Aqbeż għall-kontentut

Tiwanaku

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
"Id-Daħla tax-Xemx".

Tiwanaku (bl-Ispanjol: Tiahuanaco jew Tiahuanacu) huwa sit arkeoloġiku pre-Kolombjan fil-Punent tal-Bolivja, qrib il-Lag ta' Titicaca, madwar 70 kilometru minn La Paz, u huwa wieħed mill-ikbar siti fl-Amerka t'Isfel. Il-fdalijiet tal-wiċċ attwalment ikopru madwar 4 kilometri kwadri u jinkludu bċejjeċ taċ-ċeramika bit-tiżjin, strutturi monumentali, u blokok megalitiċi. B'mod konservattiv ġie stmat li s-sit kien abitat minn madwar 10,000 sa 20,000 ruħ fit-800 W.K.[1]

Is-sit ġie rreġistrat għall-ewwel darba fl-istorja bil-miktub fl-1549 mill-konkwistatur Spanjol Pedro Cieza de León hu u jfittex fin-Nofsinhar għall-belt kapitali tal-Inka ta' Qullasuyu.[2]

Il-kronista Ġiżwit tal-Perù Bernabé Cobo rrapporta li isem Tiwanaku fl-imgħoddi kien taypiqala, li bl-Aymara jfisser "ġebla fiċ-ċentru", b'allużjoni għat-twemmin li s-sit kien jinsab fiċ-ċentru tad-dinja.[3] L-isem li bih kien magħruf Tiwanaku fost l-abitanti jaf intilef peress li ma kellhomx lingwa miktuba.[4][5] Heggarty u Beresford-Jones jissuġġerixxu li l-lingwa Puquina x'aktarx li kienet il-lingwa ta' Tiwanaku.[6]

Id-datazzjoni tas-sit ġie rfinata b'mod sinifikanti matul l-aħħar seklu. Mill-1910 sal-1945, Arthur Posnansky kien tal-fehma li s-sit kellu 11,000–17,000 sena[7][8] abbażi ta' tqabbil mal-eri ġeoloġiċi u mal-arkeoastronomija. Mill-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, Carlos Ponce Sanginés ippropona li s-sit ġie okkupat għall-ewwel darba għall-ħabta tal-1580 Q.K.,[9] abbażi tal-eqdem data pprovduta mid-datazzjoni bir-radjokarbonju. Din id-data għadha tintwera f'xi pubblikazzjonijiet u f'xi mużewijiet fil-Bolivja. Mis-snin 80 tas-seklu 20, ir-riċerkaturi rrikonoxxew li din id-data ma kinitx affidabbli, u waslu għal konsensus li s-sit mhuwiex eqdem mit-200 jew mit-300 Q.K.[10][11][12] Iktar reċentement, valutazzjoni statistika tad-dati affidabbli permezz tad-datazzjoni bir-radjokarbonju tistma li s-sit ġie stabbilit għall-ħabta tal-110 W.K. (50–170, bi probabbiltà ta' 68 %), data li hija appoġġata min-nuqqas ta' stili tal-bċejjeċ taċ-ċeramika mill-perjodi iktar bikrin.[13]

Tiwanaku beda t-tkabbir kostanti tiegħu fis-sekli bikrin tal-ewwel millenju W.K. Minn madwar it-375 sas-700 W.K., l-importanza ta' din il-belt tal-Andes kibret. Fl-aqwa tagħha, il-belt ta' Tiwanaku kienet tkopri erja ta' madwar 4 kilometri kwadri (1.5 mil kwadru) u kellha popolazzjoni ta' iktar minn 10,000 individwu. It-tkabbir tal-belt kien dovut għall-ekonomija agropastorali kumplessa tagħha, appoġġata mill-kummerċ.[14]

Milli jidher is-sit kien ikkrolla għall-ħabta tal-1000 W.K., madankollu r-raġuni għalfejn dan seħħ għadha miftuħa għad-dibattitu. Studji reċenti li saru mill-ġeologu Elliott Arnold tal-Università ta' Pittsburgh wasslu għal evidenza ta' ammont ikbar ta' aridità fir-reġjun għall-ħabta ta' dan il-kollass. Nixfa fir-reġjun x'aktarx li affettwat is-sistemi lokali tal-agrikoltura u x'aktarx li kellhom rwol fil-kollass ta' Tiwanaku.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Tiwanaku: iċ-Ċentru Spiritwali u Politiku tal-Kultura ta' Tiwanaku ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[15]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[15]

Relazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-poplu ta' Tiwanaku kellu relazzjoni stretta mal-kultura ta' Wari. Iċ-ċivilizzazzjonijiet ta' Wari u ta' Tiwanaku kellhom l-istess ikonografija, magħrufa bħala s-"Sensiela Ikonografika tan-Nofsinhar tal-Andes". Huwa preżunt li r-relazzjoni bejn iż-żewġ ċivilizzazzjonijiet kienet ibbażata fuq il-kummerċ jew kienet waħda militari. Il-kultura ta' Wari mhijiex l-unika ċivilizzazzjoni oħra li l-poplu ta' Tiwanaku jaf kellu kuntatt magħha. Il-bliet tal-Inka wkoll kellhom tipi simili ta' infrastruttura arkitettonika bħalma kien hemm f'Tiwanaku. B'hekk wieħed jista' jasal għall-konklużjoni li l-Inka jaf ispiraw ruħhom mill-belt ta' Tiwanaku u minn ċivilizzazzjonijiet bikrin oħra fil-baċir tal-Andes.

It-tinqix tad-Daħla tax-Xemx, ritratt tal-1903.

Fost l-istrutturi li ġew skavati mir-riċerkaturi f'Tiwanaku hemm il-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana, il-pjattaforma mtarrġa tal-Lvant ta' Akapana, il-pjattaforma mtarrġa ta' Puma Punku, Kalasasaya, Kantatallita, Kheri Kala, Putuni, u t-Tempju Nofsu Taħt l-Art.

Il-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana hija struttura b'għamla ta' "nofs salib tal-Andes", twila 257 metru, wiesgħa 197 metru fil-punt massimu tagħha, u għolja 16.5-il metru. Fiċ-ċentru tagħha milli jidher kien hemm spazju fil-beraħ li jinżel iktar 'l isfel mill-istruttura. Dan kważi nqered għalkollox mill-iskavi fil-fond ta' xi ħallelin miċ-ċentru ta' din l-istruttura san-naħa tal-Lvant tagħha. Il-materjal mill-iskavi tal-ħallelin intrema fin-naħa tal-Lvant tal-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana. Fuq in-naħa tal-Punent tagħha hemm taraġ. Jista' jkun li fil-Grigal u fix-Xlokk ta' din l-istruttura fl-imgħoddi kien hemm kumplessi residenzjali.

Oriġinarjament, kien maħsub li l-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana ġiet żviluppata minn għolja mmodifikata. Fis-seklu 21 saru studji li wrew li t-tumbata tal-ħamrija tħejjiet għalkollox mill-bniedem, b'taħlita ta' blokok kbar u żgħar tal-ġebel. Ir-radam li ntuża għall-kostruzzjoni tal-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana milli jidher ġie skavat mill-"ħandaq" ta' madwar is-sit. Huwa stmat li l-ikbar blokka tal-ġebel fi ħdan il-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana, magħmula mill-andesit, tiżen 65.7 tunnellata.[16] Hemm diversi blokok tal-ġebel b'għamla ta' rjus ta' pumas u ta' bnedmin fis-saffi mtarrġin ta' fuq.[17]

Il-pjattaforma mtarrġa tal-Lvant ta' Akapana nbniet fuq in-naħa tal-Lvant tas-sit bikri ta' Tiwanaku. Iktar 'il quddiem ġiet meqjusa bħala konfini bejn iċ-ċentru ċerimonjali u ż-żona urbana. Kienet magħmula minn art ħoxna mħejjija bir-ramel u bit-tafal, li kienet tirfed grupp ta' binjiet. It-tafal isfar u aħmar intuża f'żoni differenti milli jidher għal skopijiet estetiċi. Madwarha ma nstab l-ebda skart domestiku; sinjal li x'aktarx kellha importanza kbira għall-kultura ta' Tiwanaku.

Il-Puma Punku hija pjattaforma artifiċjali li nbniet fuq assi mil-Lvant għall-Punent bħall-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana. Għandha għamla tal-ittra T u hija pjattaforma mtarrġa tal-ħamrija miksija bi blokok megalitiċi. Hija twila 167.36 metru tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tagħha u wiesgħa 116.7-il metru tul l-assi mil-Lvant għall-Punent tagħha, u hija għolja 5 metri. Hemm strutturi sporġuti wesgħin 20 metru estiżi xi 27.6 metru fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar mill-irkejjen tal-Grigal u tax-Xlokk tal-istruttura. L-ispazji fil-beraħ bil-ħitan u mingħajr ħitan u spazju ieħor huma assoċjati wkoll ma' din l-istruttura.

Karatteristika prominenti tal-Puma Punku hija l-istruttura mtarrġa kbira tal-ġebel ta' 6.75 metri bi 38.72 metri u pavimentata bi blokok kbar tal-ġebel. Din tissejjaħ "Plataforma Lítica" u fiha l-ikbar blokka tal-ġebel li nstabet fis-sit ta' Tiwanaku. Skont Ponce Sangines, huwa stmat li l-blokka tiżen 131 tunnellata metrika. Huwa stmat li t-tieni l-ikbar blokka tal-ġebel li nstabet fi ħdan il-Puma Punku li tiżen 85 tunnellata metrika.[18]

Sparpaljati madwar is-sit tal-Puma Punku hemm diversi tipi ta' qatgħat tal-ġebel. Minħabba l-kumplessità tax-xogħol bil-ġebel, is-sit spiss jiġi kkwotat mill-esponenti tat-teoriji tal-konfoffi bħala sit fejn fil-qedem kien hemm l-intervent tal-aljeni. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma bla bażi għalkollox.

Id-"Daħla tax-Xemx", Tiwanaku, tpinġija ta' Ephraim Squier fl-1877. L-iskala vertikali f'din it-tpinġija hija esaġerata.

Il-Kalasasaya huwa spazju kbir fil-beraħ twil iktar minn 300 pied, ikkonfinat minn daħla għolja. Jinsab lejn it-Tramuntana tal-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana u lejn il-Punent tat-Tempju Nofsu Taħt l-Art. Fi ħdan dan l-ispazju l-esploraturi sabu d-Daħla tax-Xemx. Mill-aħħar tas-seklu 20, ir-riċerkaturi ħarġu b'teoriji li skonthom dan ma kienx il-post oriġinali tad-daħla.

Qrib dan l-ispazju hemm ukoll it-Tempju Nofsu Taħt l-Art; dan l-ispazju jinżel iktar 'l isfel u huwa uniku minħabba li l-assi tiegħu hija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar minflok mil-Lvant għall-Punent.[19] Il-ħitan huma miksijin b'irjus b'diversi stili differenti, u dan jissuġġerixxi li l-istruttura maż-żmien reġgħet intużat kemm-il darba għal skopijiet differenti.[20] Inbniet b'ħitan b'pilastri tal-ġebel ramli u bi blokok iżgħar tal-ashlar. Huwa stmat li l-ikbar blokka tal-ġebel fil-Kalasasaya tiżen 26.95 tunnellata metrika.[21]

Fi ħdan bosta mill-istrutturi tas-sit hemm daħliet impressjonanti; dawk ta' skala monumentali jinsabu fuq tumbati, pjattaformi jew spazji 'l isfel artifiċjali. Daħla minnhom fiha l-ikonografija ta' figura tħares 'il quddiem bil-poża ta' divinità wieqfa. Din l-ikonografija tintuża wkoll fuq xi reċipjenti ta' daqs kbir, u b'hekk tindika l-importanza għall-kultura ta' Tiwanaku. L-ikonografija tad-Daħla tax-Xemx hija magħrufa bħala s-Sensiela Ikonografika tan-Nofsinhar tal-Andes u tidher fuq diversi skulturi tal-ġebel, Qirus, tavli u artefatti oħra ta' Tiwanaku.[22]

It-tinqix uniku fuq in-naħa ta' fuq tad-Daħla tax-Xemx juri annimali u ħlejqiet oħra. Uħud sostnew li s-simboliżmu jirrappreżenta sistema kalendarja unika għall-poplu ta' Tiwanaku, għalkemm ma hemm l-ebda evidenza definittiva li din it-teorija hija korretta.

Id-Daħla tax-Xemx u daħliet oħra f'Puma Punku mhumiex kompluti. Għandhom xi parti nieqsa tal-gwarniċ tipiku magħruf bħala chambranle, li tipikament kien ikollha toqob għal ġonot biex jirfdu żidiet ulterjuri. Dawn l-eżempji arkitettoniċi, kif ukoll id-Daħla ta' Akapana, għandhom dettalji uniċi u joħorġu fid-dieher il-ħila kbira tal-kultura ta' Tiwanaku fix-xogħol bil-ġebel, li tiżvela wkoll l-għarfien tal-ġeometrija deskrittiva. Ir-regolarità tal-elementi tissuġġerixi li kienu parti minn sistema ta' proporzjonijiet.

Id-Daħla tal-Qamar.

Bosta teoriji ġew proposti rigward il-ħila tal-kostruzzjoni arkitettonika ta' Tiwanaku. Waħda minnhom hi li użaw luk’ a, li hija kejl standard ta' madwar 60 ċentimetru. Oħra hi li użaw il-Proporzjon ta' Pitagora. Din l-idea titlob li jintużaw triangoli retti bi proporzjon ta' ħamsa għal erbgħa, li kienu jintużaw fid-daħliet għall-kejl tal-partijiet kollha. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Protzen u Nair isostnu li f'Tiwanaku kienet ġiet stabbilita sistema għall-elementi individwali skont il-kuntest u l-kompożizzjoni. Din toħroġ fid-dieher fil-kostruzzjoni ta' daħliet simili li jvarjaw minn daqs żgħir għal daqs monumentali, li turi li l-fatturi ta' skala ma kinux jaffettwaw il-proporzjon. Ma' kull element li kien jiżdied, il-biċċiet individwali kienu jinbidlu b'tali mod li joqogħdu tajjeb xorta waħda flimkien.[23]

Iktar ma kibret il-popolazzjoni, żviluppaw niċeċ okkupazzjonali, u n-nies bdew jispeċjalizzaw f'ċerti ħiliet. Kien hemm żieda fl-artiġjani, li ħadmu fil-fuħħar, fil-ġojjellerija u fit-tessuti. Bħall-Inka li ġew wara, il-poplu ta' Tiwanaku kellu ftit istituzzjonijiet kummerċjali jew tas-suq. Minflok, il-kultura kienet isserraħ fuq id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-elit.[24] B'hekk, l-elit tal-istat kienu jikkontrollaw essenzjalment l-output ekonomiku kollu iżda kienu mistennija jipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa miċ-ċittadini komuni biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom. Fost l-okkupazzjonijiet magħżula kien hemm l-agrikolturi, ir-rgħajja, dawk li kienu jrabbu l-annimali, eċċ. Din is-separazzjoni tal-okkupazzjonijiet kienet akkumpanjata minn stratifikazzjoni ġerarkika fi ħdan l-istat.[25]

Xi awturi jemmnu li l-elit ta' Tiwanaku kien jgħix fi ħdan erba' ħitan li kienu mdawra minn ħandaq. Din it-teorija tissejjaħ "it-teorija tal-ħandaq ta' Tiwanaku". Dan il-ħandaq, skont uħud, kien joħloq ix-xbieha ta' gżira sagra. Fi ħdan il-ħitan kien hemm ħafna xbihat iddedikati lill-oriġini tal-bniedem, li setgħu jarawhom l-elit biss. Iċ-ċittadini komuni jaf kienu jidħlu f'din l-istruttura biss għal skopijiet ċerimonjali peress li kienet tħaddan l-iżjed sagru fost is-santwarji kollha tas-sit.

Kożmoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskultura monolitika ta' Fraile, b'tavla u b'Qiru f'idejha; iċ-ċinturin juri pjanti bin-nebbieta li spiss jiġu konfużi ma' granċijiet.

F'bosta kulturi tal-Andes, il-muntanji huma meqjuma[26] u jaf jitqiesu bħala oġġetti sagri. Is-sit ta' Tiwanaku jinsab fil-wied bejn żewġ muntanji sagri, Pukara u Chuqi Q’awa. F'tali tempji tal-qedem, iċ-ċerimonji kienu jsiru biex jonoraw u jroddu ħajr lill-allat u lill-ispirti. Kienu postijiet ta' qima u fejn kienu jsiru r-ritwali li kienu jgħinu lill-popli tal-Andes jingħaqdu permezz ta' simboli u destinazzjonijiet tal-pellegrinaġġi kondiviżi.[27]

Tiwanaku sar ċentru taċ-ċerimonji reliġjużi pre-Kolombjani kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-elit. Pereżempju, is-sagrifiċċji umani kienu jintużaw f'diversi ċivilizzazzjonijiet pre-Kolombjani biex jikkuntentaw lil xi divinità u b'hekk jagħtihom xorti tajba. L-iskavi tal-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana f'Tiwanaku żvelaw il-fdalijiet ta' sagrifiċċji ddedikati ta' bnedmin u ta' kamelidi.[28] Ir-riċerkaturi jispekulaw li l-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana jaf kienet intużat ukoll bħala osservatorju astronomiku. Inbniet b'tali mod li tkun allinjata mal-quċċata ta' Quimsachata, u b'hekk tipprovdi veduta tar-rotazzjoni tat-Triq ta' Sant'Anna mill-pol tan-Nofsinhar.[29] Strutturi oħra bħal Kalasasaya huma ppożizzjonati biex jipprovdu veduti ottimali tat-tlugħ ix-xemx fl-ekwinozju, fis-solstizju tas-sajf u fis-solstizju tax-xitwa. Għalkemm il-valur simboliku u funzjonali ta' dawn il-monumenti jista' jiġi spekulat biss, il-kultura ta' Tiwanaku kienet kapaċi tistudja u tinterpreta l-pożizzjonijiet tax-xemx, tal-qamar, tat-Triq ta' Sant'Anna u ta' korpi ċelestjali oħra sew biżżejjed biex tagħtihom rwol sinifikanti fl-arkitettura tagħha.[30]

Detall tal-iskultura monolitika ta' Ponce.

Skont il-leġġendi tal-Aymara, Tiwanaku jinsab fiċ-ċentru tal-univers, x'aktarx minħabba l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika tiegħu. Il-poplu ta' Tiwanaku kien konxju sew tal-ambjent naturali ta' madwaru u kien jużah u l-fehim tiegħu tal-astronomija bħala punti ta' referenza fil-pjanti arkitettoniċi tiegħu. L-iżjed għeliem sinifikanti f'Tiwanaku huma l-muntanji u l-Lag ta' Titicaca. Il-livell tal-ilma tal-Lag ta' Titicaca varja sew maż-żmien. L-importanza spiritwali u l-pożizzjoni tal-lag ikkontribwew għall-importanza reliġjuża ta' Tiwanaku. Fil-prospettiva tad-dinja skont il-kultura ta' Tiwanaku, il-Lag ta' Titicaca huwa l-post spiritwali minn fejn nibet it-twemmin kożmiku tagħha. Skont il-mitoloġija tal-Inka, il-Lag ta' Titicaca huwa l-post fejn twieled Viracocha, li kien responsabbli għall-ħolqien tax-xemx, tal-qamar, tan-nies u tal-kożmi. Fil-Kalasasaya f'Tiwanaku, imnaqqax fuq monolit magħruf bħala d-Daħla tax-Xemx, hemm figura tħares 'il quddiem b'lanza u b'tavla f'idejha. Xi wħud jispekulaw li din hija rappreżentazzjoni ta' Viracocha. Madankollu, jista' jkun ukoll li din il-figura tirrappreżenta divinità li l-Aymara jirreferu għaliha bħala "Tunuupa", li bħal Viracocha hija assoċjata mal-leġġendi tal-ħolqien u tal-qerda.

L-Aymara, li huma maħsuba bħala d-dixxendenti tal-poplu ta' Tiwanaku, għandhom sistema kumpless ta' twemmin simili għall-kożmoloġija ta' diversi ċivilizzazzjonijiet oħra tal-Andes. Huma jemmnu fl-eżistenza ta' tliet spazji: Arajpacha, id-dinja superjuri jew ta' fuq; Akapacha, id-dinja interna jew nofsanija; u Manqhaoacha, id-dinja inferjuri jew t'isfel. Spiss assoċjata mal-kożmos u mat-Triq ta' Sant'Anna, id-dinja superjuri titqies bħala l-post fejn jgħixu l-ħlejqiet ċelestjali. Id-dinja nofsanija hija l-post fejn jgħixu l-ħlejqiet ħajjin kollha, u d-dinja inferjuri hija l-post fejn il-ħajja stess tiġi invertita.[31]

L-iskultura monolitika ta' Bennett instabet fiċ-ċentru tat-Tempju Nofsu Taħt l-Art mill-arkeologu Amerikan Wendell Clark Bennett. Din hija l-ikbar stele li qatt instabet fl-Andes (twila 7.3 metri); il-ġisem tal-istele huwa miksi b'figuri mitiċi.

Peress li s-sit ġarrab ħafna serq u skavi dilettanteski diġà minn ftit wara l-waqgħa ta' Tiwanaku, l-arkeologi kellhom jippruvaw jinterpretaw is-sit bil-fehim li l-materjali jaf ġew sparpaljati jew inqerdu. Din il-qerda kompliet matul il-konkwista Spanjola u l-perjodu kolonjali, u matul is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Saret ħsara oħra min-nies li ħadu l-ġebel għall-bini u għall-kostruzzjoni tal-linji ferrovjarji, u l-prattika tal-ispirar lejn is-sit bħala bersall mill-persunal militari.

Fis-sit modern ma fadal l-ebda binja li baqgħet wieqfa. Fadal biss pedamenti ta' binjiet pubbliċi u mhux domestiċi, b'rikostruzzjonijiet batuti ta' xi ħitan. Il-blokok tal-ashlar li ntużaw f'bosta minn dawn l-istrutturi ġew prodotti bil-massa f'stili simili u b'hekk setgħu jintużaw għal diversi skopijiet. Matul il-perjodu tas-sit, ċerti binjiet bidlu l-funzjoni tagħhom, u b'hekk fadal taħlita ta' artefatti llum.

L-istudju dettaljat ta' Tiwanaku beda fuq skala żgħira f'nofs is-seklu 19. Fis-snin 60 tas-seklu 19, Ephraim George Squier żar il-fdalijiet u iktar 'il quddiem ippubblika mapep u skizzi li lesta matul iż-żjara tiegħu. Il-ġeologu Ġermaniż Alphons Stübel qatta' disat ijiem f'Tiwanaku fl-1876, u ħoloq mappa tas-sit ibbażata fuq kejliet bir-reqqa. Huwa ħażżeż skizzi u għamel tpinġijiet fuq il-karta tat-tinqix u ta' karatteristiċi arkitettoniċi oħra. Ktieb li fih id-dokumentazzjoni fotografika ewlenija ġie ppubblikat fl-1892 mill-inġinier Georg von Grumbkow, b'kummentarju mill-arkeologu Max Uhle. Dan kien l-ewwel rakkont xjentifiku dettaljat tal-fdalijiet tas-sit.

Von Grumbkow kien żar Tiwanaku għall-ewwel darba bejn tmiem l-1876 u l-bidu tal-1877, meta akkumpanja bħala fotografu l-ispedizzjoni tal-esploratur avventuruż Franċiż Théodore Ber, iffinanzjata min-negozjant Amerikan Henry Meiggs, bil-wegħda ta' Ber li jagħti l-artefatti li jsib bħala donazzjoni, f'isem Meiggs, lill-Istituzzjoni ta' Smithsonian ta' Washington u lill-Mużew Amerikan tal-Istorja Naturali fi New York. L-ispedizzjoni ta' Ber intemmet ħesrem minħabba l-ostilità vjolenti tal-popolazzjoni lokali, istigata mill-patri tal-parroċċa Kattolika, iżda r-ritratti bikrin ta' von Grumbkow għadhom jeżistu.

Ritratti tal-iskavi arkeoloġiċi fl-1903

Skavi u restawr kontemporanji

[immodifika | immodifika s-sors]
Irjus fit-Tempju Nofsu Taħt l-Art.

Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-gvern Bolivjan beda sforz ta' restawr tas-sit u wettaq ir-rikostruzzjoni ta' parti minnu. Il-ħitan tal-Kalasasaya ġew rikostruwiti kważi għalkollox. Ir-rikostruzzjoni ma kinitx ibbażata fuq biżżejjed evidenza u ma fihiex l-istess kwalità għolja ta' xogħol fil-ġebel bħalma kien hemm fl-imgħoddi fis-sit ta' Tiwanaku. Il-viżitaturi bikrin qabblu l-Kalasasaya ma' Stonehenge fl-Ingilterra. Ephraim Squier sejħilha "Stonehenge Amerikana". Qabel ir-rikostruzzjoni, kellha dehra iktar simili għal "Stonehenge" peress li l-ġebel tan-nofs ta' bejn il-pilastri l-kbar tal-ġebel insterqu kollha. Huwa maħsub li d-Daħla tax-Xemx, li issa tinsab fil-Kalasasaya, kienet ġiet imċaqilqa mill-post oriġinali tagħha.

Skavi arkeoloġiċi akkademikament tajbin u moderni saru mill-1978 sas-snin 90 mill-antropologu tal-Università ta' Chicago Alan Kolata u l-kontroparti Bolivjan tiegħu Oswaldo Rivera. Fost il-kontributi tagħhom hemm l-iskoperta mill-ġdid tas-suka kollus, id-datazzjoni bir-reqqa tat-tkabbir u tal-influwenza taċ-ċivilizzazzjoni, u evidenza tal-kollass taċ-ċivilizzazzjoni ta' Tiwanaku abbażi ta' xi nixfa.

Arkeologi bħal Paul Goldstein argumentaw li l-imperu ta' Tiwanaku kien estiż lil hinn miż-żona tal-artijiet għoljin u fil-Wied ta' Moquegua fil-Perù. Skavi f'insedjamenti tax-xmara Omo wrew sinjali ta' arkitettura simili għal dik ta' Tiwanaku, bħal tempju u tumbata jew pjattaforma mtarrġa. Evidenza ta' tipi simili ta' modifiki fil-kompartiment għall-kranji fid-difniet bejn is-sit tax-xmara Omo fl-Etjopja u s-sit prinċipali ta' Tiwanaku qed tintuża wkoll għal dan l-argument.

Is-sit ta' Tiwanaku tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 u jiġi amministrat mill-gvern tal-Bolivja.[15]

Ħitan rikostruwiti b'mod dilettantesk madwar il-Kalasasaya.

Dan l-aħħar, id-Dipartiment tal-Arkeoloġija tal-Bolivja (DINAR, immexxi minn Javier Escalante) wettaq skavi fuq il-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana. Il-Proġett Arkeoloġiku ta' Puma Punku-Akapana mmexxi mill-Università ta' Pennsylvania wettaq skavi fl-inħawi ta' madwar il-pjattaforma mtarrġa f'dawn l-aħħar snin u wettaq ukoll stħarriġiet tal-inħawi permezz tar-radar li jippenetra l-art.

Fis-snin ta' qabel, skola tal-qasam arkeoloġiku offruta permezz tal-Programm tal-Iskola tas-Sajf ta' Harvard, wettqet skavi fiż-żona residenzjali 'l barra mill-qalba monumentali, u dan ħoloq kontroversja sħiħa fost l-arkeologi lokali. Il-programm kien immexxi minn Gary Urton f'isem l-iskola ta' Harvard, li kien espert tal-quipus, u Alexei Vranich tal-Università ta' Pennsylvania. Il-kontroversja kienet dwar l-għoti ta' permess biex tim ta' studenti mhux imħarrġin jaħdmu fis-sit, minkejja taħt superviżjoni professjonali. Kien ferm importanti li arkeologi professjonali ċċertifikati biss, b'finanzjament dokumentat, jingħataw aċċess. Il-kontroversja kienet ukoll waħda nazzjonalistika u politika. L-iskola ta' Harvard damet topera għal tliet snin, mill-2004 sal-2007. Il-proġett ma ġiex imġedded fis-snin ta' wara, u lanqas intalab permess biex jiġġedded.

Fl-2009 ix-xogħol ta' restawr sponsorjat mill-istat fil-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana waqaf ħesrem minħabba li tressaq ilment mill-UNESCO. Ir-restawr kien jikkonsisti mit-tkaħħil tal-faċċata tal-pjattaforma mtarrġa bit-tajn, għalkemm ir-riċerkaturi kienu stabbilew li dan il-metodu ma kienx xieraq.

Il-fdalijiet tal-ħitan oriġinali tal-Kalasasaya juru l-kwalità tax-xogħol fil-ġebel.

Fl-2013 arkeologi tal-baħar li esploraw l-iskoll tal-qroll ta' Khoa tal-Lag ta' Titicaca skoprew sit ċerimonjali tal-qedem u sabu artefatti bħal figurini tal-lapis lazuli u taċ-ċeramika, braċieri tal-inċens u medaljun ċerimonjali mill-qiegħ tal-lag. L-artefatti huma rappreżentattivi tal-lussu taċ-ċerimonji u tal-kultura ta' Tiwanaku.

Meta nħolqot mappa topografika tas-sit fl-2016 bl-użu ta' dron, ġew skoperti "għadd ta' strutturi mhux magħrufa qabel". Dawn l-istrutturi kienu estiżi fuq 411-il ettaru, u kienu jinkludu tempju tal-ġebel u madwar mitt struttura ċirkolari jew rettangolari ta' dimensjonijiet enormi, li x'aktarx kienu unitajiet domestiċi.

Sorveljanza mill-ajru

[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-2005 u l-2007 intużaw diversi tipi ta' metodi ta' sorveljanza mill-ajru mill-UNESCO biex jinħoloq ritratt kumplessiv tas-sit kollu mill-ajru. Il-Lidar, il-fotografija mill-ajru, id-droni u l-iskennjar bil-laser terrestri kollha ntużaw f'dan il-proċess. Fost id-data konkluża minn din ir-riċerka hemm mapep topografiċi li juru l-istrutturi prinċipali tas-sit flimkien mal-immappjar ta' diversi strutturi fl-inħawi ta' Mollo Kuntu. Tpoġġew iktar minn 300 miljun punt tad-data permezz ta' dawn il-metodfi u dawn għenu biex jiġu ddefiniti mill-ġdid l-istrutturi prinċipali li ma ġewx skavati għalkollox bħal dik ta' Puma Punku.

Awturi importanti

[immodifika | immodifika s-sors]
Stampa:Tiwanaku robot 20060613 0470.jpg
L-esplorazzjoni robotika ta' mina li kienet għadha kemm ġiet skoperta fil-pjattaforma mtarrġa ta' Akapana fit-13 ta' Ġunju 2006.

Alan Kolata tal-Università ta' Chicago wettaq riċerka f'Tiwanaku fl-aħħar tas-seklu 20 u b'hekk fassal deskrizzjonijiet tal-belt u tal-istrutturi u l-kultura tagħha fil-ktieb tiegħu The Tiwanaku. Iktar 'il quddiem huwa ppubblika Valley of The Spirits fejn iddeskriva iktar aspetti tal-kultura ta' Tiwanaku bħall-astroloġija u l-mitoloġija.

John Wayne Janusek tal-Università ta' Vanderbilt qatta' xi żmien ukoll fl-aħħar tas-seklu 20 fis-sit ta' Tiwanaku u rreġistra s-sejbiet tal-iskavi li kienu qed isiru dak iż-żmien. Fl-2008 huwa ppubblika Ancient Tiwanaku fejn iddeskriva s-sejbiet tiegħu dwar l-arkitettura, l-agrikoltura u aspetti oħra tal-ħajja ta' Tiwanaku.

Jean-Pierre Protzen kien professur tal-arkitettura tal-Università ta' California f'Berkeley u qatta' l-biċċa l-kbira ta' ħajtu jistudja l-arkitettura ta' Tiwanaku. Fl-2013 huwa ppubblika The Stones of Tiahuanaco, fejn jagħti deskrizzjonijiet dettaljati tal-arkitettura u tal-istrutturi tal-ġebel li hemm f'Tiwanaku. Ix-xogħol tiegħu kellu rwol ċentrali fil-ħolqien ta' rikostruzzjonijiet potenzjali ta' kif x'aktarx li kienu jidhru bosta mill-istrutturi, speċjalment dik ta' Puma Punku.

  1. Janusek, John (2004). Identity and Power in the Ancient Andes: Tiwanaku Cities through Time. New York: Routledge. p. 128. ISBN 978-0415946346.
  2. Kolata, Alan L. (1993). The Tiwanaku: Portrait of an Andean Civilization. Wiley-Blackwell. ISBN 978-1-55786-183-2.
  3. Kelley, David H.; Milone, Eugene F. (November 19, 2004). Exploring Ancient Skies: An Encyclopedic Survey of Archaeoastronomy. Springer. ISBN 978-0-387-95310-6.
  4. Hughes, Holly (October 20, 2008). Frommers 500 Places to See Before They Disappear (500 Places). Frommers. pp. 266. ISBN 978-0-470-18986-3.
  5. "Profile: Fabricio R. Santos - The Genographic project". web.archive.org. 2011-07-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-05. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. Heggarty, P.; Beresford-Jones, D. (2013). "Andes: linguistic history". In Ness, I. (ed.). The Encyclopedia of Global Human Migration. Oxford: Wiley-Blackwell. pp. 401–409. doi:10.1002/9781444351071.wbeghm852. ISBN 978-1-44435-107-1.
  7. Posnansky, Arthur (1910). Tihuanacu e islas del Sol y de la Luna (Titicaca y Koati). La Paz.
  8. Posnansky, Arthur (1945). Tihuanacu, the Cradle of American Man. Vol. I–II. Translated by James F. Sheaver. New York: JJ Augustin.
  9. Ponce Sanginés, Carlos (1971). Tiwanaku: Espacio, Tiempo y Cultura. La Paz: Academia Nacional de Ciencias de Bolivia.
  10. Browman, David (1980). "Tiwanaku expansion and economic patterns". Estudios Arqueológicos. 5: 107–120.
  11. Janusek, John (2003). "Vessels, Time, and Society: Toward a Ceramic Chronology in the Tiwanaku Heartland". In Kolata, Alan (ed.). Tiwanaku and Its Hinterland: Archaeological and Paleoecological Investigations of an Andean Civilization, Vol. 2: Urban and Rural Archaeology. Washington, D.C.: Smithsonian. pp. 30–89.
  12. Stanish, Charles (2003). Ancient Titicaca. Los Angeles: University of California Press.
  13. Marsh, Erik (2012). "The Founding of Tiwanaku: Evidence from Kk'araña". Ñawpa Pacha. 32: 169–188. doi:10.1179/naw.2012.32.2.69. S2CID 194040072.
  14. Andrews, Anthony P. (1995). First Cities. Canada: St. Remy Press. pp. 158–160. ISBN 0-89599-043-1.
  15. 1 2 3 "Tiwanaku: Spiritual and Political Centre of the Tiwanaku Culture - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-07.
  16. Ponce Sanginés, C. and G. M. Terrazas, 1970, Acerca De La Procedencia Del Material Lítico De Los Monumentos De Tiwanaku. Publication no. 21. Academia Nacional de Ciencias de Bolivia.
  17. Isbell, W. H., 2004, Palaces and Politics in the Andean Middle Horizon. in S. T. Evans and J. Pillsbury, eds., pp. 191-246. Palaces of the Ancient New World, Dumbarton Oaks Research Library and Collection Washington, D.C.
  18. N, Vranich, Alexei (1999). Interpreting the meaning of ritual spaces: The temple complex of Pumapunku, Tiwanaku, Bolivia (Teżi) (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-05.
  19. Goldstein, Paul (1993). Tiwanaku Temples and State Expansion: A Tiwanaku Sunken-Court Temple in Moquegua, Peru.
  20. Browman, D. L., 1981, "New light on Andean Tiwanaku," New Scientist vol. 69, no. 4, pp. 408-419.
  21. Coe, Michael, Dean Snow, and Elizabeth Benson, 1986, Atlas of Ancient America p. 190.
  22. Silverman, Helaine Andean Archaeology Volume 2. Malden, Massachusetts: Blackwell Publishing, 2004.
  23. Protzen, J.-P., and S. E. Nair, 2000, "On Reconstructing Tiwanaku Architecture": The Journal of the Society of Architectural Historians, vol. 59, no., 3, pp. 358-371.
  24. Smith, Michael E. (2004), "The Archaeology of Ancient Economies," Annu. Rev. Anthrop. 33: 73-102.
  25. Bahn, Paul G. Lost Cities. New York: Welcome Rain, 1999.
  26. Reinhard, Johan (1985). "Sacred Mountains: An Ethno-Archaeological Study of High Andean Ruins". Mountain Research and Development. 5 (4): 299–317. doi:10.2307/3673292. ISSN 0276-4741. JSTOR 3673292.
  27. Bonilla, Heraclio (1 November 2006). "Religious Practices in the Andes and their Relevance to Political Struggle and Development". Mountain Research and Development. 26 (4): 336–342. doi:10.1659/0276-4741(2006)26[336:RPITAA]2.0.CO;2. ISSN 0276-4741. S2CID 128460565.
  28. Blom, Deborah E.; Janusek, John Wayne (2004). "Making Place: Humans as Dedications in Tiwanaku". World Archaeology. 36 (1): 123–141. doi:10.1080/0043824042000192623. ISSN 0043-8243. JSTOR 4128306. S2CID 154741300.
  29. Vranich, Alexei (2016). "Monumental Perceptions of the Tiwanaku Landscape". Political Landscapes of Capital Cities. University Press of Colorado: 181–212. doi:10.5876/9781607324690.c005. ISBN 9781607324683. JSTOR j.ctt1dfnt2b.11.
  30. Magli, Giulio (2009). Mysteries and discoveries of archaeoastronomy : from Giza to Easter Island. New York: Copernicus Books/Springer Science + Business Media, in association with Praxis Pub. ISBN 978-0-387-76566-2.
  31. Quilter, Jeffrey (2014). The ancient central Andes. Abingdon, Oxon. ISBN 9780415673105.