Aqbeż għall-kontentut

Tumbati Monumentali tal-Ħamrija ta' Poverty Point

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Tumbata A.

It-Tumbati Monumentali tal-Ħamrija ta' Poverty Point, uffiċjalment is-Sit Storiku Statali ta' Poverty Point jew il-Monument Nazzjonali ta' Poverty Point, u fil-qosor sempliċement is-sit ta' Poverty Point (bil-Franċiż: Pointe de Pauvreté), huma tumbati preistoriċi tal-ħamrija li nbnew mill-kultura ta' Poverty Point, li llum il-ġurnata jinsabu fil-Grigal ta' Louisiana, l-Istati Uniti. L-evidenza tal-kultura ta' Poverty Point hija estiża fil-biċċa l-kbira tal-Boskijiet tax-Xlokk tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti. Il-kultura kienet estiża fuq 100 mil (160 kilometru) mid-Delta ta' Mississippi u fin-Nofsinhar tal-Kosta tal-Golf.

Is-sit ta' Poverty Point ġie ddeżinjat bħala Sit Storiku Statali, Għeliem Storiku Nazzjonali tal-Istati Uniti u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Is-sit jinsab 15.5-il mil (24.9 kilometru) mill-fluss attwali tax-xmara Mississippi, fit-tarf ta' Macon Ridge.[3] Il-villaġġ ta' Epps żviluppa fil-perjodu storiku fil-Parroċċa tal-Punent ta' Carroll, Louisiana.

Is-sit ta' Poverty Point fih tumbati żgħar u tumbati mdaqqsin tal-ħamrija, li nbnew minn poplu inġenjuż bejn l-1700 u l-1100 Q.K. matul il-perjodu Arkajku Aħħari fl-Amerka ta' Fuq.[4] L-arkeologi pproponew varjetà ta' funzjonijiet li s-sit jaf kellu, inkluż bħala insedjament, ċentru kummerċjali u/jew kumpless reliġjuż ċerimonjali.

Is-sit ta' 402 akri (163 ettari) issa operat bħala s-Sit Storiku Statali ta' Poverty Point fih "l-ikbar u l-iżjed sit ċerimonjali tal-ħamrija u ta' okkupazzjoni umana tal-perjodu Arkajku Aħħari fl-Amerka ta' Fuq".[5] L-Amerikani Ewropej iddeskrivew is-sit fis-seklu 19. Mis-snin 50 tas-seklu 20, fis-sit ta' Poverty Point saru diversi skavi arkeoloġiċi professjonali. It-tumbati tal-ħamrija ngħataw isem żona bil-pjantaġġuni tas-seklu 19.

Deskrizzjoni tas-sit

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tat-Tumbati Monumentali tal-Ħamrija ta' Poverty Point.

It-tumbati monumentali tal-ħamrija ta' Poverty Point jikkonsistu minn sensiela ta' tumbati żgħar u tumbati mdaqqsin tal-ħamrija u spazju miftuħ ċentrali. Il-qalba tas-sit fiha madwar 345 akru (140 ettaru), għalkemm l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi wrew li ż-żona totali tal-okkupazzjoni kienet estiża fuq iktar minn 3 mili (5 kilometri) tul il-Bayou Macon. Fost it-tumbati hemm sitt tumbati konċentriċi żgħar b'għamla ta' Ċ, li huma estiżi sat-tarf ta' Macon Ridge u diversi tumbati oħra 'l barra u 'l ġewwa mit-tumbati ż-żgħar. Dawn it-tumbati konċentriċi żgħar huma uniċi għas-sit ta' Poverty Point.

Sitt tumbati żgħar b'għamla ta' Ċ

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-parti prinċipali tal-monument tinkludi s-sitt tumbati żgħar b'għamla ta' Ċ. Kull tumbata minn dawn hija sseparata minn dik ta' ħdejha b'qisu ħandaq jew gandott. It-tumbati huma maqsuma b'erba' korsiji li jiffurmaw setturi tal-ħamrija. Tliet tumbati lineari addizzjonali jikkollegaw strutturi tal-ħamrija fin-nofs tan-Nofsinhar tat-tumbati. Illum il-ġurnata t-tumbati għandhom għoli li jvarja minn 0.3 sa 6 piedi (10 –185 ċentimetri). L-arkeologi jemmnu li f'xi postijiet dawn kienu ogħla fl-imgħoddi, iżda wara madwar 150 sena ta' ħart agrikolu d-daqs tagħhom ċkien. Il-wisa' tad-dawra ta' kull tumbata żgħira tvarja bejn 50 u 80 pied (15-25 metru) filwaqt li l-wisa' tal-istrutturi ta' warajhom tvarja bejn 65 u 100 pied (20–30 metru). Bejn wieħed u ieħor id-dijametru tat-tumbata l-iktar fuq barra hu ta' tliet kwarti ta' mil (1.2 kilometru), filwaqt li d-dijametru tal-iktar tumbata fuq ġewwa hu ta' madwar tliet fuq tmienja ta' mil (0.6 kilometri). L-iskala tat-tumbati tant hi kbira li r-riċerkaturi rnexxielhom jagħrfu d-disinn ġeometriku tagħhom wara li eżaminaw ir-ritratti tas-sit mill-ajru. Id-datazzjoni bir-radjukarbonju tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tat-tumbati ż-żgħar tal-ħamrija nbnew bejn l-1600 u l-1300 Q.K.

Spazju miftuħ

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sit ta' Poverty Point fl-1938 mill-ajru.

Bejn it-tumbata konċentrika l-iktar interna u t-tarf tal-Lvant ta' Macon Ridge hemm spazju miftuħ kbir ta' 37.5 akru (17.4-il ettaru) qisu pjazza. Għalkemm l-ispazju miftuħ jidher bħala żona naturali ċatta, dan ġie mmodifikat b'mod estensiv. Minbarra ħniedaq mimlijin, l-arkeologi sabu li l-ħamrija ġiet miżjuda sabiex jiġi olzat il-livell tal-art f'xi żoni b'saħansitra 3.3 piedi (metru). Fis-snin 70 tas-seklu 20, l-iskavi żvelaw evidenza ta' arbli enormi tal-injam fl-ispazju miftuħ tal-Punent. Stħarriġ ġeofiżiku li saru iktar 'il quddiem identifika diversi strutturi manjetiċi ċirkolari kumplessi, b'dijametru li jvarja minn madwar 82 pied (25 metru) sa 206 pied (63 metru), fin-nofs tan-Nofsinhar tal-ispazju miftuħ. Abbażi ta' data ġeofiżika, arkeologi flimkien mal-Università ta' Louisiana f'Monroe u mal-Università Statali ta' Mississippi wettqu skavi mmirati fir-rigward ta' wħud mill-istrutturi manjetiċi ċirkolari; huma sabu ħofor kbar fejn x'aktarx kien hemm l-arbli, li jindikaw li ċ-ċrieki manjetiċi fil-fatt kienu t-traċċi tal-arbli tal-injam. Id-datazzjoni bir-radjukarbonju tal-ħofor tal-arbli tal-injam u tal-istrutturi l-oħra tal-madwar tindika li ċ-ċrieki tal-arbli kienu parti mill-pajsaġġ li nbena mill-Amerikani Nattivi, saħansitra meta kienu għadhom qed jinbnew it-tumbati tal-ħamrija.

Taraġ (li issa tneħħa) sal-quċċata tat-Tumbata A.

It-tumbati tal-ħamrija huma l-iżjed strutturi viżibbli fis-sit. L-ikbar tumbata, it-Tumbata A, hija għolja 72 pied (22 metru) fl-ogħla punt tagħha u fiha madwar 705 pied b'660 pied (215-il metru b'200 metru) fil-bażi tagħha. It-Tumbata A tinsab fil-Punent tat-tumbati ż-żgħar, u għandha għamla bejn wieħed u ieħor ta' T meta wieħed iħares lejha mill-ajru. Uħud interpretaw li t-Tumbata A għandha l-għamla ta' għasfur jew ta' "gżira dinjija" li tirrappreżenta ċ-ċentru kożmoloġiku tas-sit.

Ir-riċerkaturi skoprew li t-Tumbata A kienet inbniet malajr, x'aktarx f'perjodu ta' inqas minn tliet xhur. Qabel il-kostruzzjoni, il-veġetazzjoni li kienet tiksi s-sit tat-Tumbata A ngħatat in-nar. Skont analiżi bir-radjukarbonju, dan il-ħruq seħħ bejn l-1450 u l-1250 Q.K. Il-bennejja preistoriċi għattew iż-żona maħruqa minnufih b'saff ta' sedimenti, u mbagħad bnew l-istruttura prinċipali malajr. Ma hemm l-ebda sinjal ta' fażijiet ta' kostruzzjoni jew ta' erożjoni tar-radam tat-tumbata, lanqas fil-livelli mikroskopiċi, u dan jindika li l-kostruzzjoni saret fi sforz kbir uniku matul perjodu qasir ta' żmien. Bħala volum totali, it-Tumbata A hija magħmula minn madwar 8,400,000 pied kubu (238,000 metru kubu) ta' radam tal-ħamrija, u b'hekk hija t-tieni l-ikbar tumbata tal-ħamrija (bħala volum) fil-Lvant tal-Amerka ta' Fuq. Barra minn hekk, hija t-tieni l-ikbar bħala daqs wara t-Tumbata tal-Patrijiet tal-kultura ta' Mississippi li ġiet wara f'Cahokia, li nbniet għall-ħabta tad-950 u l-1000 W.K. f'dik li llum il-ġurnata hija Illinois qrib ix-xmara Mississippi.

Qrib it-Tumbata A hemm fosos baxxi minn fejn kienu jġibu r-radam. X'aktarx li l-poplu ta' Poverty Point ġarr ir-radam minn dawn il-fosos baxxi u minn postijiet oħra fis-sit biex bena t-tumbata.

It-Tumbata B.

It-Tumbata B tinsab fit-Tramuntana u fil-Punent tas-sitt tumbati konċentriċi ż-żgħar u 2,050 pied (625 metru) fit-Tramuntana tat-Tumbata A. It-tumbata għandha għamla bejn wieħed u ieħor konika u hija għolja madwar 21 pied (6.5 metri) b'dijametru fil-bażi ta' 180 pied (55 metru). It-Tumbata B tmur lura għal wara l-1700 Q.K. u kienet l-ewwel struttura tal-ħamrija li nbniet f'Poverty Point. Peress li nbniet f'diversi stadji, instabu fosos tan-nirien, faħam maħruq, u x'aktarx ħofor tal-arbli tal-injam f'diversi saffi fit-tumbata tal-ħamrija. L-impronti ta' qfief minsuġa ġew ippreservati fir-radam ta' saff lejn in-naħa ta' fuq tat-tumbata. L-istadju finali tal-kostruzzjoni tat-tumbata kien jinvolvi kisja konika bis-sedimenti fuq wiċċ it-tumbata kollha. Waqt l-iskavi f'nofs is-snin 50 tas-seklu 20, ġiet irrapportata għadma umana f'saff bl-irmied fil-bażi tat-tumbata. Dak iż-żmien, din is-sejba ġiet irrapportata bħala evidenza ta' kremazzjoni. Madankollu, riċerka reċenti ma rnexxilhiex issib evidenza ulterjuri tas-saff bl-irmied. Ir-riċerkaturi minflok issuġġerew li s-saff irrapportat jirrappreżenta sedimenti griżi fini li huma komuni għall-ħamrija tal-orizzont E ta' Macon Ridge u li spiss jinstabu taħt it-tumbati. L-identifikazzjoni tal-għadma (irrapportata bħala biċċa mit-tarf tal-għadma tal-koxxa ta' tarbija) ġiet ikkontestata wkoll u mhix inkluża f'xi kollezzjoni magħrufa mis-sit.

It-Tumbata Ċ tinsab fi ħdan l-ispazju miftuħ qrib it-tarf tal-Lvant ta' Macon Ridge. It-Tumbata Ċ hija għolja 6.5 piedi (2 metri), twila madwar 260 pied (80 metru), u llum il-ġurnata wiesgħa 80 pied (25 metru). Il-wisa' bl-erożjoni ttieklet tul it-tarf tan-naħa tal-Lvant. Hemm depressjoni li taqsam it-tumbata, li hija maħsuba li nħolqot minn triq għall-karrijiet tas-seklu 19 li kienet tibqa' sejra lejn it-Trumantana lejn ir-raħal antik ta' Floyd, Louisiana. Diversi dati bir-radjukarbonju għat-Tumbata Ċ urew l-okkupazzjoni sħiħa tas-sit, iżda riżultat partikolari ta' analiżi bir-radjukarbonju minn taħt il-bażi tat-tumbata jissuġġerixxi li t-Tumbata Ċ hija waħda mill-iżjed kostruzzjonijiet bikrin fis-sit. It-Tumbata Ċ hija magħmula minn diversi saffi rqaq ta' ħamrija distinta b'ammonti żgħar ta' detriti akkumulati bejniethom, u dan jindika li żdiedu maż-żmien. Is-saff l-iktar ta' fuq ta l-għamla konika finali lit-tumbata.

It-Tumbata D hija struttura rettangolari tal-ħamrija b'quċċata ċatta li llum il-ġurnata fiha ċimiterju storiku assoċjat mal-Pjantaġġun ta' Poverty Point. Din it-tumbata hija għolja madwar 4 piedi (1.2 metru) u fiha 100 pied b'130 pied (30 metru b'40 metru) fil-bażi tagħha; barra minn hekk tinsab fuq waħda mit-tumbati konċentriċi ż-żgħar. Diversi linji ta' evidenza jissuġġerixxu li t-Tumbata D inbniet, mill-inqas parzjalment, mill-kultura ta' Coles Creek kważi 2,000 sena wara l-okkupazzjoni tas-sit mill-kultura ta' Poverty Point. L-ewwel instabu bċejjeċ taċ-ċeramika tal-kultura ta' Coles Creek qrib it-Tumbata D. Imbagħad instabu bċejjeċ taċ-ċeramika tal-kultura ta' Coles Creek 40 ċentimetru taħt wiċċ l-art qrib it-Tumbata D. Fl-aħħar nett, saru analiżijiet tal-luminixxenza stimulata ottikament fuq il-ħamrija taħt u fi ħdan it-tumbata, li permezz tagħhom ġiet datata l-ħamrija li ġiet esposta l-aħħar għad-dawl tax-xemx, u nstab li kienet konsistenti ma' dik ta' tumbata tal-kultura ta' Coles Creek li nbniet fuq tumbata żgħira ta' Poverty Point.

It-Tumbata E xi kultant tissejjaħ ukoll bħala t-Tumbata tal-Logħba tal-Ballun. Dan l-isem ġej mir-referenza għal "żewġ depressjonijiet baxxi fuq il-quċċata ċċattjata tagħha li fakkru lil xi arkeologi f'postijiet tal-logħob, mhux minħabba xi attivitajiet tal-logħob reali f'Poverty Point".

It-Tumbata E tinsab 1,330 pied (405 metri) fin-Nofsinhar tat-Tumbata A u hija struttura rettangolari b'quċċata ċatta bit-truf ittundjati u rampa estiża mir-rokna tal-Grigal. It-Tumbata E hija għolja 13.4-il pied (4 metri) u fiha 360 pied b'295 pied (110 metri b'90 metru) fil-bażi tagħha. Il-profil ta' unità tal-iskavi fit-tarf tat-Tumbata E żvela ħames stadji ta' kostruzzjoni li ġew ikkorroborati ma' sensiela ta' kampjuni tal-ħamrija tul wiċċ it-tumbata. Ma ġiet irreġistrata l-ebda karatteristika fl-iskavi u nstabu għadd żgħir ta' artefatti. Bosta mill-artefatti li nstabu kienu ta' materjal mhux lokali, pereżempju tan-novakulit, karatteristika tal-materja prima tas-sit ta' Poverty Point. Sa reċentement, id-datazzjoni tat-Tumbata E ddependiet fuq similarità mal-kostruzzjoni tat-Tumbata B u l-iżvilupp simili tal-ħamrija. Fl-2017 ġiet irkurprata biċċa faħam maħruqa żgħira f'kampjun tal-ħamrija li ttieħed mill-bażi tar-rampa tat-tumbata. Dan il-faħam maħruq mill-bażi tat-tumbata pprovda datazzjoni bir-radjukarbonju li tissuġġerixxi li l-kostruzzjoni seħħet xi żmien wara l-1500 Q.K.

Is-sitt tumbata ġiet skoperta fis-sit ta' Poverty Point fl-2013. Magħrufa bħala t-Tumbata F, din tinsab 'il barra u fil-Grigal tat-tumbati konċentriċi ż-żgħar. It-Tumbata F hija għolja madwar 5 piedi (1.5 metru) u fiha 80 pied b'100 pied (24 metru bi 30 metru) fil-bażi tagħha. Id-datazzjoni bir-radjukarbonju tal-fdalijiet ta' biċċa injam maħruqa mill-bażi tat-tumbata tindika li t-tumbata nbniet xi żmien wara l-1280 Q.K., u b'hekk hija l-aħħar tumbata tal-ħamrija tal-perjodu Arkajku li żdiedet fis-sit ta' Poverty Point.

Tumbati ta' Lower Jackson u ta' Motley

[immodifika | immodifika s-sors]
Ħarsa ġenerali lejn is-sit ta' Poverty Point fejn jidhru l-pożizzjonijiet tat-tumbati ta' Lower Jackson u ta' Motley. Ta' min jinnota li t-Tramuntana tinsab lejn il-lemin.

Bejn wieħed u ieħor 1.8 mil (2.9 kilometri) fin-Nofsinhar taċ-ċentru tas-sit ta' Poverty Point hemm it-Tumbata ta' Lower Jackson (16WC10), li hija struttura konika għolja 10 piedi (3 metri), b'dijametru ta' 115-il pied (35 metru) fil-bażi tagħha. Għal bosta snin, l-arkeologi kienu jemmnu li t-Tumbata ta' Lower Jackson inbniet fl-istess żmien bħas-sit ta' Poverty Point. Madankollu, id-datazzjoni moderna bir-radjukarbonju mill-bażi tat-tumbata turi li t-Tumbata ta' Lower Jackson inbniet għall-ħabta tat-3900 sat-3600 Q.K., jiġifieri qabel it-tumbati tas-sit ta' Poverty Point b'madwar 1,500 sena. Qrib it-tumbata nstabu artefatti tipiċi tad-data iktar bikrija, bħal blokok imbaskta fil-fran u ponot tal-perjodu ta' Evans. It-Tumbata ta' Lower Jackson tinsab fuq l-istess orjentazzjoni mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bħat-Tumbati tal-Ħamrija E, A u B ta' Poverty Point.

Madwar 1.2 mil (2.2 kilometri) lejn it-Tramuntana tat-tumbati tal-ħamrija ta' Poverty Point hemm it-Tumbata ta' Motley (16WC7), li hija għolja 52 pied (16-il metru) b'bażi ta' 560 pied b'410 piedi (170 metru b'125 metru). It-Tumbata ta' Motley tixbah ftit lit-Tumbata A bħala għamla, madankollu, l-affiljazzjoni kulturali ta' din it-tumbata tal-ħamrija għadha spekulattiva.

Strutturi ċirkolari bojod juru l-kontorn tal-ispazju miftuħ ta' 37.5 akru (17.4-il ettaru) fis-sit ta' Poverty Point.

Is-sit ta' Poverty Point ma nbeniex kollu f'daqqa. Il-konfigurazzjoni finali milli jidher kienet frott ix-xogħol ta' ġenerazzjonijiet suċċessivi tul perjodu konsiderevoli ta' żmien. Is-sekwenza eżatta u l-kronoloġija tal-kostruzzjoni tat-tumbati tal-ħamrija mhumiex magħrufa b'mod preċiż. Id-datazzjoni bir-radjukarbonju tas-sit tat varjetà wiesgħa ta' riżultati, iżda sinteżijiet reċenti jissuġġerixxu li l-kostruzzjoni tat-tumbati tal-ħamrija bdiet diġà mill-1800 Q.K. u baqgħet għaddejja sal-1200 Q.K.

L-iskavi arkeoloġiċi ddeterminaw li qabel il-kostruzzjoni tat-tumbati tal-ħamrija, il-ħaddiema preistoriċi wittew l-art ta' madwar is-sit u melew bir-radam diversi gandotti u postijiet baxxi biex joħolqu l-ispazju miftuħ ċatt ċentrali u wċuħ li fuqhom setgħu jibnu t-tumbati l-kbar u ż-żgħar. Il-materjal prinċipali tal-kostruzzjoni kien il-loess, li huwa tip ta' ħamrija bis-sedimenti li faċli titħaffer iżda li tittiekel meta tiġi esposta għall-ilma. Għal din ir-raġuni, jaf intuża t-tafal biex jiksi l-kostruzzjonijiet bil-loess sabiex b'hekk l-uċuħ jiġu protetti mill-erożjoni. It-tumbati tal-ħamrija nbnew bit-tfigħ ta' qfief sħaħ tar-radam u mbagħad kienu jimtlew l-ispazji vojta ta' bejniethom. Il-qfief, skont id-daqs ta' min iġorrhom, setgħu jifilħu bejn 30–50 libbra (13.6–22.7 kilogramma) ta' radam, u b'hekk x'aktarx li l-irġiel, in-nisa u t-tfal ipparteċipaw fil-kostruzzjoni.

L-għadd ta' individwi involuti fil-kostruzzjoni tas-sit ta' Poverty Point mhuwiex magħruf, għalkemm l-arkeologu Jon L. Gibson jipprovdi diversi xenarji dwar kemm x'aktarx kienu jdumu biex jibnu t-tumbati tal-ħamrija skont l-għadd u l-intensità tal-isforzi individwali. Pereżempju, huwa stima li t-tumbati tal-ħamrija jaf ġew prodotti f'seklu minn tliet ġenerazzjonijiet jekk xi mitt individwu qatta' sitt jew sebat ijiem fix-xahar fuq il-proġett tal-kostruzzjoni. Gibson jissuġġerixxi wkoll li l-ħaddiema kienu jgħixu fis-sit matul il-kostruzzjoni, u x'aktarx kienu jarmaw djar temporanji fil-quċċata tat-tumbati tal-ħamrija stess li kienu jkunu qed jibnu. Il-biċċa l-kbira tal-iskavi arkeoloġiċi tat-tumbati ż-żgħar fis-sit ta' Poverty Point jikkonsistu f'unitajiet żgħar ta' 3.3 piedi bi 3.3 piedi (metru b'metru) li ma jistgħux jiżvelaw il-kobor ta' unità domestika sħiħa. Eċċezzjoni huma l-iskavi tal-1980–1982 tal-Università Statali ta' Louisiana li esploraw trunċiera ta' 16-il pied bi 98 pied (4.9 metri b'29.9 metri) fl-inħawi tat-Tumbata ż-Żgħira Nru 1 tal-Majjistral. L-iskavi tat-trunċiera żvelaw diversi livelli sekwenzjali ta' attivitajiet domestiċi tul iż-żmien. L-arkeologi interpretaw din iż-żona bħala evidenza possibbli għal iktar abitazzjoni fit-tul fis-sit.

Xi bidliet fit-temperatura u fil-preċipitazzjoni, kif ukoll żieda fl-għargħar, jaf ikkawżaw żbilanċ ekoloġiku li wassal għall-abbandun ta' Poverty Point. L-arkeologi jużaw dawn il-bidliet bħala konfini taż-żmien bejn il-perjodu Arkajku u l-perjodu ta' wara tal-Boskijiet.

Xbieha artistika tal-kostruzzjoni kompluta tas-sit.

L-arkeologi ilhom jiddibattu l-funzjonijiet tas-sit ta' Poverty Point. Waħda mid-domandi prinċipali kienet jekk intużax għal insedjament jew għal avvenimenti perjodiċi biss. L-arkeologi jsostnu li d-djar inbnew fil-quċċata tat-tumbati konċentriċi ż-żgħar. Il-ħofor tal-arbli tal-injam flimkien mal-fdalijiet ta' ħuġġiġiet u fran fil-ħamrija nstabu fuq it-tumbati ż-żgħar, u b'hekk jindikaw il-preżenza ta' binjiet u attivitajiet assoċjati. Arkeologi oħra jemmnu li kieku kien hemm residenza regolari, kien ikun hemm iktar ħofor tal-arbli tal-injam. Gibson u oħrajn jinnotaw li xi ħofor tal-arbli tal-injam jaf inqerdu bil-ħart storiku li seħħ f'parti kbir mis-sit u jinnotaw ukoll l-iskavi limitati li żvelaw il-mudelli tal-ħofor tal-arbli tal-injam tad-djar.

Arkeologi bħal Sherwood Gagliano u Edwin Jackson jappoġġaw l-interpretazzjoni li Poverty Point kien sit fejn diversi gruppi kienu jiltaqgħu u jagħmlu kummerċ fuq bażi okkażjonali. Gibson jemmen li hemm evidenza li tħalla wisq skart mill-abitanti oriġinali biex jiġġustifika abitazzjoni okkażjonali biss, u li ma kienx ikun plawżibbli li jinbnew tumbati tal-ħamrija daqstant kbar biex jintużaw biss bħala ċentru kummerċjali.

Xi arkeologi jinterpretaw is-sit ta' Poverty Point bħala post ta' importanza reliġjuża u ta' importanza għas-simboliżmu. L-arkeologu William Haag, li skava s-sit fis-snin 70 tas-seklu 20, interpreta li l-korsiji li jiddividu s-setturi tat-tumbati ż-żgħar għandhom importanza astronomika u li huma allinjati mas-solstizji. L-astronomu Robert Purrington jemmen li t-tumbati ż-żgħar fis-sit ta' Poverty Point kienu allinjati ġeometrikament iktar milli astronomikament. Id-diskrepanza bejn il-konklużjonijiet ta' Haag u ta' Purrington tirriżulta mill-għażla ta' ċentri differenti tas-sit, u b'hekk dan wassal għal angoli differenti għall-korsiji. Ir-riċerkaturi studjaw ukoll it-twemmin reliġjuż storiku u kontemporanju tal-Amerikani Nattivi biex jixtarru xi punti paralleli. Gibson jemmen li t-tumbati ż-żgħar inbnew bl-arkijiet tagħhom il-kontra tal-Punent biex l-ispirti l-ħżiena tad-deni u tal-mewt jinżammu barra mill-kumpless.

Poplu ta' Poverty Point

[immodifika | immodifika s-sors]
Oġġetti dekorattiva magħmula mil-loess, u mbagħad impoġġija fil-fran, li nstabu fis-sit ta' Poverty Point.

Il-poplu tal-kultura ta' Poverty Point li bena t-tumbati tal-ħamrija kien poplu ta' kaċċaturi-sajjieda-ġemmiegħa iktar milli bdiewa. Huma eżempju ta' soċjetà kumplessa ta' kaċċaturi-ġemmiegħa li bnew monumenti fuq skala kbira. Il-maġġoranza l-kbira ta' monumenti preistoriċi oħra, minn Stonehenge fl-Ingilterra għall-Piramida l-Kbira ta' Khufu f'Giza, l-Eġittu, inbnew minn soċjetajiet agrikoli, li fihom l-għelejjel żejda kienu jippermettu densità ikbar tal-popolazzjoni u stratifikazzjoni tas-soċjetà.

Il-poplu li għex fis-sit ta' Poverty Point kien poplu ta' Amerikani Nattivi, dixxendenti tal-immigranti li waslu fl-Amerka ta' Fuq billi qasmu l-Istrett ta' Bering bejn wieħed u ieħor 20,000 sa 23,000 sena ilu. Il-poplu identifikat mal-kultura ta' Poverty Point żviluppa sett distint ta' karatteristiċi kulturali differenti minn abitanti kontemporanji oħra fil-Wied tan-Naħa t'Isfel ta' Mississippi. Iż-żmien, il-bidla kulturali u n-nuqqas ta' dokumenti bil-miktub jipprevjenu lir-riċerkaturi milli jidentifikaw il-poplu ta' Poverty Point bħala antenati ta' xi tribù storika jew moderna speċifika.

Is-sorsi tal-ikel tal-poplu fis-sit ta' Poverty Point kienu l-annimali u l-pjanti lokali fir-reġjun. L-ikel tal-poplu tas-sit ta' Poverty Point kien jinkiseb permezz tas-sajjieda, tal-ġemmiegħa u tal-kaċċaturi. L-għajxien tal-poplu tas-sit ta' Poverty Point kien mifrux b'mod wiesa' minħabba l-ikel staġonali differenti li kien disponibbli. Id-dieta tal-poplu kienet tikkonsisti minn mammiferi kbar bħal ċriev, mammiferi żgħar bħall-possum, diversi tipi ta' ħut u fkieren tal-ilma, molluski, lewż, frott, frott artab tal-bosk u għeruq akkwatiċi.

Il-Mużew ta' Poverty Point.

Il-maġġoranza l-kbira tal-artefatti li nstabu mis-sit ta' Poverty Point huma oġġetti żgħar tal-loess, b'diversità kbira ta' għamliet u magħrufa bħala l-"Oġġetti ta' Poverty Point". Għajr għall-għamliet uniċi speċjalizzati, l-arkeologi ġeneralment ikkonkludew li l-oġġetti kienu jintużaw għat-tisjir, abbażi tal-kuntest li fihom instabu l-artefatti u tal-arkeoloġija sperimentali. Meta tpoġġew fil-fran, instab li l-oġġetti kienu jżommu l-affarijiet ta' ġo fihom sħan u kienu jintużaw fit-tisjir.

L-abitanti tas-sit ta' Poverty Point ipproduċew ftit bċejjeċ tal-fuħħar u ħolqu varjetà ta' tipi b'diversi stili ta' disinni bħala dekorazzjoni. Madankollu, spiss kienu jimportaw reċipjenti tal-ġebel minn popli oħra, magħmula mis-steatit mill-għoljiet ta' qabel il-Muntanji Appalakkjani.

Il-biċċa l-kbira tal-għodod tal-poplu tas-sit ta' Poverty Point milli jidher inħolqu fil-post, peress li hemm evidenza ta' detriti mill-proċess tal-manifattura tagħhom qrib it-tumbati ż-żgħar. Analiżi tal-artefatti li nstabu fit-tumbati ż-żgħar turi li t-tumbati individwali u s-setturi tal-kumpless tat-tumbati tal-ħamrija kienu jintużaw għal attivitajiet speċjalizzati. Pereżempju, abbażi tal-analiżi tal-ponot li jaqtgħu u tad-detriti tal-produzzjoni, instab li s-settur tat-Tramuntana tat-tumbati tal-ħamrija kien l-iktar post fejn kienu jiġu mmanifatturati l-għodod u li fis-setturi tan-Nofsinhar kienu jiġu mmanifatturati l-ponot li jaqtgħu u kienu jintużaw bħala għodod. Instabu żibeġ, pendenti u oġġetti lapidarji oħra primarjament fis-settur tal-Punent. Madankollu, instabu figurini tat-tafal mifruxa b'mod indaqs qalb it-tumbati ż-żgħar. Abbażi tal-analiżi tal-artefatti li nstabu fl-istati suċċessivi tal-kostruzzjoni tat-tumbati, kien hemm bidliet ċari fl-istili tal-artefatti tul iż-żmien. Pereżempju, l-Oġġetti ta' Poverty Point b'inċiżjonijiet ċilindriċi huma l-iżjed forma bikrija prodotta ta' artefatti u l-forom bikoniċi ġew prodotti wara.

Ma hemm l-ebda ġebel li jokkorri b'mod naturali fis-sit ta' Poverty Point. Abbażi tas-sorsi ġeoloġiċi tal-qedem ta' tipi differenti ta' ġebel li ntużaw għall-produzzjoni tal-artefatti tal-ġebel li nstabu fis-sit ta' Poverty Point, l-arkeologi kkonkludew li l-abitanti tas-sit ta' Poverty Point kienu jagħmlu kummerċ ma' Amerikani Nattivi oħra. Pereżempju, għadd sproporzjonat ta' ponot li jaqtgħu kienu magħmula minn materja prima li kienet tokkorri b'mod naturali fil-muntanji ta' Ouachita u ta' Ozark, u fil-widien tax-xmajjar ta' Ohio u ta' Tennessee. Materjali oħra li rriżultaw mill-kummerċ kienu jinkludu l-ġebla tas-sapun min-Nofsinhar tal-Muntanji Appalakkjani ta' Alabama u ta' Georgia, u l-galena minn Missouri u Iowa. L-arkeologi assumew li l-preżenza tal-artefatti tar-ram kienet tindika li kien isir kummerċ ma' tribujiet li kienu jipproduċu r-ram fin-naħa ta' fuq tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar. Madankollu, analiżijiet xjentifiċi moderni juru li mill-inqas uħud mill-artefatti tar-ram li nstabu fis-sit ta' Poverty Point kienu magħmula minn materjali disponibbli fin-Nofsinhar tal-Muntanji Appalakkjani, li kienu wkoll is-sors tar-reċipjenti tal-ġebla tas-sapun jew tal-isteatit fis-sit ta' Poverty Point.

Skoperta, skavi u turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

Skoperta u skavi arkeoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-ajru tat-tumbati tal-ħamrija tas-sit ta' Poverty Point fl-1960.

Fis-snin 30 tas-seklu 19, Jacob Walter, esploratur Amerikan li kien qed ifittex għall-minerali taċ-ċomb fl-inħawi, sab is-sit ta' Poverty Point u kiteb dwaru fid-djarju tiegħu:[6]

Mal-wasla fid-destinazzjoni tiegħi, f'bayou Mason fejn ġejt infurmat li kienu nstabu l-minerali taċ-ċomb, mill-ewwel skoprejt kif il-minerali taċ-ċomb spiċċaw f'dan il-post. B'din l-iskoperta, għebet it-tama li kelli li nsib xi minjiera ta' minerali taċ-ċomb. Minflok minjiera taċ-ċomb, sibt ruħi fis-sit ta' raħal Indjan tal-qedem. F'dan il-post, il-wiċċ tal-ħamrija ġiet imqallba bil-ħart għal diversi akri, u nstabu bosta frammenti ta' reċipjenti Indjani. Instabu wkoll għadd kbir ta' reċipjenti tal-ikel magħmula mill-Indjani, li jindikaw il-fatt li l-abitanti ta' dan ir-raħal kienu parti minn tribù li kienet tiekol minn dawn ir-reċipjenti. Il-blalen tat-tafal (parti mill-Oġġetti ta' Poverty Point) kienu daqs ġewża ħadra u kienu ġew prodotti fuq in-nar. Għaldaqstant, iddiżappuntat li ma skoprejtx minjiera taċ-ċomb, irkibt iż-żiemel tiegħi u mort 'il barra biex nara kif kienu l-inħawi qrib dan is-sit. Malajr skoprejt tumbata ta' daqs kolossali (it-Tumbata A). L-għamla tal-bażi ta' din l-istruttura kbira kienet rettangolari b'tul id-doppju tal-wisgħa tagħha, u kienet twila 1,000 pied, wiesgħa 500 pied u għolja 150 pied sal-quċċata ...

L-ewwel rendikont ippubblikat dwar is-sit kien fl-1873 minn Samuel Lockett, li serva bħala uffiċjal fl-Armata Konfederattiva matul il-Gwerra Ċivili Amerikana. Matul il-bidu tas-seklu 20, l-arkeologi bdew jinteressaw ruħhom fis-sit. Is-sit ta' Poverty Point ġie investigat u deskritt minn Clarence B. Moore fl-1913, minn Gerard Fowke tal-iSmithsonian Institution fl-1926, minn Clarence H. Webb fl-1935, u minn Michael Beckman fl-1946. Saru tliet staġuni ta' skavi fl-1952, fl-1953 u fl-1955 minn James A. Ford u Clarence Webb, li wasslu għall-pubblikazzjoni ta' Poverty Point, a Late Archaic Site in Louisiana (Poverty Point, Sit Arkajku Aħħari f'Louisiana) fl-1956.

L-iskavi komplew fis-sit fis-seklu 21 ukoll. Fost l-isforzi tar-riċerka kien hemm it-trunċiera tal-iskavi ta' Sharon Goad (1980–1982) fit-Tumbata ż-Żgħira Nru 1 tal-Majjistral, l-iskavi ta' Jon Gibson (1983–1995) f'diversi tumbati żgħar fis-sit, ir-riċerka ta' Glen Greene (1983–1992) dwar l-iżvilupp tal-ħamrija u t-tiswir tal-pajsaġġ kulturali tas-sit, u r-riċerka limitata ta' arkeologi oħra. Fil-bidu tas-seklu 21, T.R. Kidder u Anthony Ortmann wettqu riċerka rigward diversi tumbati tal-ħamrija fis-sit u lestew stħarriġ topografiku tas-sit ta' Poverty Point. Michael Hargrave u Berle Clay wettqu stħarriġ ġeofiżiku fuq roqgħa kbira tas-sit mill-2006 sal-2012, bl-użu tal-gradjometrija manjetika u r-reżistenza manjetika sabiex jinvestigaw is-sistema tat-tumbati żgħar u l-ispazju miftuħ. Id-Diviżjoni tal-Arkeoloġija ta' Louisiana stabbiliet il-Programm tal-Istazzjon tal-Arkeoloġija fis-sit ta' Poverty Point fl-1996 sabiex tissorvelja, tikkoordina u twettaq ir-riċerka fis-sit. Il-programm għadu attiv u permezz tiegħu saru bosta skavi fis-sit, flimkien maż-żamma u mal-analiżi tal-kollezzjonijiet minn skavi preċedenti fis-sit ta' Poverty Point.

Aċċess pubbliku u żamma tas-sit

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1960, John Griffin, li dak iż-żmien kien l-Arkeologu Reġjonali tax-Xlokk tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali, issuġġerixxa lill-Gvern Federali li s-sit ta' Poverty Point jiġi ddikjarat u stabbilit bħala monument nazzjonali. Għall-ewwel il-Kungress tal-Istati Uniti rrifjuta li jappoġġa l-protezzjoni, minħabba biża' li jitlef il-popolarità tas-sidien tal-art lokali. Madankollu, is-sit ġie ddeżinjat bħala Għeliem Storiku Nazzjonali fit-13 ta' Ġunju 1962.

Fl-1972, l-Istat ta' Louisiana xtara sezzjoni ta' 400 akru (1.6 km2) tas-sit. Fl-1976, l-istat fetaħ is-sit għall-pubbliku bħala ż-Żona Kommemorattiva Statali ta' Poverty Point. L-istat bena mużew iddedikat għall-interpretazzjoni tat-tumbati tal-ħamrija u tal-artefatti li nstabu hemmhekk. Fl-1988, il-Kungress iddeżinja s-sit bħala Monument Nazzjonali tal-Istati Uniti.

Illum il-ġurnata, il-Monument Nazzjonali ta' Poverty Point huwa miftuħ għall-viżitaturi kuljum mid-9:00 ta' filgħodu sal-5:00 ta' filgħaxija għajr f'Jum il-Ħajr, Jum il-Milied u fl-Ewwel tas-Sena. Peress li s-sit huwa ġestit mill-Uffiċċju tal-Parks Statali ta' Louisiana, il-biljett validu għall-Parks Nazzjonali kollha tal-Istati Uniti ma jiġix aċċettat għad-dħul fis-sit. Louisiana taħdem mad-diviżjoni tal-Korp tal-Inġiniera tal-Armata tal-Istati Uniti biex jiġu żviluppati pjanijiet għall-kontroll tal-erożjoni.

Fl-2013, il-Logutenent-Gvernatur Jay Dardenne, il-kap ex officio tad-Dipartiment tal-Kultura, tar-Rikreazzjoni u tat-Turiżmu ta' Louisiana, talab $750,000 ta' finanzjament għal stat ta' emerġenza biex tiġi limitata l-erożjoni fis-sit ta' Poverty Point. L-erożjoni li thedded it-tumbati preistoriċi tiġi kkawżata mill-Harlin Bayou fin-naħa tat-Tramuntana tas-sit. Il-finanzjament ġie approvat.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Jannar 2013, id-Dipartiment tal-Intern tal-Istati Uniti nnomina s-sit ta' Poverty Point bħala sit indikattiv biex jitqies biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-Senatur tal-Istat Francis C. Thompson ta' Delhi fil-Parroċċa ta' Richland sostna li l-kwistjoni mhix "kwistjoni lokali jew anke statali biss, iżda ta' importanza internazzjonali. Il-prestiġju ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-reġjun u fl-istat ikollu importanza kbira kemm kulturalment kif ukoll ekonomikament".

Fit-22 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO iddeżinja s-sit ta' Poverty Point bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-laqgħa tiegħu f'Doha, il-Qatar.[1] Il-Logutenent-Gvernatur Jay Dardenne bagħat delegazzjoni ta' żewġ persuni lejn il-Qatar biex jassistu lid-delegati mid-Dipartimenti tal-Intern u tal-Istat tal-Istati Uniti u pprovdew tagħrif dwar is-sit ta' Poverty Point lill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-Sit ta' Poverty Point issa huwa elenkat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' attrazzjonijiet kulturali oħra bħal Stonehenge fl-Ingilterra, il-Piramidi Eġizzjani f'Giza fl-Eġittu, u l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina. B'hekk is-Sit ta' Poverty Point sar l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Louisiana u 22 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Istati Uniti.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

  1. 1 2 3 4 "Poverty Point UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-14.
  2. "A first for Louisiana: Poverty Point selected as World Heritage site …". archive.ph. 2014-06-22. Miġbur 2024-07-14.
  3. Milner, George R. (2004). The Moundbuilders: Ancient Peoples of Eastern North America. Londra: Thames & Hudson Ltd.
  4. "Poverty Point Nomination Dossier" (PDF).
  5. U.S. Department of the Interior (2013). Monumental Earthworks of Poverty Point. Nomination to the World Heritage List by the United States of America. p. 106.
  6. Connolly, Robert (1997). 1997 Annual Report: Station Archaeology Program at the Poverty Point State Commemorative Area. Report on file, Louisiana Division of Archaeology, Baton Rouge, Louisiana.