwar 500 metru.[9]
Il-biċċa l-kbira tad-djar rurali huma sseparati minn xulxin permezz ta' rqajja' ta' għelieqi kkultivati. Network ta' toroq żgħar wesgħin bejn 2 u 4 metri jikkollegaw dawn id-djar u jmorru lura għall-perjodu ta' Edo. Triq iktar dominanti wiesgħa 6 metri tgħaddi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar mill-qalba tal-villaġġ, u hija iktar reċenti għax inbniet fl-1890. Dawk id-djar li nbnew fl-artijiet weqfin qrib il-bażi tal-muntanji jinsabu fuq artijiet imtarrġin żgħar, mirfuda minn ħitan tal-ġebel. Il-konfini tal-proprjetajiet għandhom it-tendenza li jkunu definiti permezz ta' network ta' toroq żgħar, u b'hekk in-natura tal-villaġġ hija waħda miftuħa. Il-biċċa l-kbira tal-irqajja' tal-art għall-produzzjoni tar-ross jew tal-qmuħ huma żgħar ħafna, u l-irqajja' tal-art kemxejn ikbar jinsabu fin-naħa tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-villaġġ. Santwarju tax-Xintoiżmu li jospita d-divinità li tgħasses il-villaġġ jinsab fil-parti ċentrali u tan-Nofsinhar tal-villaġġ. Barra minn hekk, hemm ukoll żewġ tempji Buddisti tas-setta Jodo Shinsu.[9]
117-il binja u seba' strutturi addizzjonali huma inklużi fid-deżinjazzjoni tal-binjiet storiċi tal-villaġġ ta' Ogimachi li jridu jiġu ppreservati. Fosthom hemm 59 dar rurali bl-istil Gassho, li l-biċċa l-kbira nbnew bejn tmiem il-perjodu ta' Edo u t-tmiem tal-perjodu ta' Meiji (jiġifieri mill-bidu tas-seklu 19 sal-bidu tas-seklu 20). Id-djar kollha bl-istil Gassho tal-villaġġ huma allinjati b'mod parallel max-xmara Shō, u b'hekk joħolqu xenarju ta' villaġġ unifikat u attraenti.[10]
Ainokura
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-villaġġ ta' Ainokura jinsab fuq promontorju għoli iżda dejjaq lejn il-Punent tax-xmara Shō, u ferm 'il fuq minnha. Imdawwar bil-muntanji u bil-foresti, Ainokura jinsab f'altitudni ta' madwar 400 metru. Triq dejqa antika tgħaddi mill-Grigal għal-Lbiċ miċ-ċentru tal-villaġġ, u eventwalment issir ir-rotta ta' aċċess prinċipali għall-muntanji li nbniet fl-1887. Madankollu, triq ġdida u usa' nbniet fl-1958 u pjuttost ixxekkel il-veduta tal-villaġġ.[11]
Minn Awwissu 1994, b'kollox fil-villaġġ ta' Ainokura kien hemm 27 abitazzjoni, b'popolazzjoni ta' 90 individwu. Madankollu, fl-1887 kien hemm 47 abitazzjoni, u b'hekk kien ir-raba' l-ikbar fost il-25 villaġġ fl-inħawi ta' Taira-mura. Il-biċċa l-kbira tad-djar jinsabu fuq artijiet imtarrġin ċatti u miftuħa, mirfuda b'ħitan tal-ġebel u bi ftit spazju madwarhom. L-għelieqi tar-ross irrigati madwar l-inħawi tal-abitazzjonijiet huma żgħar u b'għamla irregolari. L-għelieqi l-kbar tar-ross jinsab fuq in-naħa tal-Grigal tal-villaġġ. Uħud mill-iktar għoljin oriġinarjament kienu jintużaw għall-kultivazzjoni tas-siġar taċ-ċawsli għat-trobbija tad-dud tal-ħarir. Il-villaġġ ta' Ainokura kellu l-iżjed tradizzjoni qawwija tas-serikoltura fost il-villaġġi kollha ta' Taira-mura. Madankollu, fis-snin 50 tas-seklu 20 l-industrija battiet sew, u spinta għall-awtosuffiċjenza fil-produzzjoni tal-ikel wasslet biex l-għelieqi bis-siġar taċ-ċawsli jiġu kkonvertiti f'għelieqi għall-produzzjoni tar-ross. L-ilma għall-irrigazzjoni jinġab l-iktar permezz ta' sistema ta' akkwedott mill-wied tax-xmara fil-muntanji lejn il-Punent u jgħaddi minn network ta' kanali fini fi ħdan il-villaġġ.[12]
67 binja u ħames strutturi addizzjonali ġew inklużi fid-deżinjazzjoni tal-binjiet storiċi tal-villaġġ ta' Ainokura li jridu jiġu ppreservati. Minnhom, oriġinarjament ġew inklużi 20 dar rurali bl-istil Gassho, iżda minn dak iż-żmien l-għadd żdied għal 23 dar rurali. Il-biċċa l-kbira jmorru lura għal tmiem il-perjodu ta' Edo period sa tmiem il-perjodu ta' Meiji (jiġifieri mill-bidu tas-seklu 19 sal-bidu tas-seklu 20), iżda l-eqdem fosthom imorru lura għall-aħħar tas-seklu 17. Il-konfigurazzjoni tal-kmamar kienet waħda kwadra b'erbat ikmamar, jew struttura ikbar b'sitt ikmamar, flimkien ma' spazju għal fuklar. Is-santwarju tax-Xintoiżmu li jospita d-divinità tal-villaġġ jinsab fl-għoli qrib iċ-ċentru tal-villaġġ u llum il-ġurnata huwa mdawwar b'siġar taċ-ċedru tal-Ġappun. Tempju Buddist tas-setta Jodo Shinshu jifforma ċ-ċentru reliġjuż tal-komunità.[13]
Suganuma
[immodifika | immodifika s-sors]Suganuma huwa l-iżgħar fost it-tliet villaġġ fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u fih 8 abitazzjonijiet biss, b'popolazzjoni ta' 40 ruħ fl-1994. Rekords mill-1889 juru li dak iż-żmien kien hemm 13-il abitazzjoni fil-villaġġ, u b'hekk kien id-disa' l-ikbar mid-19-il villaġġ fl-inħawi ta' Kamitaira-mura. Il-villaġġ jinsab f'altitudni ta' madwar 330 metru u jinsab fuq promontorju mtarraġ, ta' 230 metru b'240 metru biss, u b'xaqlibiet weqfin tal-muntanji lejn in-Nofsinhar. Il-foresti fuq dawn ix-xaqlibiet huma protetti wkoll mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO sabiex inaqqsu l-ammont ta' barra li tasal fuq il-villaġġ. Il-qtugħ tas-siġar f'din iż-żona huwa pprojbit.[14]
Apparti minn għalqa irrigata kbira tar-ross fuq in-naħa iktar baxxa tal-villaġġ, l-għelieqi l-oħra kollha tar-ross jew l-irqajja' bl-għelejjel jinsabu madwar id-djar rurali stess. L-irrigazzjoni ġiet introdotta biss fl-1945; qabel dik id-data, l-art kienet tintuża għall-kultivazzjoni tas-siġar taċ-ċawsli biex tiġi appoġġata t-trobbija tad-dud tal-ħarir.[15]
28 binja u żewġ strutturi oħra huma inklużi fid-deżinjazzjoni tal-binjiet storiċi tal-villaġġ ta' Suganama li jridu jiġu ppreservati. Għad hemm disa' abitazzjonijiet bl-istil Gassho, li minnhom tnejn inbnew lejn l-aħħar tal-perjodu ta' Edo (jiġifieri fil-bidu tas-seklu 19), u sitta oħra nbnew fil-perjodu ta' Meiji (jiġifieri bejn l-1868 u l-1912). L-aħħar dar rurali bl-istil Gassho li nbniet fil-villaġġ inbniet fl-1926. L-imħażen kienu kostruzzjonijiet tal-injam jew tat-tajn u kienu jinbnew 'il bogħod mid-djar biex jitnaqqas ir-riskju ta' nirien. Is-santwarju tax-Xintoiżmu għad-divinità tal-villaġġ illum il-ġurnata jinsab fuq daqsxejn ta' telgħa iżda ġie rilokat darbtejn mis-snin 30 tas-seklu 20.[15]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Minħabba l-mod kif inbnew id-djar rurali, in-nirien huma riskju serju għall-bosta proprjetajiet fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. It-tliet villaġġi kollha huma mgħammra b'sistemi kumplessi tat-tifi tan-nar, u r-residenti huma organizzati fi skwadri tat-tifi tan-nar.[1]
Apparti li huma ddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-proprjetajiet f'dawn il-villaġġi huma ddefiniti bħala "Distretti Importanti ta' Preservazzjoni għal Gruppi ta' Binjiet Storiċi", kif definit fil-liġi tal-protezzjoni tal-proprjetajiet kulturali tal-Ġappun. B'hekk kien meħtieġa pjanijiet ta' preservazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni mill-ħsara u r-restrizzjoni ta' attivitajiet li setgħu jeqirdu l-proprjetajiet stess jew jalteraw il-pajsaġġ eżistenti.[1]
Kull sid huwa responsabbli direttament għall-ġestjoni u għat-tiswija tal-proprjetà tiegħu, għalkemm din tiġi ssorveljata biex jiġu żgurati l-użu ta' metodi u ta' materjali tradizzjonali u l-ħarsien tal-pjanijiet ta' preservazzjoni. Ir-responsabbiltà kumplessiva għall-protezzjoni tal-villaġġi storiċi hija f'idejn l-Aġenzija għall-Affarijiet Kulturali tal-Gvern tal-Ġappun, flimkien ma' korpi oħra bħall-Ministeru għall-Ambjent, il-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Forestrija u s-Sajd (inkluż l-Aġenzija tal-Forestrija), il-Ministeru għall-Artijiet, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Turiżmu, il-Prefettura ta' Toyama, il-Prefettura ta' Gifu, il-villaġġ ta' Shirakawa u l-Belt ta' Nanto.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g "Historic Villages of Shirakawa-gō and Gokayama - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-14.
- ^ a b ċ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 45.
- ^ a b ċ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 46.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. pp. 46-47.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 70.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. pp. 61-62.
- ^ "『結(ゆい)』づくり事業・鳥羽磯部発!/結(ゆい)とは?". www.yuitobaisobe.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-09-10. Miġbur 2025-03-14.
- ^ "Shirakawa-go and Gokayama". www.japan-guide.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-14.
- ^ a b Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 48.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. pp. 48-49.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 50.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. pp. 50-51.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 51.
- ^ Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 52.
- ^ a b Saito, Hidetoshi; Inaba, Nobuko (1996). Saito, Hidetoshi (ed.). The Historic Villages of Shirakawa-go and Gokayama – Traditional Houses in the Gassho Style. p. 53.