Tempju tal-Għar ta' Dambulla
It-Tempju tal-Għar ta' Dambulla (bis-Singaliż: දඹුල්ල රජ මහා විහාරය, b'ittri Rumani: Dam̆būlla Raja Maha Vihāraya; bit-Tamil: தம்புள்ளை பொற்கோவில், b'ittri Rumani: Tampuḷḷai Poṟkōvil), magħruf ukoll bħala t-Tempju tad-Deheb ta' Dambulla, huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1991 fis-Sri Lanka, u jinsab fil-parti ċentrali tal-pajjiż.[1] Dan is-sit jinsab 148 kilometru (92 mil) fil-Lvant ta' Kolombo, 72 kilometru (45 mil) fit-Tramuntana ta' Kandy u 43 kilometru (27 mil) fit-Tramuntana ta' Matale.
Dambulla huwa l-ikbar kumpless ta' tempji-għerien fis-Sri Lanka. Is-sit jinsab 160 metru 'l fuq mill-pjanuri tal-madwar. Fl-inħawi ġew iddokumentati iktar minn 80 għar. L-attrazzjonijiet ewlenin huma mifruxa fuq ħames għerien li fihom statwi u pitturi. Dawn il-pitturi u l-istatwi huma marbuta ma' Gautama Buddha u ma' ħajtu. B'kollox hemm 153 statwa tal-Buddha, tliet statwi tar-rejiet tas-Sri Lanka u erba' statwi tal-allat maskili u femminili. Dawn tal-aħħar jinkludu lil Vixnu u lil Ganexa. L-affreski jkopru erja ta' 2,100 metru kwadru (23,000 pied kwadru). Fost l-affreski mal-ħitan tal-għerien hemm it-tentazzjoni mid-dimonju Mara, u l-ewwel prietka tal-Buddha.
F'dawn il-kumplessi ta' għerien għexu Sri Lankani preistoriċi qabel il-wasla tal-Buddiżmu fis-Sri Lanka, u dan nafuh peress li nstabu siti funebri bi skeletri umani ta' madwar 2,700 sena ilu fl-inħawi, f'Ibbankatuwa, qrib il-kumplessi tal-għerien ta' Dambulla.
Dan il-kumpless ta' tempji jmur lura għall-ewwel seklu Q.K.[2] Fih ħames għerien taħt blata kbira mperrċa fuqhom, imnaqqxin b'linja tat-taqtir sabiex minn ġewwa jibqgħu nexfin. Fl-1938 l-arkitettura ġiet imżejna bil-kolonni u bil-ħnejjiet u b'daħliet b'saqaf forfċi. Ġol-għerien, is-soqfa ġew imżejnin b'pitturi mirquma ta' xbihat reliġjużi li jsegwu l-kontorn tal-blat. Hemm xbihat tal-Buddha u tal-Bodhisattvas, kif ukoll ta' diversi divinitajiet maskili u femminili.
Il-monasteru tal-għar ta' Dambulla għadu funzjonali u huwa l-iżjed binja tal-qedem li hija ppreservata sew fis-Sri Lanka. Dan il-kumpless imur lura għas-sekli 3 u 2 Q.K., meta diġà ġie stabbilit bħala wieħed mill-iżjed monasteri kbar u fost l-iktar importanti. Valagamba ta' Anuradhapura tradizzjonalment huwa maħsub li kkonverta l-għerien f'tempju fis-seklu 1 Q.K. Eżiljat minn Anuradhapura, huwa fittex refuġju hawnhekk mill-użurpaturi tan-Nofsinhar tal-Indja għal 15-il sena. Wara li kiseb il-kapital tiegħu, ir-Re bena tempju bħala ringrazzjament u biex jagħti qima. Bosta rejiet oħra żiedu xi kompartimenti u donazzjonijiet, u sas-seklu 11 l-għerien saru ċentru reliġjuż ewlieni u għadhom. Nissanka Malla ta' Polonnaruwa ndura l-għerien u żied madwar 70 statwa tal-Buddha fl-1190. Matul is-seklu 18, l-għerien ġew irrestawrati u mpittra mir-Renju ta' Kandy.
Ħames għerien
[immodifika | immodifika s-sors]It-tempju huwa magħmul minn ħames għerien ta' daqs u ta' kobor differenti.[3] L-għerien, mibnija fil-bażi ta' blata għolja 150 metru matul ir-Renji ta' Anuradhapura (is-seklu 1 Q.K. sad-993 W.K.) u ta' Polonnaruwa (mill-1073 sal-1250), huma bil-bosta l-iżjed impressjonanti fost il-ħafna tempji-għerien fis-Sri Lanka. L-aċċess għalihom huwa permezz ta' xaqliba ħafifa tal-Blata ta' Dambulla, li toffri veduta panoramika tal-artijiet ċatti tal-madwar, li tinkludi l-fortizza fuq il-blat ta' Sigiriya, 19-il kilometru 'l bogħod. Inżul ix-xemx iġib miegħu mijiet ta' ħuttaf lejn id-daħla tal-għerien. L-ikbar għar fih madwar 52 metru mil-Lvant għall-Punent, u 23 metru mid-daħla sa wara nett. Dan l-għar spettakolari huwa għoli 7 metri fl-ogħla punt tiegħu. Fih jiġu rrappreżentati d-divinitajiet Induisti kif ukoll ir-rejiet Valagamba u Nissankamalla, flimkien ma' Ananda, l-iżjed dixxiplu devot tal-Buddha.
L-Għar tar-Re Divin
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel għar jissejjaħ Devaraja lena (lena bis-Singaliż tfisser għar), jew "l-Għar tar-Re Divin". Ġrajja tal-istabbiliment tal-monasteru hija rreġistrata f'inċiżjoni Brahmina tas-seklu 1 fuq id-daħla tal-ewwel għar. Dan l-għar huwa ddominat mill-istatwa ta' 14-il metru tal-Buddha, imnaqqxa fil-blat. Ġiet impittra kemm-il darba matul l-istorja, u x'aktarx ingħatat l-aħħar kisja żebgħa fis-seklu 20. Ħdejn saqajn l-istatwa hemm l-iżjed dixxiplu ppreferut tal-Buddha, Ananda; ħdejn rasha hemm Vixnu, li jingħad li uża s-setgħat divini tiegħu biex joħloq l-għerien.
L-Għar tar-Rejiet il-Kbar
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-tieni u l-ikbar għar, apparti 16-il statwa bilwieqfa u 40 statwa mimduda tal-Buddha, hemm l-istatwi tal-allat Saman u Vixnu, li spiss il-pellegrini jżejnuhom bil-girlandi, u finalment hemm statwi tar-Re Vattagamani Abhaya, li ta ġieħ lill-monasteru fis-seklu 1 Q.K., u tar-Re Nissanka Malla, li fis-seklu 12 kien responsabbli għall-indurar ta' 50 statwa, kif indikat f'inċiżjoni fuq il-ġebel qrib id-daħla tal-monasteru. Dan l-għar għaldaqstant jissejjaħ Maharaja lena, jiġifieri "l-Cave tar-Rejiet il-Kbar". L-istatwa tal-Buddha mnaqqxa fil-blat fuq in-naħa tax-xellug tal-għar hija skortata minn figuri tal-injam tal-Bodhisattvas Maitreya u Avalokiteshvara jew Natha. Hemm ukoll dagoba u fawwara li jingħad li t-taqtir tal-ilma tagħha minn xaqq fil-blat ifejjaq. Pitturi distintivi fuq is-saqaf tal-għar li jmorru lura għas-seklu 18 juru xeni mill-ħajja tal-Buddha, mill-ħolma tal-Mahamaya u mit-tentazzjoni tad-dimonju Mara. Pitturi oħra jirrakkontaw avvenimenti mill-istorja tal-pajjiż.
Monasteru Ġdid il-Kbir
[immodifika | immodifika s-sors]It-tielet għar, il-Maha Alut Vihara, jiġifieri il-"Monasteru Ġdid il-Kbir" kiseb pitturi mas-saqaf u mal-ħitan tiegħu bl-istil tipiku ta' Kandy matul ir-renju tar-Re Kirti Sri Rajasinha (1747–1782), li huwa famuż għar-"rinaxximent" Buddist. Minbarra l-50 statwa tal-Buddha, hemm ukoll statwa tar-re.
Statwi
[immodifika | immodifika s-sors]Is-swali tas-santwarju jirrappreżentaw bosta epoki tal-iskultura u tal-arti Singaliżi. L-istatwi tal-Buddha għandhom daqsijiet u attitudnijiet differenti; l-ikbar waħda fosthom hija twila 15-il metru. Għar minnhom fih iktar minn 1,500 pittura tal-Buddha li jiksu s-saqaf.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-konservazzjoni fil-Kumpless tat-Tempju tal-Għar ta' Dambulla primarjament ikkonċentrat fuq il-preservazzjoni tal-affreski. Senake Bandaranayake jirrapporta li l-affreski tnaddfu matul proġett inizjali ta' konservazzjoni li sar matul is-snin 60 tas-seklu 20, li kien jinvolvi t-tindif tal-affreski u l-applikazzjoni ta' kisja protettiva.[4]
Strateġiji sussegwenti ta' konservazzjoni fil-Kumpless tat-Tempju tal-Għar ta' Dambulla (l-iktar mill-1982) iffukaw fuq iż-żamma tal-integrità tal-kumpless eżistenti li baqa' kif kien mir-rikostruzzjoni tal-veranda tat-tempju fis-snin 30 tas-seklu 20. Intlaħaq qbil dwar din l-istrateġija matul proġett ta' kollaborazzjoni bejn l-UNESCO, il-Proġett tat-Triangolu Kulturali tas-Sri Lanka u l-Awtoritajiet tat-Tempju ta' Dambulla fl-1982-1996.[4]
As the Dambulla Temple remains an active ritual centre, the conservation plans of the 1982-1996 project were directed at improving the infrastructure and accessibility of the site in accordance with its UNESCO World Heritage status. This involved the renovation of hand-cut paving within the complex and the installation of modern lighting. Further investment in the Temple's infrastructure has seen the construction of a museum and other tourist facilities located away from the historical complex.
Spezzjonijiet iktar reċenti li saru mill-UNESCO fl-2003 ipproponew tkabbir fiż-żona protetta eżistenti madwar il-kumpless sabiex titnaqqas kemm jista' jkun il-ħsara lill-karatteristiċi arkeoloġiċi tal-madwar.
Il-proġett ta' konservazzjoni li sar bejn l-1982 u l-1996 iffoka l-iktar fuq il-preservazjoni tal-affreski tas-seklu 18 li jirrappreżentaw madwar 80 % tal-pitturi eżistenti totali li għad fadal f'Dambulla. Sal-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, il-maġġoranza ta' dawn l-affreski baqgħu f'kundizzjoni eċċellenti, u l-affreski tas-santwarji l-kbar (eż. il-Vihara Nru 3 u l-Vihara Nru 2) għad għandhom il-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi tas-seklu 18 tagħhom.
Matul il-proġett tal-1982-1996 ma sarx tindif, iżda minflok sar sforz biex jiġu implimentati sensiela ta' miżuri ta' rimedju biex jistabbilizzaw l-affreski kif ukoll biex tiġi żviluppata strateġija ta' konservazzjoni fit-tul sabiex titnaqqas iktar ħsara kkawżata mill-bniedem jew mill-ambjent.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju tal-Għar ta' Dambulla f'Rangiri ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- von Schroeder, Ulrich. (1990). Buddhist Sculptures of Sri Lanka’; (Hong Kong: Visual Dharma Publications, Ltd.) ISBN 962-7049-05-0 / ISBN 978-962-7049-05-0.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Rangiri Dambulla Cave Temple - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-04.
- ^ "Dambulla Cave Temple Sri Lanka | Walkers Tours Sri Lanka". www.walkerstours.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-04.
- ^ "Dambulla Cave Temple". Lakpura LLC (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-04.
- ^ a b ċ Senake Bandaranayake (1997). Neville Agnew (ed.). Conservation of Ancient Sites on the Silk Road: The Dambulla Rock Temple Complex, Sri Lanka. Los Angeles: The Getty Conservation Institute. pp. 50-56.