Tempju ta' Kakatiya Rudreshwara

It-Tempju ta' Kakatiya Rudreshwara, magħruf ukoll bħala t-Tempju ta' Ramappa jew it-Tempju ta' Rudreshwara, huwa tempju Induista bl-istil Kakatiya u huwa ddedikat lill-alla Induista Xiva. It-tempju jinsab fil-villaġġ ta' Palampet, id-distrett ta' Mulugu, Telangana, l-Indja. Jinsab 15-il kilometru (9.3 mili) minn Mulugu, 66 kilometru (41 mil) minn Warangal, 209 kilometri (130 mil) minn Hyderabad. Skont kitba mnaqqxa fit-tempju nbena fl-1213 W.K. minn Recharla Rudra — ġeneral tal-mexxej Kakatiya Ganapati Deva (li rrenja fl-1199–1262).[1][2][3] It-Tempju ta' Ramappa jinsab qrib il-Lag ta' Ramappa u jikkonsisti minn tliet tempji li nbnew bejn l-1212 u l-1234, iddisinjati minn Ramappa — u isem il-kumpless tat-tempju ssemma għalih.[4][5] Marco Polo, matul iż-żjara tiegħu fl-imperu Kakatiya, jingħad li ddeskriva t-tempju bħala "l-iktar stilla li tiddi fil-galassja ta' tempji".[6] F'Lulju 2021, it-Tempju ta' Ramappa tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7][8]
Struttura
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Ramappa jinsab fuq pjattaforma għolja 6 piedi (1.8 metru) b'għamla ta' stilla. Il-kompartiment ta' quddiem il-qalba sagra tat-tempju fih bosta pilastri mnaqqxin li ġew ippożizzjonati b'tali mod li joħolqu effett li jikkombina d-dawl u l-ispazji b'mod mill-aqwa. It-tempju ngħata isem l-iskultur Ramappa li bnieh, u b'hekk huwa l-uniku tempju fl-Indja li ngħata isem artiġjan li ħa sehem fil-kostruzzjoni.
L-istruttura prinċipali hija magħmula mill-ġebel ramli ħamrani, iżda l-kolonna madwar in-naħa ta' barra fihom riffieda kbar tal-bażalt iswed li huwa rikk bil-ħadid, il-manjeżju u s-silika. Dawn huma mnaqqxin bl-għamla ta' annimali mitiċi, żeffiena femminili jew mużiċisti femminili, u huma "kapulavuri tal-arti Kakatiya, u huma magħrufa għat-tinqix delikat, għall-pożi senswali u għall-iġsma u għall-irjus tawwalin".[9] Fil-25 ta' Lulju 2021, it-tempju tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]
Restawr mis-seba' Nizam
[immodifika | immodifika s-sors]Is-seba' Nizam ta' Hyderabad ta donazzjoni għar-restawr tat-tempju u x-xogħlijiet tar-restawr bdew fl-1914.[10]
Fl-1931, Dr. Ghulam Yazdani, l-arkeologu u l-konservazzjonista Indjan famuż mad-dinja li stabbilixxa d-Dipartiment tal-Arkeoloġija ta' Hyderabad taħt il-Gvern ta' Nizam, ħejja tpinġijiet tat-tiżjin u tal-ornamenti neqsin tat-tempju u rrestawrhom fil-pożizzjonijiet oriġinali tagħhom.[11]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bejt (garbhalayam) tat-tempju huwa mibni bil-brikks, li tant huma ħfief li jistgħu jibqgħu f'wiċċ l-ilma.[12]
Xi brikks tat-Tempju ta' Ramappa u tal-Qabar ta' Humayun intbagħtu lil Dr. Habib Haman, il-Kimiku Ewlieni tal-Laboratorju Industrijali tal-Gvern f'Hyderabad, biex jiġu eżaminati. Huwa rrapporta kif ġej: "Il-kampjuni ta' brikks li jibqgħu f'wiċċ l-ilma minn Bidar huma simili għal dawk minn Warangal fir-rigward tal-metodu ta' manifattura. Il-materjal li ntuża biex il-brikks ikunu qishom sponoż milli jidher kien serratura jew ċana. Il-piż tal-eżemplari huwa 1⁄3 sa 1⁄4 tal-brikks ordinarji tal-istess daqs. L-eżemplari ta' Bidar għandhom kwalità aħjar fir-rigward it-taħlit omoġenju u l-ħami uniformi meta mqabbel ma' prototipi oħra mit-Tempju ta' Ramappa, u b'hekk il-porożità baqgħet tinżamm fil-korp tal-brikks minn Bidar, tant li jibqgħu f'wiċċ l-ilma.[13]
Hemm żewġ santwarji żgħar iddedikati lil Xiva fuq iż-żewġ naħat tat-tempju prinċipali. L-istatwa tan-Nandi enormi fi ħdan it-tempju, faċċata tas-santwarju ta' Xiva, għadha f'kundizzjoni tajba.[14]
Nataraja Ramakrishna reġa' ta ħajja lill-Perini Shivatandavam (iż-Żifna ta' Perini), wara li ra l-iskulturi f'dan it-tempju.[15] Il-pożi taż-żifna, miktuba f'Nrtta Ratnavali minn Jayapa Senani, jidhru wkoll f'dawn l-iskulturi.[16]
It-tempju baqa' intatt saħansitra wara diversi gwerer, serq u qerda matul il-gwerer u d-diżastri naturali. Kien hemm terremot kbir matul is-seklu 17 li kkawża xi ħsarat. It-tempju rreżista t-theżżiż tat-terremot bis-saħħa tat-teknika tal-kostruzzjoni tal-pedamenti tiegħu.[17]
Ħafna mill-istrutturi ż-żgħar ġew ittraskurati u jinsabu fi stat ta' fdalijiet. L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja ħa ħsieb l-amministrazzjoni u ż-żamma tas-sit. Id-daħla prinċipali fil-ħajt ta' barra tat-tempju wkoll tinsab fi stat ta' fdalijiet.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Ramappa jinsab f'Palampet, Venkatapur mandal, 19-il km (12-il mil) minn Mulugu mandal (madwar 70 kilometru (43 mil) mill-belt ta' Warangal). Jinsab 6 kilometri (3.7 mili) 'il bogħod minn Kota Gullu fejn hemm tempju ieħor iddedikat lil Xiva.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Kakatiya Rudreshwara (Ramappa), Telangana, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[7]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- From the side
- Front
- From behind
- One of the distinctive dancers
- Dancer
- Pillar inside the mandapa
- Inside the mandapa
- Smaller temple
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Ramappa temple never fails to surprise visitors" (bl-Ingliż). 2015-01-01. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Nanisetti, Serish (2021-07-25). "Telangana's Ramappa temple inscribed as a World Heritage Site" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Putcha, Vasudeva Parabrahma Sastry (1978). N. Ramesan (ed.). The Kākatiyas of Warangal. Hyderabad: Government of Andhra Pradesh. OCLC 252341228. p. 143.
- ↑ Saravanan, V. Hari (2014). Gods, Heroes and their Story Tellers: Intangible cultural heritage of South India. Notion Press. ISBN 9789384391492. OCLC 907582842. pp. 29-35.
- ↑ "800-year-old Ramappa Temple in Telangana gets the UNESCO World Heritage Site tag". 2021-07-26. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Dobbie, Aline (2006). India: The Elephant's Blessing. Melrose Press. ISBN 978-1-905226-85-6. OCLC 74119289. p. 36.
- 1 2 3 4 "Kakatiya Rudreshwara (Ramappa) Temple, Telangana - UNESCO".
- ↑ "Telangana's Ramappa Temple becomes a UNESCO World Heritage Site" (bl-Ingliż). 2021-07-27. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Michell, George; Davies, Philip H. (1989). The Penguin Guide to the Monuments of India, Volume 1: Buddhist, Jain, Hindu. Londra: Penguin Books. ISBN 0-14-008144-5. p. 385.
- ↑ "Ramappa temple's first renovation effort was taken up in 1914". 2021-07-26. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Ahmed, Mohammed Hussain (2021-07-27). "UNESCO mentions Nizam's role in restoration of Ramappa Temple" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-23.
- ↑ "Divine Destinations in Telangana :: Telangana Tourism" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-08-08. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Bidar, Its History and Monuments, Yazdani, G., 1947, Oxford University Press, p. 133.
- ↑ hysvm. "The Hindu : Friday Review Hyderabad / Dance : Blast from the past". www.hinduonnet.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-11. Miġbur 2025-08-23.
- ↑ Gupta, Roxanne Kamayani (1 March 2000). A Yoga of Indian Classical Dance: The Yogini's Mirror. Simon and Schuster. ISBN 978-1-59477-527-7.
- ↑ Ponvannan, Gayathri (25 January 2022). 100 Great Chronicles of Indian History: From Cave Paintings to the Constitution. Hachette India. ISBN 978-93-91028-77-0.
- ↑ Nilesh, V. (2018-10-25). "Did Kakatiya rulers hold the secret to earthquake-proof buildings?". The New Indian Express (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-23.