Aqbeż għall-kontentut

Teatru tal-Amażonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Teatru tal-Amażonja bil-lejl.

It-Teatru tal-Amażonja (bil-Portugiż: Teatro Amazonas) huwa teatru tal-opri li jinsab f'Manaus, il-Brażil, fil-qalba tal-foresta pluvjali tal-Amażonja. Kull sena fih isir il-Festival Amazonas de Ópera (il-Festival tal-Opri tal-Amażonja) u t-teatru jospita l-Orkestra Filarmonika tal-Amażonja li tagħmel il-provi u ttella' spettakli regolarment fit-Teatru tal-Amażonja flimkien ma' korijiet, kunċerti mużikali u spettakli oħra.

It-teatru għandu iktar minn 126 sena u jirrappreżenta ż-żmien meta l-belt kienet fl-aqwa tagħha bis-saħħa tal-kummerċ tal-lastiku.[1] It-teatru ntgħażel mir-rivista Vogue bħala wieħed mill-isbaħ teatri tal-opri fid-dinja.[2] F'Lulju 2026, dan it-teatru ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mat-Teatru da Paz.[3]

It-Teatru tal-Amażonja bi nhar.

It-Teatru tal-Amażonja nbena matul il-perjodu magħruf bħala l-Belle Époque fi żmien meta l-industrija tal-lastiku kienet qed tiffjorixxi. Il-kostruzzjoni tat-Teatru tal-Amażonja ġiet proposta għall-ewwel darba fl-1881 minn membru lokali tal-Kamra tad-Deputati, Antonio Jose Fernandes Júnior, li kellu l-viżjoni ta' "ġojjell" fil-qalba tal-foresta pluvjali tal-Amażonja.[4]

Fl-1882, il-leġiżlatura statali approvat xi finanzjament limitat, iżda dan tqies bħala mhux biżżejjed. Iktar tard dik is-sena, il-President tal-Provinċja, José Lustosa Paranaguá, approva baġit akbar u ta l-bidu għal kompetizzjoni għall-preżentazzjoni tal-pjanti. Il-proġett li ntgħażel tħejja mill-Gabinete Português de Engenharia e Arquitectura, uffiċċju tal-inġinerija u tal-arkitettura minn Liżbona, il-Portugall. Sal-1884, il-kostruzzjoni kienet lesta biex tibda taħt l-arkitett Taljan Celestial Sacardim. L-andament tax-xogħol kien bil-mod matul il-15-il sena ta' wara b'xi waqfiet u skossi mill-1885 sal-1892.

Sal-1895, meta x-xogħol tal-kostruzzjoni fil-qafas u fuq barra tlesta, it-tiżjin ta' ġewwa u l-installazzjoni tat-tidwil elettriku setgħu jibdew iktar malajr. It-teatru ġie inawgurat fil-31 ta' Diċembru 1896, u l-ewwel spettaklu ttella' fis-7 ta' Jannar 1897, bl-opra Taljana, La Gioconda, ta' Amilcare Ponchielli.

Arkitettura u stil

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru tal-Amażonja minn ġewwa.

L-istil arkitettoniku tat-teatru jitqies tipikament tat-tqanqil mill-ġdid tar-Rinaxximent. Il-madum tal-bejt ġie importat mill-Alsace, il-ħitan tal-azzar minn Glasgow, l-Iskozja u l-irħam ta' Carrara għat-taraġ, għall-istatwi u għall-kolonni, mill-Italja. Il-koppla hija miksija b'36,000 maduma mżejna taċ-ċeramika bl-ilwien tal-bandiera nazzjonali tal-Brażil. L-għamara fuq ġewwa ġiet minn Franza bl-istil ta' Lwiġi XV. L-artist Taljan Domenico de Angelis iż-Żgħir pitter il-panewijiet li jżejnu s-soqfa tal-awditorju u tal-kompartiment tal-udjenza. Il-purtiera, bil-pittura "Laqgħa tal-Ilmijiet", oriġinarjament inħolqot f'Pariġi minn Crispim do Amaral. Il-198 linfa tat-teatru ġew importati mill-Italja, inkluż 32 linfa tal-ħġieġ ta' Murano.

Struttura interna

[immodifika | immodifika s-sors]

L-awditorju jesa' 701 persuna bilqiegħda. Il-pjan terran jesa' 266 persuna bilqiegħda; il-kompartimenti individwali tal-pjan terran jesgħu 100 persuna bilqiegħda; il-kompartimenti tal-gallariji tal-ewwel sular jesgħu 110 persuni bilqiegħda; il-25 kompartiment tal-gallariji tat-tieni sular jesgħu 125 persuna bilqiegħda; u l-20 kompartiment tal-gallariji tat-tielet sular jesgħu 100 persuna bilqiegħda. Il-palk prinċipali inġenerali huwa wiesa' 10.50 metri (34.4 pied), għoli 6.40 metri (21.0 pied) u fond 11.97 metru (39.3 pied) u l-palk prinċipali fejn jittellgħu l-ispettakli huwa għoli 14-il metru (46 pied) u għandu erja totali ta' Mudell:Cvtetru kwadru (1,327.1 pied kwadru). Il-kompartiment għall-orkestra huwa għoli 2 metri (6 piedi u 7 pulzieri), wiesa' 6 piedi u 11-il pulzier, u twil 7 metri (23 pied).

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Orkestra Filarmonika tat-Teatru tal-Amażonja.

It-Teatri tal-Amażonja (it-Teatru tal-Amażonja ta' Manaus u t-Teatro da Paz ta' Belem, il-Brażil) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2026.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

It-Teatru tal-Amażonja minn ġewwa.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
  • It-teatru jidher fil-film Fitzcarraldo[5] tar-reġista Ġermaniż Werner Herzog tal-1982. Fil-bidu tal-film, il-karattru ossessjonat bl-opri Brian Sweeney "Fitzcarraldo" Fitzgerald jasal sat-teatru billi jaqdef id-dgħajsa tiegħu stess lejn it-teatru tal-opri biex jisma' lil Enrico Caruso jkanta fl-Ernani ta' Giuseppe Verdi,[6] b'Sarah Bernhardt anzjana maħduma minn sopran wara l-kwinti.
  • It-teatru jissemma darbtejn fir-rumanzi ta' Eva Ibbotson: Journey to the River Sea[7][8] u A Company of Swans. Iż-żewġ rumanzi huma stejjer tal-avventura ambjentati prinċipalment fil-belt ta' Manaus (fejn jinsab it-teatru) u fil-madwar fl-1912. Fl-ewwel ktieb (tat-tfal), kumpanija teatrali li żżur it-teatru ttella' l-ispettaklu ta' Little Lord Fauntleroy fit-teatru, li jiġi deskritt fil-qosor. Fit-tieni ktieb (taż-żgħażagħ adolexxenti) kumpanija taż-żfin klassiku ttella' l-ispettakli ta' Swan Lake, Giselle, The Nutcracker u La Fille Mal Gardee fit-teatru.
  • It-teatru jissemma fir-rumanz ta' Ann Patchett tal-2011, State of Wonder.
  • Il-film Pavarotti jiftaħ b'Luciano Pavarotti jivvjaġġa lejn it-teatru fl-1995 biex jirreplika l-ispettaklu ta' Caruso hemmhekk.
  • It-teatru jissemma fl-opra ta' Daniel Catán tal-1996 Florencia en el Amazonas bħala l-post li fih tivvjaġġa l-kantanta titolari tal-opri Florencia Grimaldi biex tagħmel kunċert.
  • Il-White Stripes tellgħu spettaklu fit-teatru fl-1 ta' Ġunju 2005. Iktar 'il quddiem l-ispettaklu nħareġ fuq rekord u bħala DVD bit-titlu Under Amazonian Lights. Ġie rrapportat bħala l-ewwel spettaklu rock fit-teatru.
  1. Reed, Drew (2015-04-14). "Manaus's opulent Amazon Theatre – a history of cities in 50 buildings, day 15" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-10.
  2. Lambert, Manon Garrigues translated by Holly (2017-04-11). "The 15 most beautiful opera houses in the world". Vogue France (bil-Franċiż). Miġbur 2026-08-10.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Amazonia Theaters". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-10.
  4. Reed, Drew (2015-04-14). "Manaus's opulent Amazon Theatre – a history of cities in 50 buildings, day 15" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-10.
  5. Herzog, Werner (2001). Herzog on Herzog. Faber and Faber. ISBN.
  6. "Art of Darkness, The Progressive, Awwissu 1982" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-05. Miġbur 2026-08-10.
  7. "And the winner is..." (bl-Ingliż). 2001-10-09. Miġbur 2026-08-10.
  8. "The CILIP Carnegie & Kate Greenaway Children's Book Awards - Press Desk". www.carnegiegreenaway.org.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-05-17. Miġbur 2026-08-10.