Teatru da Paz

It-Teatru da Paz (Teatru tal-Paċi) huwa teatru li jinsab fil-Praça da República (Pjazza tar-Repubblika) fil-belt ta' Belém, il-belt kapitali tal-istat ta' Pará, il-Brażil. Inbena b'arkitettura Neo-Klassika fl-aqwa żmien tal-industrija tal-lastiku fil-Baċir tal-Amażonja. Jitqies bħala l-iżjed bini kulturali importanti fit-Tramuntana tal-Brażil. L-isem tiegħu ġie ssuġġerit mill-isqof Dom Macedo Costa, li poġġa l-ġebla tax-xewka tat-teatru fit-3 ta' Marzu 1869.
It-Teatru da Paz ġarrab diversi alterazzjonijiet minuri fil-faċċata tiegħu matul is-snin, fosthom it-tnaqqis tal-għadd ta' kolonni fuq id-daħla prinċipali. Madankollu, il-qafas arkitettoniku tiegħu baqa' intatt. Tniżżel bħala struttura storika mill-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku (IPHAN) fl-1963, u sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO (flimkien mat-Teatru tal-Amażonja ta' Manaus) fl-2026.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru da Paz ġie ppjanat mill-inġinier José Tibúrcio Pereira Magalhães, b'xi alterazzjonijiet li żdiedu mill-Uffiċċju tal-Kostruzzjonijiet Pubbliċi. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1869 u ntemmet fl-1874, iżda t-teatru nfetaħ għall-pubbliku biss wara li saret investigazzjoni amministrattiva kontra l-bennejja tiegħu.
L-ewwel spettaklu li ttella' fit-teatru kien id-dramm ta' Adolphe d'Ennery imsejjaħ Iż-Żewġ Iltiema, fis-16 ta' Frar 1878, li ġie organizzat mill-kumpanija teatrali ta' Vicent Pontes de Oliveira. Dan l-ispettaklu baqa' jittella' fit-Teatru da Paz għal 5 snin u matul dan il-perjodu l-kumpanija teatrali kienet responsabbli wkoll għad-dwal tal-palk, għat-tiżjin, għall-koreografija u għall-oġġetti li jintużaw fuq il-palk, kif ukoll għall-organizzazzjoni inġenerali.
Skont Leandro Tocantins, it-Teatru da Paz "huwa definittivament Neo-Klassiku". Fuq kull naħa, hemm korsiji mdawra bil-kolonni u bit-taraġ li jagħtu għall-Praça da República (il-Pjazza tar-Repubblika). Hemm ukoll siġġijiet tat-tiben bl-għamla ta' nagħla. Fl-intrata hemm żewġ busti tal-irħam ta' Carrara: wieħed ta' José de Alencar u l-ieħor ta' Gonçalves Dias, li introduċew l-Indjaniżmu fil-Brażil. Fis-sala nobbli, maġenb mera tal-kristall ġganteska, għad hemm il-busti tal-maestri Carlos Gomes u Henrique Gurjão.
Fit-Teatru da Paz, Carlos Gomes tella' l-iżjed opra famuża tiegħu, O Guarani, u l-ballerina Russa Anna Pavlova żifnet ukoll fuq il-palk tat-teatru. It-tiżjin kien ippjanat mill-artist Taljan Domenico de Angelis li żejjen ukoll it-Teatru tal-Amażonja f'Manaus. Huwa pitter ukoll il-panew tas-saqaf tat-teatru, bid-divinitajiet Griegi, kif ukoll is-saqaf ta' Jover, li ntilef minħabba li daħal l-ilma u mbagħad iktar 'il quddiem ġie rrestawrat fl-1960 minn artist Taljan ieħor, Armando Baloni.
Fl-1904, matul il-gvern ta' Augusto Montenegro, erba' busti li jirrappreżentaw il-mużika, il-poeżija, il-kummiedja u t-traġedja ġew inkużi fit-tiżjin tat-Teatru da Paz. Fl-aqwa żmien tal-industrija tal-lastiku, l-iżjed kumpani liriċi famużi tad-dinja tellgħu preżentazzjonijiet f'dan it-teatru, iżda wara dik l-epoka, ġie ttraskurat u saritlu manutenzjoni ħażina.
Wara l-pittura ta' Armando Baloni, fl-1960, il-gvernatur tal-istat ta' Pará ta' dak iż-żmien, Aurélio do Carmo, żamm l-isforzi ta' restawr sal-1965, taħt l-amministrazzjoni ta' Jarbas Passarinho. It-Teatru da Paz finalment ġie rkuprat għalkollox u reġa' nfetaħ għall-pubbliku. Il-kitba "Theatro", bil-Portugiż arkajku, inżammet mal-faċċata tat-teatru. It-Teatru da Paz għadda minn rinnovazzjoni ewlenija fis-snin 90 tas-seklu 20, taħt il-gvernatur Almir Gabriel, meta ġew irrestawrati l-ilwien oriġinali tiegħu. Kien ukoll matul dik l-amministrazzjoni li bdew isiru l-Festivals tal-Opri moderni, fejn jittellgħu opri bla ħlas jew bi dħul irħis, bħal Il Barbiere di Seviglia jew O Guarani.
Il-President tal-Istitut għall-Protezzjoni tal-Wirt Storiku u Arkitettoniku tal-Brażil għażel it-Teatru da Paz bħala wieħed mill-"14-il isbaħ ġojjelli tal-wirt Brażiljan".
It-teatru joffri partenarjat ta' skambju mal-Iskola tal-Mużika tal-Università ta' Missouri f'Columbia, Missouri, l-Istati Uniti.[2]
Status protett nazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]L-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku elenka t-Teatru da Paz bħala struttura storika protetta fl-1963. It-teatru ġie inkluż fil-Ktieb tal-Opri Storiċi bħal is-sit nru 671.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatri tal-Amażonja (it-Teatru tal-Amażonja ta' Manaus u t-Teatro da Paz ta' Belem, il-Brażil) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2026.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Amazonia Theaters". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-08-10.
- ↑ "International Partnerships | School of Music - School of Music". music.missouri.edu. Miġbur 2026-08-10.
- ↑ "Belém – Teatro da Paz | ipatrimônio" (bil-Portugiż). Miġbur 2026-08-10.