Aqbeż għall-kontentut

Tpittir fuq il-Blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla tal-Għar ta' Shulgan-Tash.

It-Tpittir fuq il-Blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash (bil-Baxkir: Шүлгәнташ, b'ittri Rumani: Şülgəntaş), magħruf ukoll bħala l-Għar ta' Kapova (bir-Russu: Капова пещера, b'ittri Rumani: Kapova peshchera), jinsab f'għar karstiku tal-ġebla tal-ġir fid-Distrett ta' Burzyansky tal-Baxkortostan, ir-Russja. L-għar jinsab fin-Nofsinhar tal-Muntanji Ural, max-xmara Belaya fir-Riżerva Naturali ta' Shulgan-Tash, bejn wieħed u ieħor 200 kilometru (120 mil) fix-Xlokk ta' Ufa.

L-għar huwa magħruf l-iktar għat-tpittir u għat-tpinġijiet fuq il-blat tal-Paleolitiku Superjuri (iktar minn 190, il-biċċa l-kbira f'qagħda prekarja ta' preservazzjoni), inkluż l-unika tpittir preistoriku magħruf ta' ġemel (b'żewġ ħotbiet). Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1] Bejn wieħed u ieħor 30–50 immaġni għadhom ippreservati relattivament sew. L-iżjed waħda famuża minnhom — tal-mammut, taż-żwiemel, tar-rinoċeronti, tal-biżonti, u ta' ġemel — tinsab pjuttost 'il bogħod mid-daħla (xi 300 metru jew iktar). Dawn l-immaġnijiet huma magħmulin bl-okra ħamra, u xi kultant għandhom kontorn bil-faħam tal-kannol.

Attwalment huwa stmat li l-età tat-tpittir, abbażi tad-datazzjoni bl-uranju u bit-torju, tmur lura għal bejn 14,500 u 36,400 sena ilu. Din il-firxa rriżultat mid-datazzjoni tal-kalċit ta' taħt u ta' fuq it-tpittir, u l-eqdem kalċit ta' taħt ġie datat li jmur lura saħansitra 36.4 ± 0.1 ka (elf sena ilu) u l-iktar kalċit ta' fuq reċenti ġie datat li jmur lura 14.5 ± 0.04 ka. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju mis-saffi kulturali fl-għar tissuġġerixxi firxa idjaq ta' madwar 16,300 sa 19,600 sena ilu.

L-iskoperta tat-tpittir fuq il-blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash fl-1959 kienet sinifikanti minħabba li estendiet il-firxa magħrufa tat-tpittir Paleolitiku fl-għerien lil hinn mill-Punent tal-Ewropa, u sfidat l-idea li kienet ilha stabbilita li tali arti kienet esklużiva għal Spanja u Franza. Il-grupp ta' għerien ta' Serpievka (madwar 250 kilometru mill-Għar ta' Shulgan-Tash) huma l-uniċi li fihom tpittir tal-qedem fit-Tramuntana tal-Għar ta' Shulgan-Tash.

Mappa tal-ewwel sular tal-għar.

Illum il-ġurnata, din iż-żona b'densità ta' foresti selvaġġi u blat abjad għoli tospita ċ-ċriev, l-orsijiet u n-naħal ta' Baxkortostan. Madwar 10-20 elf sena ilu, il-klima u l-pajsaġġ kienu differenti. Is-sajf kien qasir, filwaqt li x-xhur tax-xitwa kienu twal u kesħin ħafna, u l-pajsaġġ kien tundra. Il-bnedmin fittxew il-kenn fix-xquq u fl-għerien qalb il-blat.

Id-daħla tal-għar tinsab fix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-muntanja ta' Sarykuskan (bir-Russu: Сарыкускан). Id-daħla tifforma ħnejja enormi għolja 30 metru (98 pied). Lejn ix-xellug tad-daħla tal-għar hemm lag li minnu toriġina x-xmara Shul'gan (bir-Russu: Шульган). Ix-xmara Shul'gan ta' taħt l-art (bir-Russu: Подземный Шульган), li ħolqot l-għar, tgħaddi minn ġo fih. Din is-sistema ta' għerien ta' tliet sulari hija twila madwar 3 kilometri (1.9 mil), b'fond ta' 165 metru (541 pied), u tinkludi sifuni ta' taħt l-art, swali kbar, galleriji, lagi ta' taħt l-art u x-xmara.

Il-bokka tal-Għar ta' Shulgan-Tash tissejjaħ il-Portal. Fil-fond tal-Portal hemm is-sors tax-xmara Shul'gan, li tfeġġ minn taħt l-art u tifforma għadira msejħa l-Lag Ikħal. Il-lag jidher donnu bla qiegħ: taħt fond ta' 33 metru jingħaqad ma' ħofra kbira bl-ilma taħt l-art.

Passaġġ jagħti mill-Portal għal sensiela ta' swali fil-pjan terran. L-ewwel hemm il-Gallerija Prinċipali, imbagħad is-Sala tal-Istalagmiti. Iktar lejn it-Tramuntana, wieħed jidħol fis-Sala tal-Koppla u fis-Sala tas-Sinjali. Fit-tarf nett hemm is-Sala tal-Kaos. Id-daqs u l-għamla tas-swali jvarjaw: il-Gallerija Prinċipali, is-Sala tal-Kaos u s-Sala tas-Sinjali huma rettangolari, filwaqt li s-Swali tal-Istalagmiti u tal-Koppla huma ċirkolari. it-tul tagħhom ilaħħaq id-90 metru, b'wisa' ta' 20-30 metru u b'għoli ta' 7–20 metru. Is-swali huma kkollegati b'mini ta' tul u għamla li jvarjaw, u f'xi postijiet huma imblukkati. L-arja minn barra tasal sal-Gallerija Prinċipali u sa ċertu punt sas-Sala tal-Istalagmiti. Madankollu, fis-Sala tal-Koppla 'l quddiem, l-arja hija staġnata kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf. L-istalagtiti u l-istalagmiti jsiru iktar komuni iktar ma wieħed jidħol fil-fond fl-għar. Il-ħitan huma miskijin bil-ġebla tal-ġir, bi ħxuna saħansitra sa metru u nofs. Xi blat tal-kalċit għandu għamliet partikolari.

Il-lag ta' taħt l-art fl-għar.

Fdalijiet tal-ħajja tal-bniedem preistoriku jistgħu jinsabu fis-swali tal-pjan terran. Mal-ħitan tas-Sala Nofsanija tal-Koppla wieħed jista' jilmaħ tikek taż-żebgħa ħamra mifruxa kif ukoll xi figuri ġeometriċi - is-sinjali. Biswit fis-Sala tas-Sinjali l-għadd ta' dawn il-figuri jiżdied b'mod konsiderevoli. Mal-art tal-għar, fit-tarf tas-Sala tal-Kaos, l-arkeologu Shchelinsky skopra l-fdalijiet ta' nar u traċċi tal-attività tal-bniedem tal-qedem.

Minħabba d-densità tat-tpinġijiet, is-Sala tal-Kaos tista' tissejjaħ bħala l-"mużew" tal-pjan terran tal-għar. Mal-ħitan tagħha wieħed jista' jara immaġni b'żewġ kuluri ta' żwiemel bix-xagħar twil, flimkien ma' figura ġeometrika trapeżojdali; u ftit iktar lil hinn hemm grupp ta' sinjali ġeometriċi.

Fis-Sala tal-Kaos hemm ukoll immaġni ta' ħlejqa qisha bniedem, l-unika waħda ta' din ix-xorta fl-Għar ta' Shulgan-Tash. Għal bosta sekli, it-tpinġijiet kollha ġew mgħottija minn qoxra semitrasparenti tal-kalċit. L-ispedizzjoni mmexxija mill-arkeologu prominenti O.N. Bader naddfet l-immaġnijiet taż-żwiemel fl-1976. Sabiex jitla' sal-livell ta' fuq tal-għar, wieħed irid jirritorna lejn is-Sala tal-Istalagmiti, fejn hemm toqba fis-saqaf li tagħti aċċess għall-partijiet ta' fuq. Biex wieħed ikun jista' jilħaq din it-toqba fis-saqaf ġie installat sellum tal-azzar; imbagħad wieħed isib mogħdija b'pendil, li tagħti għal sellum ieħor twil 16-il metru, li jwassal lill-viżitaturi fil-livell ta' fuq.

Wara li jitilgħu s-sellum, il-viżitaturi jsibu ruħhom f'sala twila u għolja msejħa l-Ewwel Gallerija, li hija l-ewwel minn sensiela ta' "swali" fil-livell ta' fuq tal-għar. Iktar lejn it-Tramuntana, wieħed jasal fis-Sala ż-żgħira tal-Antikamra sabiex jidħol fl-iżjed sala famuża tal-Għar ta' Shulgan-Tash - is-Sala tat-Tpinġijiet.

Lil hinn mis-Sala tat-Tpinġijiet, hemm 14-il sala oħra b'diversi daqsijiet li huma aċċessibbli għall-viżitaturi: it-Tieni Gallerija, is-Sala Akustika, is-Sala Ovali, is-Sala tat-Tempju, is-Swali ta' Fuq u tad-Djamanti, is-Sala tal-Lag ta' Fuq (b'lag kbir ġo fiha), is-Swali tal-Qawsalla u tal-Kristall, is-Sala tar-Re tal-Muntanja, is-Sala tal-Gallerija, is-Sala tal-Abbiss, is-Sala tat-Transsifun u s-Sala Mbiegħda.

Il-mogħdija li twassal sas-swali iktar remoti hija pjuttost kumplikata, b'bosta sezzjonijiet perikolużi u għadajjar li jimblukkaw il-passaġġ. Fis-Sala tat-Transsifun wieħed jista' jara sezzjoni ta' taħt l-art tax-xmara Shulgan. Lil hinn mis-Sala Mbiegħda hemm ħofra mimlija bl-ilma jew sifun. L-ispeleologu u bugħaddas Vladimir Kiselyov darba vvjaġġa saħansitra sa 317-il metru lejn it-Tramuntana fis-sifun qabel ma rritorna, peress li ma sab l-ebda tarf tas-sifun.

L-attrazzjoni ewlenija tas-Sala tal-Kristalli hija s-sensiela fiddiena ta' formazzjonijiet tal-kalċit imdendlin 'l isfel mis-saqaf. Fost it-tiżjin mill-isbaħ tal-għar hemm "xmajjar imċajprin" magħmulin minn kristalli żgħar ħafna tal-kalċit, li huma tassew fraġli, u li għadhom ma sarux solidi.

In-nixxigħat fl-għar xi kultant jiffurmaw gandotti żgħar fl-art tas-swali li jiżvelaw traċċi ta' perli tal-għar, peress li mal-ħitan hemm qoxra tal-oniċe tal-irħam, li f'xi postijiet hija ħoxna sa nofs metru. L-oniċe tal-irħam hija tip ta' irħam li spiss jinsab fl-għerien tal-ġebla tal-ġir.

Sala tat-Tpinġijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iżjed tpinġijiet tal-qedem jinsab fil-livell ta' fuq tal-għar. Dawn saru fil-Paleolitiku Aħħari, meta l-Cro-Magnons kienu jgħixu fil-pjaneta. Il-livell t'isfel tal-Għar ta' Kapova jospita immaġnijiet li saru wara, lejn tmiem l-aħħar era glaċjali. Id-daqs tagħhom ivarja bejn 44 u 112-il ċentimetru.

F'Jannar 1959, Alexander Ryumin, riċerkatur anzjan fil-fergħa ta' Pribelsky tar-Riżerva Naturali ta' Bashkiriya, għamel skoperta sensazzjonali. Huwa skopra tpinġijiet magħmula mill-bniedem tal-qedem mal-ħitan tal-Għar ta' Shulgan-Tash. Alexander Ryumin, li oriġinarjament kien daħal fil-fond tal-għar biex ifittex il-friefet il-lejl, sab immaġnijiet ikkuluriti mal-ħitan ta' diversi annimali, fosthom żwiemel, rinoċeronti u mammut. Din l-iskoperta malajr saret magħrufa mad-dinja kollha. Ix-xjenzati ta' dak iż-żmien kienu jemmnu li t-tpinġijiet tal-annimali estinti tal-Paleolitiku kienu karatteristiċi biss tal-Punent tal-Ewropa peress li t-tpittir tal-qedem ta' din ix-xorta kien instab biss fi Franza u fi Spanja. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-Għar ta' Kapova kiseb l-istatus ta' kumpless storiku u kulturali importanti, li huwa uniku fil-Lvant tal-Ewropa.

L-aqwa kompożizzjoni tinsab fin-nofs tal-lemin tal-ħajt tal-Lvant. Fiċ-ċentru tal-kompożizzjoni, fejn seta' jlaħħaq b'idejh l-artist tal-qedem, hemm tpinġija ta' annimal magħruf bħala ż-"żiemel ta' Ryumin", li hija l-ewwel immaġni li ġiet skoperta fl-Għar ta' Shulgan-Tash. Imbagħad hemm l-immaġnijiet ta' diversi mammut u ta' rinoċeront. L-annimali kollha jidhru qishom mexjin mil-lemin għax-xellug, b'mammut żgħir wieqaf jew miexi fid-direzzjoni opposta. Mal-ħajt ta' faċċata hemm immaġni ta' biżont jew ta' barri, u ta' mammut b'ferħ. F'din is-sala wieħed jista' jara wkoll għamla trapeżojdali mpittra b'linji u b'sinjali strambi fi ħdan il-figura, u widnejn mhux tas-soltu fuq nett. Dawn is-sinjali ġeometriċi huma ripetuti kemm-il darba fit-tpinġijiet tal-Għar ta' Shulgan-Tash.

Skoperta u skavi

[immodifika | immodifika s-sors]

In-nies lokali kienu jibżgħu jżuru l-għar.

L-ewwel informazzjoni bil-miktub dwar l-Għar ta' Shulgan-Tash dehret f'Jannar 1760. Matul żjara f'Bashkiria, Pyotr Rychkov sar jaf bl-għar. Huwa pprovda deskrizzjoni dettaljata tal-għar, jew pjuttost tal-parti tal-pjan terran tagħha fl-artiklu tiegħu "Deskrizzjoni ta' għar li jinsab fil-provinċja ta' Orenburg qrib ix-xmara Belaya, li mill-għerien kollha f'Bashkiria huwa l-iżjed glorjuż u meqjum" (fil-ktieb tiegħu Kompożizzjonijiet u traduzzjonijiet għall-benefiċċju u għad-divertiment tal-impjegati - «Сочинения и переводы к пользе и увеселению служащих», 1760).

Għaxar snin wara (fl-1770), l-għar ġie esplorat minn Ivan Lepyokhin, li studja l-livell ta' fuq u pprovda deskrizzjoni dettaljata tiegħu fid-djarju tal-ivvjaġġar tiegħu. Lepyokhin issuġġerixxa li l-kelma "Kapova" ġejja mill-ilma jqattar fi ħdan l-għar (kapat bir-Russu tfisser "tqattir").

F'nofs u fl-aħħar tas-seklu 19, l-Għar ta' Shulgan-Tash ġie studjat minn għadd ta' vjaġġaturi u esploraturi (eż. mill-ġeologi N.G. Myaglitsky u A.I. Antipov fl-1858). Il-forestier lokali Fyodor Simon ġieli kien jorganizza xi eskursjonijiet sal-għar.

Ix-xenarju naturali qrib l-għar.

Fl-1896, il-parti t'isfel tal-għar ġiet eżaminata minn membri tal-fergħa ta' Orenburg tas-Soċjetà Ġeografika Russa, fosthom D. Sokolov, I. Zanevsky u F. Simon, li mmappjaw pjanta tal-parti tad-daħla tal-livell t'isfel u kkompilaw protokoll biex tiġi spezzjonata u mkejla. Ir-riċerkaturi nnutaw li d-deskrizzjoni ta' P.I. Rychkov taqbel bis-sħiħ "mal-qagħda reali tal-għar: fil-postijiet kollha li ġew indikati kulma nnota nstab".

Fl-1923, il-ġeologu u x-xjenzat G.V. Vakhrushev esplora l-għar sal-Lag ta' Fuq. Huwa ħażżeż mappa fuq fuq tal-għar minn ġewwa u ħareġ ktieb żgħir imsejjaħ "L-Enigmi tal-Għar ta' Kapova". Fl-1931, G.V. Vakhrushev reġa' żar l-għar, iċċara l-informazzjoni dwar l-għar, u ddeskriva l-madwar tiegħu. Huwa kiteb ukoll dwar diversi leġġendi tal-Għar ta' Shulgan-Tash.

Fl-1960, grupp ta' arkeologi minn Moska mmexxija minn Otto Bader bdew jaħdmu fl-għar. Matul dan ix-xogħol ġew skoperti iktar minn 30 tpinġija, fosthom ta' mammut, żwiemel, rinoċeronti, biżonti u għamliet ġeometriċi. It-tpinġijiet tnaddfu mill-qoxra tal-kalċit u mit-tajn, itteħdulhom xi ritratti u ġew eżaminati bir-reqqa. Ġie stabbilit li jmorru lura għall-Paleolitiku Aħħari (25,000-10,000 Q.K.). Ir-riżultat prinċipali ta' din ir-riċerka fit-tul kien il-ktieb L-Għar ta' Kapova: Tpittir Paleolitiku li ġie ppubblikat fl-1965. Otto Bader kien jemmen li t-tpinġijiet kollha jirrappreżentaw kumpless uniku li sar fl-istess żmien.

Matul dan il-perjodu, twettaq studju tal-Għar ta' Shulgan-Tash stess mill-impjegati tal-Università tal-Istat ta' Bashkir, taħt id-direzzjoni ta' E.D. Bogdanovich u ta' I.I. Kudryasheva. Dawn ikkompilaw mappa dettaljata tal-għar. Saru l-ewwel osservazzjonijiet mikroklimatiċi u ġew eżaminati żoni 'l bogħod li ġeneralment ma jkunux aċċessibbli.

Wara l-mewt ta' Otto Bader fl-1979, ir-riċerka fl-għar waqfet. Kien hemm problemi marbuta mal-preservazzjoni tat-tpittir preistoriku, għaldaqstant ġie deċiż li l-għar jingħalaq għalkollox. Ix-xogħol fl-għar tkompla fl-1982 mill-arkeologu minn Leningrad V.E. Shchelinsky. Dak iż-żmien, huwa mexxa spedizzjoni Paleolitika komprensiva li wettqet riċerka arkeoloġika fin-Nofsinhar tal-Muntanji Ural kull sena.

V.E. Schelinsky issuġġerixxa tweġiba għall-mistoqsija dwar meta saru t-tpinġijiet mal-ħitan tal-għar. Huwa skopra diversi artefatti li tħallew mill-bnedmin tal-qedem taħt it-tpinġijiet tal-qedem. Huwa kien jemmen li kienu tal-era Paleolitika. V.E. Schelinsky kien jemmen li parti sinifikanti mit-tpinġijiet tal-għar ġew raggruppati f'kompożizzjonijiet li jirriflettu t-twemmin mitoloġiku tal-artisti tal-qedem. Għall-ewwel darba ġie identifikat saff kulturali ddefinit sew tal-Paleolitiku Superjuri, li ġie datat li jmur lura għall-ħabta tal-14,000 Q.K. Tikek fokali traċċati jindikaw l-użu tan-nar mill-abitanti tal-qedem. Ġew identifikati diversi artefatti, fosthom lampa ħoxna tat-tafal, għodod tal-ġebel, il-biċċa l-kbira taż-żnied, bċejjeċ tal-okra, ġojjellerija fil-forma ta' żibeġ u pendenti magħmulin mill-ġebel u minn qxur żgħar ta' molluski estinti, u għadam tal-annimali tal-era glaċjali - il-mammut, l-ors tal-għerien, il-volpi, il-liebru, il-marmotta, il-pika, u l-jerboa.

L-arkeologu V.N. Shirokov minn Yekaterinburg jemmen li l-Għar ta' Shulgan-Tash kien santwarju.

I. V. Kiselev wettaq studju komprensiv tal-Għar ta' Shulgan-Tash fl-1991. Huwa għodos fix-xmara ta' taħt l-art tal-Għar ta' Shulgan-Tash.

V.G. Kotov esplora l-għar, u jemmen li l-Għar ta' Shulgan-Tash kien ċentru ta' qima tal-popli tan-Nofsinhar tal-Muntanji Ural, fejn kienu jsiru r-riti tal-inizjazzjoni u tat-twelid mill-ġdid tan-natura. V.G. Kotov u V.N. Shirokov jemmnu li l-attività fl-għar fl-imgħoddi kienet assoċjata ma' ritwali tal-inizjazzjoni.

Yuri Lyakhnitsky ħejja mappa dettaljata u akkurata tal-blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash. Fl-2002, huwa identifika tpinġijiet ġodda - il-"mammut ċar", biswit it-tpinġija ta' raġel u l-kontorn ta' mammut ieħor.

Illum il-ġurnata, l-Għar ta' Shulgan-Tash jitqies bħala għar studjat u dokumentat sew.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tpittir fuq il-Blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Leġġendi u tradizzjonijiet tal-poplu Bashkort

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mużew qrib id-daħla tal-għar, li fetaħ fl-2022.

Il-qalba tan-Nofsinhar tal-Muntanji Ural bil-Lag ta' Shulgan u s-sorsi tax-xmajjar leġġendarji Aghidel, Yaiyk, Hakmar u Nogosh hija assoċjata mal-ħajja u mal-ġrajjiet tal-eroj immortali tal-poeżiji Ural Batyr u Аkbuthat (Akbuzat) li jiffurmaw parti mit-teżori dinjin tal-arti. Għall-poplu Bashkort tal-qedem, l-inħawi kienu ċ-ċentru tad-dinja, fejn id-dinjiet ċelestjali, naturali u ta' taħt l-ilma setgħu jinteraġixxu u jidħlu f'xulxin.

Jeżisti ammont sinifikanti ta' folklor relatat mal-Għar ta' Shulgan-Tash. L-iżjed ħaġa li tispikka huwa li l-azzjonijiet prinċipali f'bosta ġrajjiet tal-qedem u opri oħra tal-folklor huma marbuta mal-Għar ta' Shulgan-Tash jew mal-Lag ta' Shulgan. Mhix kumbinazzjoni li kemm l-għar kif ukoll il-lag ta' ġo fih ingħataw isem id-dinja ta' taħt l-art u tar-re ta' taħt l-ilma, Shulgen.

Shulgen huwa wieħed mill-karattri negattivi ewlenin tal-poeżiji epiċi tal-Bashkir (bħal Ural-Batyr, Akbuzat, Kara-Yurga, Akhak Kola u oħrajn). Skont leġġenda, il-Lag ta' Shulgen mill-fdalijiet tal-Baħar tal-Għargħar, irranġat mid-Div (Ġgant) u minn Shulgen wara li ġie affettwat mit-theżżiż tad-dinja. Ġrajja simili tinsab f'Akbuzat, li ssostni: "Meta l-padishah (re) tal-ilma tilef il-battaljae, huwa sab għadira bla qiegħ u għodos f'dan il-lag. Il-lag sar magħruf bħala SHULGEN".

Il-poeżiji epiċi Akbuzat u Ural-Batyr jiddeskrivu s-sagrifiċċju ta' bniedem lil-Lag ta' Shulgan. Tfajla sabiħa ġiet ippreżentat lill-padishah tad-dinja ta' taħt l-art/l-ilma (Rychkov sab "kranju uman niexef" hu u jżur l-għar fl-1760).

F'bosta leġġendi u tradizzjonijiet tal-Bashkir, il-Lag ta' Shulgan għandu rwol prominenti. Pereżempju, il-ġrajjiet kollha f'Akbuzat ġew żviluppati eżatt madwar dan il-lag. Fil-wiċċ tal-lag f'qamar kwinta jingħad li tidher it-tfajla Narcas bix-xbieha ta' papra tad-deheb. Kaċċatur żagħżugħ, Haoban, jirċievi rigal mingħandha: iż-żiemel Akbuzat (Toolpar bil-ġwienaħ) u bosta merħliet ta' bhejjem. L-unika kundizzjoni hi li Haoban ma jistax imur lura biex iħares lejn il-lag wara li ngħata dawn ir-rigali. Madankollu, beżgħan mill-maltempata kkawżata mill-ħruġ tal-annimali mil-Lag ta' Toolpar, Haoban ħares lura u l-annimali kollha għebu mill-ġdid fil-lag.

L-azzjoni ta' leġġenda oħra, Kungyr Buga, isseħħ ukoll qrib il-Lag ta' Shulgan. F'din il-ġrajja, l-eroj Batyr isib lil Minei, il-bint il-mitlufa ta' koppja anzjana, fil-Lag ta' Shulgan. Minei kienet inħatfet minn ħlejqa akkwatika li kienet tirrenja fil-lag. Batyr jinżel fir-renju ta' taħt l-ilma, jaqta' s-seba' rjus kollha tal-mostru u jtella' t-tfajliet, in-nies u l-bhejjem tal-ifrat kollha fuq l-art.

Il-motivi taż-żwiemel u tal-bhejjem tal-ifrat jgħixu mal-lag, u l-għebien parzjali tagħhom fl-istess lag, huma mifruxa f'bosta leġġendi tal-Bashkir.

Leġġenda dwar il-Lag ta' Yelkysykkan-kul, li minnu ħarġu ż-żwiemel, hija magħrufa sew fid-distrett ta' Burzyan. Din il-leġġenda (ta' M.V. Lossievsky) tirrakkonta l-ġrajja tal-eroj Bishlak, li ltaqa' ma' xi esploratur waqt il-kaċċa fil-madwar tal-Lag ta' Shulgan. L-esploratur staqsa lil Bishlak biex jagħtih il-kelb tiegħu, u minflok offrielu merħla żwiemel. Byshlak suppost kellu jimxi 'l quddiem mingħajr ma jħares lura. Iżda l-kurżità għelbitu, ħares lura u f'daqqa waħda l-merħla reġgħet lura fil-lag.

Il-kaċċatur sar sinjur u d-dixxendenti tiegħu ta' żmienu bdew jissejħu Bayulins (għonja). Minn din il-merħla ħareġ it-tnissil taż-żwiemel griżi.

Il-lag issejjaħ Yelkysykkan peress li jingħad li kien il-lag minn fejn ħarġu ż-żwiemel. Skont it-test tad-deskrizzjoni, dan il-lag jaqbel mal-lag ta' oriġini karstika qrib l-Għar ta' Shulgan-Tash (il-Lag ta' Shulgan).

Fit-tradizzjonijiet folkloristiċi, il-Lag ta' Shulgan spiss huwa l-post tat-twelid ta' żwiemel mirakulużi. Pereżempju, f'verżjoni tal-leġġenda Akhak Kola, jiġi deskritt il-mexxej tal-merħla Akhak Kola: "Shulgan mar lejn il-lag. Iżda rnexxielu jaqbad il-mohrież biss. Id-debba marret lura fil-lag, iżda l-mohrież indarab (għalhekk beda jissejjaħ: "Akhak Kola" – li tfisser żiemel isfar ċar batut b'denb iswed).

Il-leġġendi relatati mal-għar jippersonalizzaw qawwa esterna. L-ambjent tal-għar huwa iktar aħrax u inkomprensibbli mill-biċċa l-kbira tal-ambjenti naturali l-oħra. Vladimir Dal, li żar il-provinċja ta' Orenburg bħala uffiċjal, ikkollezzjona xogħlijiet tal-kultura orali, b'mod partikolari tal-folklor tal-Bashkir. Huwa kkaratterizza l-Għar ta' Shulgan-Tash skont il-ġrajjiet u l-leġġendi tal-Bashkir. Sostna li hemm ġenji, ħlejqiet fantastiċi (bir-Russu: дивы), u kelb tal-ġebel. Tal-għaġeb li l-kelb jibża' mill-frosti. Jekk wieħed jolqtu mitt darba bi frosta, jingħad li tinżel ix-xita.

Skont P.I. Rychkov, il-Bashkir (Bashkort) spiss kienu jaħbu lill-familji u liż-żwiemel tagħhom hawnhekk waqt il-gwerer u r-rewwixti tagħhom. Naturalment il-bhejjem tal-ifrat kienu joqogħdu fis-sular t'isfel tal-għar, u n-nisa, it-tfal u l-irġiel anzjani kienu jitilgħu fin-naħa ta' fuq. L-ikel dejjem kien jinħażen fl-għar.

  1. 1 2 3 "Tpittir fuq il-Blat tal-Għar ta' Shulgan-Tash - UNESCO".