Aqbeż għall-kontentut

Trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kamra tat-taħlib b'moviment ċirkolari f'impjant modern tal-ħalib fil-Ġermanja
Razzett tal-ħalib qrib Bangor, Wisconsin

It-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib hija tip ta’ agrikultura għall-produzzjoni tal-ħalib fit-tul, li jiġi proċessat (jew fir-razzett jew f’impjant tal-ħalib, li t-tnejn li huma jistgħu jissejħu maħleb) għall-bejgħ finali ta’ xi prodott tal-ħalib. L-istorja tat-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib tmur lura għall-bidu tal-perjodu Neolitiku, madwar is-seba’ millennju QK f’ħafna reġjuni tal-Ewropa u l-Afrika. Qabel is-seklu 20, il-bhejjem kienu jinħalbu bl-idejn fi rziezet żgħar. Mill-bidu tas-seklu 20, it-taħlib beda jsir fi rziezet tal-ħalib fuq skala kbira, b’innovazzjonijiet li jinkludu l-kmamar tat-taħlib b'moviment ċirkolari, in-netwerk ta' pajpijiet neċessarji fil-proċess tat-taħlib, u sistemi awtomatiċi tat-taħlib li ġew żviluppati kummerċjalment fil-bidu tad-disgħinijiet tas-seklu 20.

Il-metodi tal-preservazzjoni tal-ħalib tjiebu mal-wasla tat-teknoloġija tar-refriġerazzjoni fl-aħħar tas-seklu 19, li inkludiet ir-refriġerazzjoni b’espansjoni diretta u l-iskambjatur tas-sħana bil-pjanċi. Dawn il-metodi ta’ tkessiħ ippermettew lill-irziezet tal-ħalib biex jippreservaw il-ħalib billi jnaqqsu t-taħsir ikkawżat mill-formazzjoni tal-batterji u l-umdità.

L-industriji ewlenin fil-produzzjoni tal-ħalib f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, bħall-Indja, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, u New Zealand, iservu bħala produtturi importanti, esportaturi, u importaturi tal-ħalib. Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura (FAO), sa mit-tmiem tas-seklu 20 kien hemm żieda ġenerali fl-ammont totali tal-produzzjoni tal-ħalib mad-dinja, b’madwar 827,884,000 tunnellata ta’ ħalib prodott fl-2017.

Kien hemm tħassib kbir dwar l-ammont ta’ skart prodott mill-industriji tal-ħalib, evidenti mir-rimi tad-demel u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-gass metanu. Ir-rwol tal-industrija fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-agrikultura ġie nnotat ukoll li jikkontribwixxi għall-konsegwenzi ambjentali. Ġew implimentati diversi miżuri sabiex jiġi kkontrollat l-ammont ta’ fosforu mormi mill-bhejjem tal-ħalib. L-użu tal-ormon sintetiku rBST kien ukoll suġġett ta’ kontroversja. It-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib ġiet ikkritikata b’mod ġenerali minn attivisti favur il-benesseri tal-annimali minħabba problemi ta’ saħħa li jiġu imposti fuq il-baqar tal-ħalib permezz tat-trobbija intensiva.

Għalkemm kull mammiferu kapaċi jipproduċi l-ħalib, l-irziezet kummerċjali tal-ħalib huma intrapriżi li tipikament jikkonċentraw fuq speċi waħda biss. F’pajjiżi żviluppati, l-irziezet tal-ħalib ġeneralment ikollhom baqar li jipproduċu ammont sostanzjali ta’ ħalib. Speċi oħra użati fit-trobbija kummerċjali għall-ħalib jinkludu mogħoż, nagħaġ, bufli tal-ilma, u iġmla. Fl-Italja, l-irziezet tal-ħmir qed isiru dejjem aktar popolari biex jipproduċu sors alternattiv ta’ ħalib għat-trabi.