Torri tal-Madliena

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Torri tal-Madliena, fotografija meħuda mill-irdum lejn in-nofsinhar tat-torri

It-Torri tal-Madliena hu fortizza fuq il-gżira ta' Malta mibni mill-Kavallieri ta' Malta. Dan huwa torri tal-għassa li qiegħed fil-għoli fuq ix-xatt punenti ta' Ras l-Irqiqa fit-tramuntana ta' Malta.

Huwa wieħed mis-sensiela ta' 13-il torri ta' de Redin mibnijin bil-għan li jkun hemm forma ta' komunikazzjoni bejn Għawdex u l-kwartieri ġenerali tal-Kavallieri fil-belt Valletta. Lejn il-punent minn dan it-torri jidher it-Torri ta' Qalet Marku (magħruf ukoll bħala ta' San Mark), u lejn il-lvant jidher it-Torri ta' San Ġorġ.

Meta l-Ingliżi ħadu lil Malta f'idejhom, dan it-torri baqa' jservi għal skopijiet militari. Fis-seklu 19, ġie mmodifikat sabiex ikun jista' jiflaħ kanun ta' 64 libbra fuq il-bejt. [1]

It-torri jidher li huwa f'kundizzjoni mitluqa inkwetanti. Il-valur storiku tiegħu huwa mitluf fost il-modifikazzjonijiet kif ġie ġie u l-bini llegali maġenbu.

Jekk wieħed iħares lejh minn nofsinhar jista' josserva li sarulu bosta bidliet li ma kinux ippjanati minn qabel. Il-bieb oriġinali fit-tieni livell ġie magħluq bil-ġebel u għalhekk ma baqax evidenti, il-plakka kommemorattiva tal-Gran Mastru m'għadhiex hemm u minflokha hemm ċangatura tal-ġebel. Hemm bieb tal-ħadid fil-bieb il-ġdid li jgħarraq il-valur storiku tat-torri. Hemm ukoll ħsara ċara fin-naħa tan-nofsinhar ta' din il-binja storika

Fil-qrib hemm binja li tidher li kienet installazzjoni militari tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ http://www.malta.com/en/about-malta/city-village/pembroke Tourist information for Pembroke, Malta


Koordinati: 35°56′11.8″N 14°28′23.1″E / 35.936611°N 14.473083°E / 35.936611; 14.473083