Trattat ta' Kaunas

It-Trattat ta' Kaunas kien trattat li ġie ffirmat fid-29 ta' Novembru 1920 f'Kaunas, il-Litwanja, li l-għada wassal għall-bidu tal-armistizju bejn il-Litwanja u l-Litwanja Ċentrali li temm l-Offensiva Litwana Ċentrali fuq Kaunas. It-trattat tfassal bejn is-27 u d-29 ta' Novembru 1920, matul in-negozjati għall-paċi bejn il-Litwanja u l-Polonja mmexxijin mil-Lega tan-Nazzjonijiet.[1][2]
Kuntest
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-12 ta' Ottubru 1920, is-suldati tat-Tieni Repubblika Pollakka, immexxijin mill-Ġeneral Lucjan Żeligowski, attakkaw lil-Litwanja, f'avveniment magħruf bħala r-Ribelljoni ta' Żeligowski. Imbagħad, il-parti tal-Lvant tal-pajjiż ġiet isseparata, u ffurmat ir-Repubblika tal-Litwanja Ċentrali, stat immexxi għalkollox mill-Polonja. Fit-tieni nofs ta' Novembru, l-Armata tal-Litwanja Ċentrali, immexxija minn Żeligowski, attakkat lil-Litwanja, u baqgħet sejra lejn il-belt ta' Kaunas.[3] Sal-21 ta' Novembru 1920, il-qawwa tal-Litwanja Ċentrali waslet sal-linja tax-xmara Nevėžis qrib Kėdainiai, 50 kilometru (31 mil) minn Kaunas. Minħabba n-nuqqas ta' nies u armamenti, il-fatt li l-fanterija tħalliet wara l-kavallerija u l-Polonja li kienet qed tagħfas għal tregwa, taħt il-pressjoni internazzjonali, iż-żewġ naħat iffirmaw it-tregwa dakinhar stess. In-negozjati għall-paċi bejn il-Litwanja u l-Polonja, f'Kaunas, immexxijin mil-Lega tan-Nazzjonijiet, wasslu għall-iffirmar tat-trattat tal-paċi u uffiċjalment taw bidu għall-armistizju fit-30 ta' Novembru 1920. Michel Kossakowski, rappreżentant tal-gvern Pollakk mal-Kummissjoni Militari tal-Kontroll tal-Lega tan-Nazzjonijiet, iffirma t-trattat f'isem il-Polonja.[1]
Trattat
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-iffirmar tat-trattat, iż-żewġ naħat ma baqgħux jiġġieldu ġa mill-għada, it-30 ta' Novembru, u skambjaw il-priġunieri tal-gwerra. Il-Lega tan-Nazzjonijiet stabbiliet iż-żona demilitarizzata tal-Medda Newtrali Pollakka-Litwana li ġiet iffurmata fil-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Litwanja Ċentrali (din tal-aħħar iktar 'il quddiem ġiet inkorporata fil-Polonja), u din eżistiet mis-17 ta' Diċembru 1920 sat-22 ta' Mejju 1923. Lucjan Żeligowski, il-Kap tal-Istat tal-Litwanja Ċentrali, qabel li jaderixxi mat-trattat, filwaqt li l-Polonja qablet li tosserva l-azzjonijiet ta' Żeligowski biex tiżgura li jżomm mal-adeżjoni tiegħu.[1]
Barra minn hekk, il-Lega tan-Nazzjonijiet bdiet tħejji l-plebixxit fir-Reġjun ta' Vilnius, bil-ħsieb li jiġi ddefinit jekk il-popolazzjoni lokali tippreferix tkun parti mil-Litwanja jew mil-Litwanja Ċentrali (u iktar 'il quddiem il-Polonja), madankollu, dan qatt ma twettaq.
Fl-1 ta' Marzu 1922, it-trattat ġie ddokumentat bil-lingwa Franċiża fis-Segretarjat tal-Lega tan-Nazzjonijiet, skont l-Artikolu 18 tat-Trattat ta' Versailles.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Armistice Protocol concluded under the auspices of the League of Nations Military Commission of Control, signed at Kowno, November 29, 1920. Société des Nations Recueil des Traités, vol. 9. 1922. p. 63−67.
- ^ "Bunt Żeligowskiego". Kulisy połączenia Wileńszczyzny do Polski 1920–1922 by Wiesław B. Łach. Varsavja. Wydawnictwo Bellona. 2014. p. 174. ISBN 978-83-11-13198-9.
- ^ "Bunt Żeligowskiego". Kulisy połączenia Wileńszczyzny do Polski 1920–1922 by Wiesław B. Łach. Varsavja. Wydawnictwo Bellona. 2014. p. 170. ISBN 978-83-11-13198-9.