Aqbeż għall-kontentut

Umm Al-Jimāl

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-tieqa doppja tad-Dar Nru XVIII.

Umm el-Jimal (bl-Għarbi: ام الجمال, li litteralment tfisser "Omm l-Iġmla"), spellut ukoll bħala Umm ej Jemāl, Umm al-Jimal jew Umm idj-Djimal, huwa villaġġ fit-Tramuntana tal-Ġordan bejn wieħed u ieħor 17-il kilometru fil-Lvant ta' Mafraq. Huwa notevoli primarjament għall-fdalijiet sostanzjali ta' raħal Biżantin u Iżlamiku bikri li huma viżibbli fuq l-art, kif ukoll għal villaġġ Ruman iktar antik (magħruf lokalment bħala al-Herri) li jinsab fil-Lbiċ tal-fdalijiet Biżantini.

Ħarsa ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]

Umm el-Jimal huwa villaġġ kbir li jinsab fit-Tramuntana tal-Ġordan, inqas minn 10 kilometri (6.2 mili) mill-fruntiera mas-Sirja. Jinsab f'Hauran, ir-reġjun tad-deżert tat-Tramuntana tal-pajjiż. Minkejja l-aridità, Umm el-Jimal xorta waħda huwa adattat għall-biedja, u l-għajxien u l-ekonomija tiegħu huma bbażati l-iktar fuq l-għajxien agrikolu u tar-ragħa. Il-fdalijiet tal-villaġġ tal-qedem jinsabu f'nofs iż-żona moderna ta' Umm el-Jimal. Il-fdalijiet imorru lura għal żmien in-Nabatej sal-perjodu tal-Abbasidi. It-terremot tal-ħabta tas-749 W.K. ikkawża ħsarat estensivi, iżda l-komunità baqgħet teżisti sew sal-perjodu tal-Abbasidi. Fil-bidu tas-seklu 20, l-inħawi ġew popolati mill-ġdid mit-tribù Druze u mbagħad mit-tribù Msa'eid tal-Bedwini.

Il-fdalijiet minn fuq il-barrakki.

Il-villaġġ ta' Umm el-Jimal oriġina fis-seklu 1 W.K. bħala subborg rurali tal-belt kapitali tal-qedem tan-Nabatej, Bostra. Għadd ta' inċiżjonijiet Griegi u Nabatej li nstabu fis-sit jindikaw li l-villaġġ imur lura għal dak iż-żmien. Matul is-seklu 1, huwa stmat li l-popolazzjoni tas-sit kienet ta' madwar 2,000–3,000 ruħ. Mal-istabbiliment tal-Provinċja tal-Arabja fil-106, ir-Rumani ħadu l-kontroll tal-villaġġ meta l-Imperatur Trajanu inkorpora l-artijiet tal-madwar fl-imperu tiegħu. Fil-villaġġ, ir-Rumani bnew għadd ta' binjiet, fosthom il-Praetorium u l-ġibjun kbir qrib il-castellum. Wara r-ribelljoni tar-Reġina Żenobja fil-275, fost il-kontromiżuri Rumani kien hemm il-kostruzzjoni ta' forti (castellum Tetrarkiku) li kien jospita gwarniġjon militari. Malli l-influwenza Rumana fl-inħawi bdiet tbatti ftit ftit, is-sit reġa' sar villaġġ rurali. Matul is-sekli 5 u 6, Umm el-Jimal stagħna bħala raħal agrikolu u kummerċjali u l-popolazzjoni tiegħu żdiedet għal madwar 4,000–6,000 ruħ. Madankollu, wara l-konkwisti Musulmani tas-seklu 7, il-popolazzjoni tal-villaġġ naqset minkejja li baqgħu jsiru proġetti ta' kostruzzjoni u rinnovazzjonijiet. Għall-ħabta tas-749, terremot qered il-biċċa l-kbira tal-inħawi u Umm el-Jimal ġie abbandunat bħal irħula u villaġġi oħra. Il-villaġġ baqa' diżabitat għal kważi 1,100 sena sal-iżvilupp tal-komunità moderna fis-seklu 20.

Ma tantx nafu wisq dwar iż-żminijiet preistoriċi ta' Umm el-Jimal, apparti l-ftit fdalijiet sparpaljati ta' qishom insedjamenti ta' tribujiet ta' kaċċaturi-ġemmiegħa nomadiċi. F'uħud minn dawn il-postijiet instabu xi oġġetti tal-ġebel u xi għodod preistoriċi. Fil-widien fil-qrib instabu wkoll il-fdalijiet ta' tajriet u ta' nases ta' annimali kbar. In-nies preistoriċi x'aktarx li kienu jużaw dawn in-nases biex jaqbdu gruppi kbar ta' annimali f'daqqa.

Il-popli Napatej kienu l-ewwel li bnew insedjamenti permanenti fl-inħawi fis-seklu 1 W.K. L-insedjament kien prinċipalment komunità tal-biedja u postazzjoni kummerċjali dipendenti fuq Bostra, il-belt kapitali fil-qrib tan-Nabatej. Għalkemm l-unika evidenza ta' dan il-villaġġ huma xi frammenti biss, hemm bosta inċiżjonijiet Nabatej minn dan il-perjodu, l-iktar fuq ġebliet użati bħala lapidi tal-oqbra. Mill-inqas żewġ irġiel imsemmijin fuq dawn il-lapidi kienu membri tal-Kunsill tal-Belt ta' Bostra.[1]

Żmien ir-Rumani Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]
Tempju ta' Żmien ir-Rumani Aħħari.

Filwaqt li r-Rumani komplew il-konkwista tagħhom tal-inħawi tal-madwar, ir-re tan-Nabatej ħass li l-waqgħa tal-istat tiegħu kienet xi ħaġa inevitabbli, għaldaqstant ċeda r-renju tiegħu lill-imperatur Ruman Trajanu fil-106 W.K. Ir-Rumani sejħu t-territorju l-ġdid li akkwistaw bħala l-Provinċja tal-Arabja u minnufih stabbilew gvernijiet lokali. Il-Praetorium, imsejjaħ hekk minn H. C. Butler fl-1905, jaf inbena għal dan l-iskop fis-seklu 3 W.K.

Żmien ir-Rumani Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]
Tempju ta' Żmien ir-Rumani Aħħari.

Kollox inbidel wara r-ribelljoni mmexxija mir-Reġina Żenobja ta' Palmyra fis-275. In-nies lokali ma tħallewx jiggvernaw lilhom infushom iktar, iżda kellhom jiġu sottomessi għat-tmexxija barranija iebsa. Minħabba l-pożizzjoni tal-villaġġ fit-tarf tal-imperu, Umm el-Jimal sar postazzjoni militari periferika b'gwarniġjon u b'forti Tetrarkiku ġdid. Malli l-poter imperjali Ruman beda jbatti, dan il-castellum bikri tilef il-funzjoni militari li kellu, u gradwalment Umm el-Jimal ittrasforma minn postazzjoni militari għal raħal ċivili. Paradossalment, mill-puntdivista tar-residenti Għarab lokali ta' Hauran, din il-bidla setgħet titqies bħala liberazzjoni iktar milli deklin.

L-amministraturi provinċjali Rumani ġew sostitwiti minn mexxejja Biżantini fis-seklu 5. Wieħed mill-mexxejja, Dux Pelagius, bena kwartieri militari iżgħar. Dawn il-kwartieri kienu l-castellum ta' wara, li issa huwa magħruf bħala l-Barrakki. Gradwalment, il-popolazzjoni lokali kkonvertiet għall-Kristjaneżmu, u r-raħal reġa' feġġ bħala komunità agrikola u kummerċjali għanja. Il-150 dar li għadhom jeżistu sal-lum inbnew f'dan il-perjodu, għall-ħabta tas-sekli 5 u 6. Fis-seklu 6 kien hemm splużjoni ta' knejjes li nbnew, u li llum il-ġurnata għad hemm 15 minnhom. Il-popolazzjoni baqgħet tikber, u huwa stmat li laħqet 6,000 abitant. Madankollu, fis-seklu 7, il-poter tar-reġjun ġie ċedut lill-Imperu Iżlamiku tal-Umajjad.

L-era Iżlamika f'Umm el-Jimal bdiet fis-640 meta l-Kaliffi Rashidun ħadu l-kontroll tal-inħawi. Sar ħafna mmudellar mill-ġdid fis-sit sabiex il-binjiet jiġu kkonvertit skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-Praetorium u d-Dar Nru XVIII huma eżempji ta' binjiet li ġew ikkonvertiti f'postijiet residenzjali, filwaqt li d-Dar Nru 53 x'aktarx li ġiet ikkonvertita f'moskea. Minkejja dan kollu, il-popolazzjoni ċkienet u s-sit bil-mod il-mod ġie abbandunat, anke minħabba terremot għall-ħabta tas-749 li qered bosta binjiet u heżżeż il-pedamenti ta' ħafna mill-arkitettura tas-sit. Is-sit ġie abbandunat għalkollox taħt il-Kaliffi Abbasidi fis-seklu 9.

Rewwixta tal-Għarab

[immodifika | immodifika s-sors]

T. E. Lawrence kiteb dwar "il-fdalijiet ta' Um el Jemal", "Donnu kien hemm evidenza ta' libertà tal-ħsieb f'dawn il-bliet Rumani tal-fruntiera bħal Um el Jemal, Um el Surab, Umtaiye. Binjiet inkongruwi simili, f'dak li fl-imgħoddi u issa kien deżert tat-taqbid, ħarġu fid-dieher l-insensittività tal-bennejja tagħhom; kważi turija vulgari tad-dritt tal-bniedem (tar-Rumani) li jgħix li baqa' l-istess fit-territorju kollu tiegħu".[2][3]

Hemm għadd ta' artali ddedikati lill-allat tan-Nabatej li jinsab fis-sit ta' Petra, fosthom Dushara Aarra. Dushara, divinità f'Petra, hija kkollegata ma' Aarra, l-alla patrun ta' Bostra, li sar divinità reġjonali unika. Kemm il-verżjoni tan-Nabatej kif ukoll dik Griega ta' isem l-alla ġew inċiżi fis-sezzjoni tan-nofs ta' artal li jinsab fin-naħa tal-Punent tal-fdalijiet. Alla ieħor preżenti fis-sit huwa Żews Epikoos, taħlita ta' Żews u d-divinità lokali Epikoos. F'dan il-każ instab artal f'bitħa jew spazju fil-beraħ, rappreżentattiv ta' alla reġjonali. L-artal li nstab f'Umm el-Jimal jissuġġerixxi d-devozzjoni personali minn xi resident lokali lejn din id-divinità. It-tielet divinità li nstabet f'Umm el-Jimal hija Solmos, magħruf hemmhekk biss u jaf kien divinità lokali wkoll, forsi meqjum biss min-nies ta' Umm el-Jimal u l-inħawi tal-madwar. Ismu jidher darba biss, f'inċiżjoni fuq artal fil-fdalijiet prinċipali ta' Umm el-Jimal. Peress li din hija l-unika evidenza magħrufa tal-qima ta' Solmos, huwa raġonevoli li wieħed isostni li l-fidili tiegħu kienu relattivament ftit u lokalizzati. Instabet evidenza ta' lapidi ta' oqbra u artali żgħar sparpaljati mas-sit kollu, u dawn jissuġġerixxu l-qima ta' divinitajiet oħra, forsi allat personali jew tal-familja li ma kinux jiġu meqjuma fil-komunità.[4]

Paganiżmu ta' Żmien ir-Rumani Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba n-natura tolleranti tal-okkupazzjoni bikrija tar-Rumani, ma tantx ġie kkontestat xejn matul dan il-perjodu. In-nies tar-reġjun setgħu jkomplu bil-prattiki reliġjużi tagħhom li kellhom minn qabel l-okkupazzjoni Rumana. Għalhekk, x'aktarx li bosta mill-allat reġjonali bħal Żews Epikoos u Solmos baqgħu jiġu meqjuma bħala divinitajiet lokali.

Żmien ir-Rumani Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara r-ribelljoni ta' Palmyra, il-biċċa l-kbira tal-prattiki reliġjużi reġjonali waqfu għalkollox. Dan minħabba r-restrizzjonijiet ibsin li ġew implimentati mill-gvern Ruman biex jiġi żgurat li n-nies ma jerġgħux jirvellaw. Madankollu, hemm evidenza li santwarju Ruman żgħir li baqa' jeżisti fid-Dar Nru 49 jaf baqa' jintuża mill-gwarniġjon li kien stazzjonat fil-castellum Tetrarkiku.

Il-Knisja tal-Punent.

L-Imperu Biżantin huwa rappreżentattiv tal-Kristjanizzazzjoni tal-Imperu Ruman minn Kostantinu fil-bidu tas-seklu 4 W.K. Il-bidla fl-affiljazzjoni reliġjuża influwenzat saħansitra l-iktar partijiet imbiegħda tal-imperu, u b'hekk hija evidenti anke f'Umm el-Jimal. Hemm simboli Kristjani madwar is-sit kollu mnaqqxin fil-ġebel u fl-influwenzi arkitettoniċi. Il-bidla reliġjuża fir-relazzjonijiet bejn il-kleru u l-lajċi hija rrappreżentata biż-żieda ta' ħajt diviżorju mal-artal fuq in-naħa ta' quddiem tal-knejjes u n-narthexes tad-daħliet tagħhom. Apparti l-influwenza tal-Kristjaneżmu permezz tal-kostruzzjoni ta' diversi knejjes fis-sit, xi kumplessi jaf kellhom użu monastiku. Il-castellum ta' wara (Barrakki) ġie kkonverti f'monasteru biż-żieda ta' kappella mal-binja prinċipali. It-torrijiet, li ġew miżjuda wkoll, għandhom inċiżjonijiet tal-ismijiet tal-erba' arkanġli u inċiżjonijiet Kristjani oħra. L-inċiżjonijiet jagħtu l-impressjoni li dawn ir-residenti ta' suċċess kienu jiddependu iktar direttament fuq Alla għall-protezzjoni, li kienu jħossuhom qribu, iktar milli fuq xi imperatur, li kienu jħossuh imbiegħed.

Umm el-Jimal fi żmien l-Umajjad milli jidher kien parzjalment Kristjan u parzjalment Musulman, b'żewġ gruppi reliġjużi jeżistu flimkien taħt il-politiki tad-Dhimma. L-istudjużi ma jaqblux dwar l-idea li wħud mill-knejjes f'Umm el-Jimal ġew ikkonvertit f'moskej. F'dawn l-eks knejjes, l-apsida ġiet imblukkata u l-enfasi tal-ispazju tal-istruttura nxteħtet lejn in-Nofsinhar, lejn il-Mekka. Lil hinn minn jekk dan huwiex minnu jew le, huwa xorta waħda evidenti li żewġt idjar ġew ikkonvertiti f'moskej bi pjanti tipiċi tal-Umajjad u torri żgħir fuq barra lejn il-faċċata tal-Punent, xi ħaġa li tindika l-preżenza ta' minaret. Il-komunità moderna hija inġenerali Musulmana u issa tinqeda b'diversi moskej ġodda li nbnew lil hinn mill-fdalijiet antiki.

Il-villaġġ ta' Umm el-Jimal jinsab fir-reġjun semiaridu tal-Ġordan magħruf bħala n-Nofsinhar ta' Hauran, fit-tarf tal-Punent tar-reġjun deżert ta' Badiya. Iż-żona tikkonsisti primarjament minn bażalt igneu, li kien jintuża bħala l-materjal primarju għall-bini. Il-bażalt kien jintuża wkoll għall-iżolament naturali tant importanti fl-inħawi. Fix-xhur kesħin tax-xitwa, il-blokok tal-bażalt kienu jżommu s-sħana mix-xemx u mbagħad is-sħana kienet tingħadda madwar l-istruttura kollha, u b'hekk kienu jagħmluha ta' sors naturali tat-tisħin. Fix-xhur sħan tas-sajf, il-blokok tal-bażalt kienu jservu ta' unità tat-tkessiħ peress li n-natura densa tal-blokok kienet iżżomm l-arja kiesħa fi ħdan l-istruttura, minkejja l-fatt li t-temperatura kienet taqbeż il-100 °F. Minħabba n-natura vulkanika tal-ħamrija, din iż-żona hija waħda mill-iktar postijiet għammiela fil-Ġordan u fis-Sirja.

Il-popolazzjoni stmata matul il-perjodu tan-Nabatej mhix magħrufa, minħabba li l-evidenza ta' komunità residenzjali nqerdet mill-fażijiet suċċessivi ta' kostruzzjoni. Madankollu, minħabba li l-villaġġ x'aktarx li kien postazzjoni kummerċjali ewlenija tul l-istess rotta bħal Bostra, il-popolazzjoni jaf kienet tlaħħaq diversi eluf. Bosta lapidi ta' oqbra Nabatej u Griegi jixhdu l-preżenza tagħhom. Abbażi tal-għadd ta' strutturi, l-ikbar popolazzjoni x'aktarx li ntlaħqet fis-seklu 6 b'madwar 3,000–7,000 ruħ. Fil-perjodu tal-Biżantini u tal-Umajjad, id-djar kienu okkupati kemm min-nies kif ukoll mill-annimali tar-ragħa. Fil-perjodu tal-Umajjad, għadd iżgħar ta' nies kienu jgħixu f'Umm el-Jimal. Filwaqt li xi binjiet ma kinux okkupati, xorta waħda l-villaġġ kien post għani u nbnew xi djar ġodda bi stalel karatteristiċi tal-Umajjad. Sad-900, il-villaġġ ġie abbandunat. Mhux magħruf għaliex, iżda x'aktarx minħabba l-istess raġunijiet li wasslu għat-tnaqqis fil-popolazzjoni ġenerali tar-reġjun tal-madwar u tas-Sirja; jiġifieri l-pesta, in-nixfa, it-terremoti, eċċ. Apparti dawn in-numri bażiċi, il-firxa ġenerali ta' unitajiet domestiċi foqra għal għonja fil-biċċa l-kbira mhix magħrufa għall-maġġoranza tal-eri differenti ta' okkupazzjoni. Il-pożizzjoni tas-sit tissuġġerixxi li kienet pjuttost żgħira, iżda l-għadd ta' binjiet u knejjes jissuġġerixxi mod ieħor.[5]

L-iskavi tas-sit Ċ2.

Umm el-Jimal ġie skopert mill-ġdid fis-seklu 19, matul żmien ta' interess tal-Punent fl-antikitajiet. L-ewwel stħarriġ sistematiku tlesta mill-Ispedizzjoni tal-Università ta' Princeton lejn in-Nofsinhar tas-Sirja fl-1905 u fl-1909. L-ewwel żjara rreġistrata lejn is-sit saret minn William John Bankes (1786–1855) fl-1818 li ħejja deskrizzjoni fil-qosor ta' Umm el-Jimal. Bejn l-1818 u l-1905, bosta persuni mill-Punent żaru s-sit u fasslu xi dokumentazzjonijiet żgħar iżda kollha kienu qosra u mhux konklużivi. Howard Crosby Butler mexxa l-ispedizzjoni tal-Università ta' Princeton u d-dokumenti tiegħu (PES II: 151) fihom rendikont eżawrjenti ta' dawk li żaru Umm el-Jimal bejn l-1818 u l-1905. Butler baqa' fis-sit għal ġimagħtejn biex jimmappja s-sit u jpinġi dijagrammi ta' diversi binjiet. Ix-xogħol ta' Butler kien siewi ħafna biex jiggwida lil oħrajn lejn is-sit u biex iqanqal iktar interess fl-istudju tas-sit. L-istħarriġ tiegħu tal-1905 witta t-triq għax-xogħol fil-post li għadu qed isir sal-lum.

G. Corbett żar Umm el-Jimal fl-1956 biex jistudja l-Knisja ta' Julianos u l-biċċa l-kbira tal-ħidma tiegħu kkoreġiet l-iżbalji li kien għamel Butler. Corbett irfina wkoll il-ħsieb modern dwar Umm el-Jimal billi wera li bosta mill-binjiet tal-villaġġ kienu nbnew bl-użu mill-ġdid tal-materjal minn binjiet preċedenti. Fl-1972 inbeda xogħol komprensiv f'Umm el-Jimal minn Bert de Vries tal-Kulleġġ ta' Calvin. Il-villaġġ tal-qedem ġie mmappjat iktar u twettaq xogħol dettaljat li rfina t-teoriji dwar in-natura u l-istorja tal-villaġġ. Ix-xogħol kien jinkludi prattiki ta' konservazzjoni. Fl-1977, il-ħitan tal-Barrakki ġew imsaħħa bis-siment biex jiġi evitat li jkomplu jċedu iktar. Iż-żona tad-daħla tad-Dar Nru XVIII ġiet imsaħħa wkoll fl-1983 b'siment modern. L-iskavi saru matul ix-xogħol fil-post li twettaq bejn l-1972 u l-1998, għalkemm in-natura tal-iskavi kien għal stħarriġ u għar-riċerka u mhux biex jiġu żvelati l-fdalijiet mirdumin. Mill-1998 ix-xogħol ġie ċċentrat fuq il-preżentazzjoni u d-dokumentazzjoni viżiva tas-sit. Mill-2009 saru sforzi li għadhom għaddejjin biex is-sit ikun iktar preżentabbli għall-pubbliku.[6] Komponent sinifikanti ta' dan l-isforz huwa l-iżvilupp ta' mużew virtwali bi żjarat tas-sit, kompilazzjoni tar-riċerka u tal-pubblikazzjonijiet, u preżentazzjoni tal-wirt tal-komunità moderna u r-relazzjoni tagħha mal-antikitajiet.[7]

Fl-2014 saret ħsara estensiva lis-sit minn ħallelin tal-oqbra. Abbażi ta' xnigħat dwar xi deheb, ħallelin mhux magħrufa qerdu bosta oqbra. Intqal li "l-ħallelin ma kinux qed ifittxu biss għad-deheb, iżda anke għal bċejjeċ taċ-ċeramika, oġġetti tal-ħġieġ, lampi, oġġetti tal-ġebel u biċċiet tal-ġojjellerija, li kollha malajr sabu ruħhom fil-kummerċ globali tal-antikitajiet".[8]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Umm Al-Jimāl tressaq bħala sit indikattiv fl-2022[9] u ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2024, matul is-46 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li saret fl-Indja.[10][11]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[10]

  1. Bert de Vries et al, Umm el-Jimal: A Nabataean, Roman, Byzantine and Early Islamic Town in Northern Jordan, Vol. I, Supplement, Journal of Roman Archaeology, 1998.
  2. Lawrence, T. E. (1935). Seven Pillars of Wisdom. Garden City: Doubleday, Doran & Company, Inc. p. 588.
  3. Faulkner, Neil (2016). Lawrence of Arabia's War: The Arabs, the British and the Remaking of the Middle East in WWI. New Haven: Yale University Press. p. 428. ISBN 9780300226393.
  4. Bert de Vries, "Between the Cults of Syria and Arabia: Traces of Pagan Religion at Umm el-Jimal." Studies in the History and Archaeology of Jordan X. Amman: Department of Antiquities of Jordan (2009): 177-192.
  5. Bert de Vries, "Paradox of Power: Between Local and Imperial at Umm El-Jimal," Ch 53 in Crossing Jordan: North American Contributions to the Archaeology of Jordan. Edited by Thomas E. Levy, P. M. Michèle Daviau, Randall W. Younker and May Shaer. Equinox Publishing, Ltd, 2007.
  6. Bert de Vries, "The Umm el-Jimal Project, 1993 and 1994 Field Seasons," Annual of the Department of Antiquities of Jordan 39, 1995, pp. 421–435.
  7. "Welcome to Umm el-Jimal". web.archive.org. 2011-12-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-12-29. Miġbur 2025-02-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. "Looters raid Jordanian crypts in search of gold, jewels and artifacts - The Washington Post". web.archive.org. 2014-11-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-11-02. Miġbur 2025-02-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. "Roya News | Umm el-Jimal added to World Heritage List by UNESCO". web.archive.org. 2024-07-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2024-07-27. Miġbur 2025-02-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. 1 2 "Umm Al-Jimāl - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-21.
  11. "Jordan's Umm al-Jimal village added to UNESCO heritage list". Al Jazeera (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-21.