Theodore Géricault

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Theodore Géricault
Ħajja
Isem propju Jean-Louis André Théodore Géricault
Twelid Rouen, 26 Settembru 1791, 21 Settembru 1791
Nazzjonalità Franza
Residenza Rouen
Mewt Pariġi, 26 Jannar 1824
Post tad-dfin Iċ-Ċimiterju Père Lachaise
Grave of Théodore Géricault (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (tuberkolożi osteoartikolari)
Familja
Konjuga/i Not married
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Lycée Louis-le-Grand
Collège Stanislas de Paris (en) Translate
Beaux-Arts de Paris
(5 Frar 1811 -
Lingwi Portugiż
Franċiż
Għalliema Carle Vernet
Pierre Narcisse Guérin
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
artist grafiku
skultur
litografu
disinjatur tal-bini
disinjatur
Post tax-xogħol Albacete
Firenze
Pariġi
Xogħlijiet importanti Iċ-Ċattra ta' Medusa
Ritratt ta' Kleptomanijaku
Id-Derby ta' Epsom
Moviment romantiċiżmu
Moviment artistiku ritratt

Jean-Louis André Théodore Géricault (bil-Franċiż: [ʒɑ̃ lwi ɑ̃dʁe teɔdɔʁ ʒeʁiko]; twieled fis-26 ta' Settembru 1791 – miet fis-26 ta' Jannar 1824) kien pittur u litografu Franċiż, u l-iżjed pittura magħrufa tiegħu kienet Iċ-Ċattra ta' Medusa. Għalkemm miet żgħir, huwa kien wieħed mill-pijunieri tal-moviment Romantiku.

Ħajja bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Imwieled f'Rouen, Franza, Géricault ġie mħarreġ fit-tradizzjoni tal-arti sportiva Ingliża minn Carle Vernet u fil-kompożizzjoni tal-figuri klassiċi minn Pierre-Narcisse Guérin, Klassiċist rigoruż li kien iċanfar lill-istudent tiegħu għat-tempra impulsiva tiegħu filwaqt li kien jirrikonoxxi t-talent tiegħu.[1] Géricault wara ftit telaq mill-klassi, u għażel li jistudja fil-Louvre, fejn mill-1810 sal-1815 huwa kkopja l-pitturi ta' Rubens, Tizjanu, Velázquez u Rembrandt.

Matul dan il-perjodu fil-Louvre huwa skopra vitalità li skontu kienet nieqsa fl-iskola prevalenti tan-Neoklassiċiżmu. Ħafna mill-ħin tiegħu kien iqattgħu f'Versailles, fejn l-istalel tal-palazz kienu jkunu miftuħin għalih, u fejn kiseb l-għarfien tiegħu dwar l-anatomija u l-azzjoni taż-żwiemel.[2]

Suċċess[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel xogħol maġġuri ta' Géricault, L-Attakk tal-Uffiċjal tal-Kavallerija, muri fil-Wirja ta' Pariġi tal-1812, żvela l-influwenza tal-istil ta' Rubens u interess fit-tpittir ta' suġġetti kontemporanji. Dan is-suċċess meta Géricault kien żgħir, ambizzjuż u monumentali, ġie segwit minn bidla fid-direzzjoni: għal diversi snin wara Géricault ipproduċa sensiela ta' studji żgħar taż-żwiemel u tal-uffiċjali tal-kavallerija.[3]

Huwa wera Il-Korazzier Midrub fil-Wirja ta' Pariġi fl-1814, xogħol iktar impenjattiv u li ntlaqa' b'inqas suċċess. Géricault f'mument ta' diżappunt daħal fl-armata u serva għal xi żmien fil-gwarniġġjon ta' Versailles. Fil-kważi sentejn ta' wara l-Wirja ta' Pariġi tal-1814, huwa wettaq studju awtoimpost tal-kostruzzjoni u tal-kompożizzjoni tal-figuri, filwaqt li baqa' joħroġ fid-dieher preferenza personali għad-drammi u għall-forza eċċessiva.[4]

Żjara lejn Firenze, Ruma u Napli, l-Italja (1816-1817), li saret parzjalment minħabba x-xewqa li jaħrab minn rabta romantika ma' żitu[5], wasslitu biex jibqa' msaħħar bix-xogħol ta' Michelangelo. Ruma stess ispirat it-tħejjija ta' tila monumentali, It-Tellieqa taż-Żwiemel ta' Barberi, xogħol ta' kompożizzjoni epika u tema astratta bil-wegħda li tkun "kompletament mingħajr ekwivalenti fi żmienha".[6] Madankollu, Géricault qatt ma lesta l-pittura u reġa' lura Franza.

Iċ-Ċattra ta' Medusa[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċattra ta' Medusa, 1819

Géricault kontinwament reġa' lura għat-temi militari tal-pitturi bikrin tiegħu, u s-sensiela ta' litografiji li wettaq fuq suġġetti militari wara r-ritorn tiegħu mill-Italja hija meqjusa fost l-iżjed kapulavuri litografiċi bikrin. X'aktarx li l-iżjed xogħol sinifikanti, u ċertament l-iżjed wieħed ambizzjuż, huwa Iċ-Ċattra ta' Medusa (1818-1819), fejn pitter il-ġrajja ta' nawfraġju Franċiż kontemporanju, Meduse, fejn il-kaptan kien ħalla lill-ekwipaġġ u lill-passiġġiera jmutu.[7]

L-inċident sar skandlu nazzjonali, u l-interpretazzjoni drammatika ta' Géricault ippreżentat traġedja kontemporanja fuq skala monumentali. Il-fama tal-pittura rriżultat mill-akkuża li kienet qed tagħmel ta' stabbiliment korrott, iżda ddrammatizzat ukoll tema iktar eterna, dik tal-bniedem jitħabat man-natura. Ċertament qanqlet l-immaġinazzjoni taż-żagħżugħ Eugène Delacroix, li ppoża bħala wieħed mill-figuri li kienu qed imutu.[8]

It-tpittir klassiku tal-figuri u l-istruttura tal-kompożizzjoni joħolqu kuntrast mat-turbolenza tas-suġġett, sabiex b'hekk il-pittura tikkostitwixxi pont importanti bejn in-Neoklassiċiżmu u r-Romantiċiżmu. Tagħmel fużjoni ta' bosta influwenzi: L-Aħħar Ġudizzju ta' Michelangelo, l-approċċ monumentali għal avvenimenti kontemporanji ta' Antoine-Jean Gros, ir-raggruppamenti tal-figuri ta' Henry Fuseli, u possibbilment il-pittura Watson u l-Kelb il-Baħar ta' John Singleton Copley.[9]

Il-pittura qajmet kontroversja politika meta ntweriet għall-ewwel darba fil-Wirja ta' Pariġi tal-1819; imbagħad ivvjaġġat lejn l-Ingilterra fl-1820, akkumpanjata minn Géricault innifsu, fejn ġiet imfaħħra ferm.

Meta kien Londra, Géricault esperjenza l-faqar urban, għamel tpinġijiet tal-impressjonijiet tiegħu, u ppubblika litografiji bbażati fuq dawn l-osservazzjonijiet li kienu ħielsa mis-sentimentaliżmu. Hemmhekk huwa assoċja ruħu ferm ma' Charlet, il-litografu u l-karikaturista. Fl-1821, meta kien għadu l-Ingilterra, huwa pitter Id-Derby ta' Epsom.[10]

Ħajja iktar 'il quddiem[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monument tal-qabar ta' Géricault, magħmul mill-iskultur Antoine Étex

Wara li reġa' lura Franza fl-1821, Géricault ġie ispirat biex ipitter sensiela ta' għaxar ritratti ta' nies b'mard mentali, il-pazjenti tal-ħabib tiegħu, Dr. Étienne-Jean Georget, pijunier fil-mediċina psikjatrika, fejn kull suġġett kien qed ibati minn kundizzjoni jew vizzju differenti.[11] Għad fadal ħames ritrattri mis-sensiela, inkluż wieħed ta' Mara bil-Mard Mentali.

Il-pitturi huma notevoli għall-istil tal-bravura, għar-realiżmu espressiv, u għall-mod kif jiddokumentaw il-problemi psikoloġiċi tal-individwi, speċjalment meta wieħed iqis l-istorja ta' mard mentali fil-familja ta' Géricault, kif ukoll is-saħħa mentali fraġli tal-artist stess.[12] L-osservazzjonijiet tiegħu tas-suġġett uman ma kinux ikkonfinati mal-ħajjin; xi ritratti tan-natura mejta — studji mpittra ta' rjus u riġlejn maqtugħin — ġew attribwiti wkoll lill-artist.[13]

L-aħħar sforzi ta' Géricault kienu ddirezzjonati lejn studji preliminari għal diversi kompożizzjonijiet epiċi, inkluż il-Ftuħ tal-Bibien tal-Inkwiżizzjoni Spanjola u l-Kummerċ tal-Iskavi Afrikani.[14] It-tpinġijiet preparatorji jissuġġerixxu xogħlijiet ta' ambizzjoni kbira, iżda s-saħħa ta' Géricault battiet. Imdgħajjef minn aċċidenti tal-irkib taż-żwiemel u minn infezzjoni tuberkulari kronika, Géricault miet f'Pariġi fl-1824 wara perjodu twil ta' tbatija. Il-figura tal-bronż tiegħu, b'pinzell f'idu, tinsab fuq il-qabar tiegħu fiċ-Ċimiterju ta' Père Lachaise f'Pariġi, fuq panew ta' bassoriljiev ta' Iċ-Ċattra ta' Medusa.

Xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Les Monomanes (Ritratti ta' Nies b'Mard Mentali)[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 1.
  2. ^ Géricault, Jean-Louis André Théodore. Miġbur 2022-09-26.
  3. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 2.
  4. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 3.
  5. ^ Lüthy, Hans: The Temperament of Gericault, Theodore Gericault, p. 7. Salander-O'Reilly, 1987.
  6. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, pp. 3-4.
  7. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 4.
  8. ^ Riding, Christine (2003), "The Raft of the Medusa in Britain", Crossing the Channel: British and French Painting in the Age of Romanticism, Tate Publishing, p. 73.
  9. ^ Riding, Christine (2003), "The Raft of the Medusa in Britain", Crossing the Channel: British and French Painting in the Age of Romanticism, Tate Publishing, p. 77.
  10. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 5.
  11. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, pp. 5-6.
  12. ^ Patrick Noon: Crossing the Channel, p. 162. Tate Publishing Ltd, 2003.
  13. ^ Tate. "Constable to Delacroix: British Art and the French Romantics | Tate Britain". Tate (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-26.
  14. ^ Eitner, Lorenz (1987), "Theodore Gericault", Introduction, Salander-O'Reilly, p. 6.
  15. ^ "Riderless Racers at Rome". The Walters Art Museum (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-26.