Tereża ta' Ávila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Santa Tereża ta' Gesù

Santa Tereża ta' Gesù f'pittura ta' Pieter Paul Rubens
Twelid 28 ta' Marzu 1515
Ávila, Spanja
Mewt 15 ta' Ottobru 1582
Alba de Tormes, Spanja
Beatifikazzjoni 24 ta' April, 1614, Ruma minn Papa Pawlu V
Kanonizzazzjoni 12 ta' Marzu, 1622, Ruma minn Papa Gregorju XV
L-ikbar santwarju Bażilika ta' Santa Tereża, Alba de Tormes, Spanja
Festa 15 ta' Ottobru
Attributi libsa tal-Karmelitani Skalzi, ktieb u pinna tar-rix, qalb imniffda bi vleġġa
Patrun/a kittieba, nies morda,ħaddiema tal-bizzilla, orfni, nies ifittxu l-grazzja, membri tal-ordnijiet reliġjużi, nies ridikolati għad-devozzjoni tagħhom, Croazja, Spanja

Santa Tereża ta' Avila, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta' Ġesu jew Tereża l-Kbira, kienet qaddisa mistika Spanjola, soru Karmelitana, kittieba fi żmien il-Kontro-Riforma, u teologu. Riformatriċi tal-Ordni Karmelitana u flimien ma' San Ġwann tas-Salib, fundatriċi tal-Karmelitani Skalzi.

Tfulija[editja]

Tereża twieldet f’Avila, Spanja, fit-28 ta’ Marzu, 1515, għand familja sinjura. Kienet ta’ natural ħelu u vivaċi. Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha iżgħar minnha, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħdu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom.

Meta kellha 12-il sena, ommha mietet. Tliet snin wara, oħtha l-kbira li kienet tieħu ħsieb id-dar iżżewġet, u l-missier daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani. Wara sena u nofs, mardet, u kellha tmur lura lejn id-dar. F’dawn is-snin kienet bierda ħafna fir-reliġjon. Imbagħad f’daqqa waħda fl-1535 iddeċidiet li tidħol Soru mal-Karmelitani li kienu f’Avila. Missierha għall-ewwel ma ridhiex, iżda mbagħad ċeda.

Soru[editja]

Sena wara li daħlet Soru, ipprofessat. Imbagħad ġie fuqha żmien twil ta’ mard, u ta’ nixfa fil-ħajja spiritwali. Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu ġabet bidla ġo fiha għax marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha terġa' tibda titlob. Kellha issa qrib l-erbgħin sena.

Mistika[editja]

Jingħad li beda jkollha esperjenzi mistiċi li nafu bihom għax hi kitbithom f’kotba li llum huma meqjusa bħala klassiċi spiritwali: l-”Awtobijografija”, ”Il-Mixja tal-Perfezzjoni”, u ”Il-Kastell Ġewwieni”.

Riformatriċi[editja]

Livio Mehus, San Pietro d'Alcantara iqarben lil Santa Tereża t'Avila (1683), Museo dell'Opera del Duomo (Prato)

Fl-1560 ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni tagħha, u ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta’ qabel, u fl-1562, bil-għajnuna ta’ San Pietru ta’ Alkantara, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ Sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San Jose’, f’Avila. Sitt xhur wara, meta ġieha l-permess, marret tgħix magħhom. Xahar wara, ġiet magħżula biex tkun is-Superjura.

Wara xi snin ta’ ħajja kwieta, bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrdin ma’ Spanja. Fl-1568 bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-Patrijiet. B’kollox hi fetħet 17-il kunvent tas-Sorijiet u 15 tal-Patrijiet.

Mewt[editja]

Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1582, wara li fetħet monasteru f’Burgos, telqet lejn Alba de Tormes. Meta waslet fl-20 ta’ Settembru, kienet għajjiena ħafna u marida, inxteħtet fis-sodda, u mietet ftit ġranet wara, fl-4 ta’ Ottubru.

Wara mewtha[editja]

Fl-1622, il-Papa Girgor XV iddikjaraha, u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja flimkien ma’ Santa Katerina ta’ Siena.