Terapija tal-familja
It-Terapija tal-Familja (imsejħa wkoll konsulenza tal-familja, terapija tal-familja bħala sistema, u terapija tal-koppja u tal-familja) hija fergħa tal-psikoterapija mmirata lejn familji u koppji f’relazzjonijiet intimi biex tinkoraġġixxi bidla u żvilupp f’ħajjithom. L-iskop prinċipali hu li jġib bidla fl-interazzjoni bejn il-membri tal-familja.
L-iskejjel differenti tat-terapija tal-familja għandhom twemmin komuni, li irrispettivament mill-oriġini tal-problema, irrispettivament jekk il-klijenti jikkunsidrawhiex bħala kwistjoni ta’ xi individwu partikulari jew tal-familja nnifisha, l-involviment tal-familji fis-soluzzjonijiet ħafna drabi jkun ta’ benefiċċju għall- membri tal-familja kollha. Dan l-involviment tal-familji ġeneralment jinkiseb bil-parteċipazzjoni tagħhom fis-sessjoni tat-terapija. Il-ħiliet tat-terapista tal-familja jinkludu l-kapaċità li tinfluwenza dak li jingħad kemm bil-fomm jew bl-aġir fost il-membri b’mod li toħroġ fil-beraħ l-abbilità, l-intelliġenza, u l-appoġġ tal-familja.
Fis-snin bikrin bosta studjużi f’dan il-qasam kienu jqisu l-familja minn lenti dejqa u tradizzjonali fejn kienu ġeneralment jinkludu biss lill-ġenituri u t-tfal. Hekk kif dan il-qasam beda jevolvi, il-kunċett tal-familja il-lum il-ġurnata huwa aktar definit f’termini ta’ rwoli u relazzjonijiet fit-tul u ta’ appoġġ qawwi bejn persuni li jistgħu jkunu relatati bid-demm jew fiż-żwieġ.
L-istruttura konċettwali maħluqa mit-terapisti tal-familja, speċjalment dawk li fasslu t-teoriji tas-sistemi tal-familja, serva bħala bażi wiesgħa tal-imġiba umana, inkluż id-dinamika tal-organizzazzjonijiet maniġerjali u oqsma oħrajn bħax-xjenza, u l-istudju tal-kobor, li juri kif il-kisbiet tal-bniedem huma ħafna drabi riżultat tal-interazzjoni mal-ambjent ta’ madwaru.