Aqbeż għall-kontentut

Tenis

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Tennis)

It-tenis huwa sport li jintlagħab bir-rekit b’mod individwali kontra avversarju wieħed (singles) jew inkella bejn żewġ timijiet b’żewġ plejers kull wieħed (doubles). Kull plejer juża rekit tat-tenis b’korda li tolqot ballun tal-lasktu vojt minn ġewwa u miksi bil-pannu, ’il fuq minn jew mad-dawra tax-xibka u għan-naħa avversarja tal-kort tat-tenis. L-iskop huwa li timmanuvra l-ballun b’tali mod li l-avversarju ma jkunx jista’ jirritorna sew il-ballun. Jekk plejer ma jirnexxilux jirritorna l-ballun b’suċċess, l-avversarju jieħu punt.

It-tenis jista’ jintlagħab minn kwalunkwe persuna li kapaċi żżomm rekit, inkluż dawk li jużaw is-siġġu tar-roti, u jintlagħab minn persuni minn kull livell tas-soċjetà u ta’ kull età. It-tipi oriġinali tat-tenis żviluppaw fi Franza fl-aħħar tal-Medju Evu. It-tip modern tat-tenis oriġina f’Birmingham, l-Ingilterra, fl-aħħar tas-seklu 19, bħala lawn tennis, jiġifieri li jintlagħab fuq il-ħaxix. Kellu konnessjonijiet mill-qrib ma’ diversi tipi ta’ logħob fuq il-ħaxix bħall-croquet u l-boċċi, kif ukoll mal-isport antik bir-rekit, li llum jissejjaħ real tennis, jiġifieri l-isport oriġinali bir-rekit.

Ir-regoli tat-tenis modern ftit li xejn inbidlu mid-disgħinijiet tas-seklu dsatax. Iż-żewġ eċċezzjonijiet huma li sa qabel l-1961 min iservi l-ballun ried ikollu sieq waħda l-ħin kollu tmiss mal-art, u l-adozzjoni tat-tiebreak fis-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin. Żieda riċenti fit-tenis professjonali kienet l-adozzjoni tat-teknoloġija ta’ analiżi elettronika, imqabbda ma’ sistema ta’ sfidi bil-punti msejħa Hawk-Eye, li tippermetti lill-plejer jikkuntesta l-line call ta’ xi punt, jiġifieri d-deċiżjoni dwar jekk il-ballun ħariġx barra l-linji jew le.

L-isport tat-tenis jilqa’ fih miljuni ta’ plejers rikreattivi u huwa popolari madwar id-dinja qalb l-ispettaturi. L-erba’ turnej tal-Grand Slam, magħrufa wkoll bħala majors, huma partikolarment popolari u huma kkunsidrati bħala x-xempju tat-tenis kompetittiv. L-erba’ turnej tal-Grand Slam huma l-Australian Open, li jintlagħab fuq art iebsa; il-French Open, li jintlagħab fuq it-tafal; Wimbledon, li jintlagħab fuq il-ħaxix; u l-US Open, li jintlagħab ukoll fuq art iebsa. It-tenis kien wieħed mill-isports oriġinali tal-Olimpjadi, u b’mod konsistenti baqa’ parti mil-Logħob Olimpiku tas-Sajf sa mill-1988.