Taxila
Taxila | |
---|---|
![]() | |
![]() | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Pakistan |
Province of Pakistan | Punjab |
Division of Pakistan | Diviżjoni ta' Rawalpindi |
District of Pakistan | Distrett ta' Rawalpindi |
Ġeografija | |
Koordinati | 33°44′45″N 72°47′15″E / 33.745833333333°N 72.7875°EKoordinati: 33°44′45″N 72°47′15″E / 33.745833333333°N 72.7875°E |
Demografija |
Taxila jew Takshashila (bil-Punjabi u bl-Urdu: ٹيکسلا) hija belt fir-reġjun ta' Pothohar tal-Punjab, il-Pakistan. Tinsab fit-Taxila Tehsil tad-Distrett ta' Rawalpindi, madwar 25 kilometru (16-il mil) fil-Majjistral taż-żona metropolitana ta' Islamabad–Rawalpindi u fin-Nofsinhar tad-Distrett ta' Haripur ta' Khyber Pakhtunkhwa.
Il-belt l-antika ta' Taxila ġiet stabbilita matul il-perjodu Vediku u għal xi żmien kienet il-belt kapitali ta' Gandhāra tal-qedem. Kienet tinsab max-xatt tal-Lvant tax-xmara Indus — salib it-toroq importanti tas-subkontinent Indjan u tal-Asja Ċentrali; x'aktarx li ġiet stabbilita għall-ħabta tal-1000 Q.K. Takshashila u Pushkalavati baqgħu bliet prominenti f'Gandhāra matul il-perjodu tal-Mahajanapadas. Iktar 'il quddiem il-belt inħakmet mill-Imperu tal-Akemenidi u ġiet inkorporata fis-satrap ta' Hindush, bejn il-550 u t-326 Q.K. Fit-326 Q.K., il-belt ittieħdet minn Alessandru Manju, wara li għeleb lill-Akemenidi, li kiseb il-kontroll tal-belt mingħajr battalja peress li l-belt ġiet ċeduta minnufih lill-Imperu Maċedonu. Suċċessivament dan l-imperu kien segwit mill-Mawrjani (~317 Q.K. – ~200 Q.K.), l-Indo-Griegi (~200 Q.K. – ~55 Q.K.), l-Indo-Xitjani (~80 Q.K – ~30 W.K.), u mill-Imperu Kuxan (~ 30 W.K. – ~375 W.K.), li qered il-belt eżistenti fis-seklu 1 W.K., biex jibni l-belt tiegħu f'sit fit-Tramuntana tal-fdalijiet. Minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha, Taxila għaddiet minn taħt diversi tmexxijiet kemm-il darba matul is-sekli, peress li bosta riedu jkollhom il-kontroll tagħha. Meta r-rotot kummerċjali l-kbar tal-qedem li kienu jikkollegaw dawn ir-reġjuni ma baqgħux importanti, il-belt qabdet it-triq tan-niżla u finalment inqerdet fis-seklu 5 mill-invażjonijiet tal-Unni. F'nofs is-seklu 19 taħt l-Indja Brittanika, il-fdalijiet ta' Taxila tal-qedem ġew skoperti mill-ġdid mill-arkeologu Brittaniku Alexander Cunningham u ġew skavati b'mod estensiv minn Sir John Marshall. Fl-1980 il-fdalijiet tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Skont xi sorsi, l-università ta' Taxila tal-qedem titqies bħala waħda mill-iżjed universitajiet jew ċentri edukattivi bikrin fin-Nofsinhar tal-Asja. Studjużi oħra ma jqisux li kienet università skont it-tifsira moderna, peress li l-għalliema li kienu jgħixu hemmhekk x'aktarx li ma kellhomx sħubija uffiċjali f'fakultajiet partikolari, u milli jidher ma kinux jeżistu swali apposta u kwartier residenzjlai fil-belt għall-istudenti. F'rapport tal-2010, il-Fond tal-Wirt Globali identifika lil Taxila bħala wieħed minn 12-il sit dinji li kienu jinsabu f'qagħda ta' telf u ħsara irreparabbli, u ġew ikkwotati n-nuqqas ta' ġestjoni, il-pressjoni tal-iżvilupp, is-serq, u l-kunflitt armat bħala t-theddidiet primarji. Madankollu, minn dak iż-żmien saru sforzi sinifikanti ta' preservazzjoni mill-gvern tal-Pakistan, u dawn irriżultaw fil-kategorizzazzjoni mill-ġdid tas-sit bħala "ppreservat sew" f'diversi pubblikazzjonijiet internazzjonali. Bis-saħħa tal-isforzi estensivi ta' preservazzjoni u ta' żamma, Taxila saret waħda mill-attrazzjonijiet turistiċi popolari fil-Punjab, u tattira sa miljun turist fis-sena.

Fil-qedem, Taxila kienet magħrufa bħala Takṣaśilā bis-Sanskrit u bħala Takkhasilā bil-Pali. Isem il-belt bis-Sanskrit ifisser "Belt Imħaffra mill-Ġebel" jew "Blat ta' Taksha", b'referenza għal ġrajja fir-Ramayana li tgħid li l-belt ġiet stabbilita minn Bharata, ħu ż-żgħir tad-divinità Induista Rama, u ssemmiet f'ġieħ iben Bharata, Taksha.
Madankollu, isem il-belt moderna oriġina mill-isem bil-Grieg Antik imsemmi fil-Ġeografija ta' Tolomew. It-traskrizzjoni bil-Grieg ta' Taxila maż-żmien ingħatat preferenza universalment, u ż-żewġ ismijiet bis-Sanskrit u bil-Pali ma baqgħux jintużaw.
Faxian, pellegrin Buddist Ċiniż li żar il-belt tul it-Triq tal-Ħarir, kien sostna li isem il-belt ifisser "ras maqtugħa". Bl-għajnuna ta' Jataka, huwa interpreta s-sit bħala l-post fejn Gautama Buddha — matul twelid preċedenti bħala Pusa jew Chandaprabha — qata' rasu biex jitma' iljun bil-ġuħ. Din it-tradizzjoni għadha tippersisti u ż-żona quddiem Sirkap (li tfisser ukoll "ras maqtugħa"), li fis-seklu 19 kienet magħrufa bħala Babur Khana ("Dar it-Tigra"), talludi għall-post fejn Gautama Buddha kien offra rasu. Barra minn hekk, katina ta' għoljiet lejn in-Nofsinhar tal-Wied ta' Taxila tissejjaħ Margala (li litteralment tfisser "gerżuma mħanxra").
Sorsi tradizzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]F'testi Vediċi bħax-Shatapatha Brahmana, jissemma li l-filosfu Vediku Uddalaka Aruni (għall-ħabta tas-seklu 7 Q.K.) kien ivvjaġġa lejn ir-reġjun ta' Gandhara. F'testi Buddisti ta' wara, il-Jataka tas-sekli 4-3 Q.K., ġie speċifikat li Taxila kienet il-belt fejn Aruni u ibnu Shvetaketu kienu ngħataw l-edukazzjoni tagħhom.
Waħda mill-iżjed tismijiet bikrin ta' Taxila hija fl-Aṣṭādhyāyī ta' Pāṇini, dokument dwar il-grammatika tas-Sanskrit li jmur lura għas-seklu 4 Q.K.
Il-biċċa l-kbira tal-ġrajja epika Induista tal-Mahabharata hija taħdita bejn Vaishampayana (student tal-għaref Vyasa) u r-Re Janamejaya. Tradizzjonalment huwa maħsub li l-ġrajja ġiet irrakkontata l-ewwel darba minn Vaishampayana skont il-kmand ta' Vyasa waqt l-għoti ta' serp bħala sagrifiċċju minn Janamejaya f'Takshashila. Preżenti kien hemm ukoll Ugrashravas, nomadu li kien jirrakkonta l-ġrajjiet, li iktar 'il quddiem irrakkonta l-ġrajja lil grupp ta' patrijiet f'ashram fil-Foresta ta' Naimisha u minn hemm il-ġrajja baqgħet tinfirex iktar. L-eredi tar-Renju Kuru, Parikshit (in-neputi ta' Arjuna) jingħad li tela' fuq it-tron f'Takshashila.
Ir-Ramayana tiddeskrivi lil Takshashila bħala belt grandjuża famuża għall-ġid tagħha u li ġiet stabbilita minn Bharata, ħu ż-żgħir ta' Rama. Bharata, li stabbilixxa wkoll il-belt ta' Pushkalavati fil-qrib, poġġa liż-żewġ ulied subien tiegħu, Taksha u Pushkala, bħala l-mexxejja taż-żewġ bliet.
Fil-Jataka Buddisti, Taxila tiġi deskritta bħala l-belt kapitali tar-renju ta' Gandhara u bħala ċentru kbir tat-tagħlim b'għalliema famużi mad-dinja kollha. Il-Jataka jsemmu istituzzjonijiet u għalliema mhux Buddisti f'Taxila. Dawn juru l-predominanza tad-dixxipli Vediċi u tekniċi, fosthom id-dritt, il-mediċina u x-xjenza militari. Il-Jataka ta' Takkasila, magħrufa iktar bħala l-Jataka ta' Telapatta, tirrakkonta l-ġrajja ta' prinċep ta' Benares li jingħad li se jsir ir-re ta' Takkasila jekk jirnexxilu jasal fil-belt fi żmien sebat ijiem mingħajr ma jiġi attakkat mill-yakshinis fil-foresta. Skont id-Dipavamsa, wieħed mir-rejiet bikrin ta' Taxila kien Kshatriya magħruf bħala Dipankara u warajh laħqu t-tnax-il ulied u n-neputijiet subien tiegħu. Kuñjakarṇa, imsemmi fl-Avadanakalpalata, huwa re ieħor assoċjat mal-belt.
Ġainiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Takshashila kienet assoċjata mill-qrib mal-Ġainiżmu. Skont it-tradizzjoni tal-Ġainiżmu, Rishabhanatha, l-ewwel Tirthankara, għadda t-tmexxija tar-reġjun ta' Ayodhya f'idejn ibnu Bharata u t-tmexxija tar-reġjun ta' Takshashila lil ibnu Bahubali.
Skon it-testi kanoniċi Śvetāmbara tal-Ġainiżmu Āvaśyaka Cūrṇi u Āvaśyaka Niryukti, Tirthankara Rishabhanatha żar Takshashila waqt l-ivvjaġġar tiegħu wara li sar patri miljuni ta' snin ilu. Mal-wasla tiegħu, Bahubali, li ma kienx fil-belt dak il-ħin, reġa' lura malajr lejn il-belt, iżda Rishabhanatha kien laħaq ġa telaq qabel il-wasla ta' Bahubali. Il-marki ta' saqajh sussegwentement ġew ikkonsagrati minn Bahubali li stabbilixxa tron u dharmachakra ("rota tad-dritt") fuqhom b'għoli u b'ċirkonferenza ta' diversi mili. Il-Vividha Tirtha Kalpa tas-seklu 14 isemmi dan l-istabbiliment:
"तक्षशिलायां बाहुबलीविनिर्मितं धर्मचक्रम् ॥" - Ācārya Jinaprabhāsūri fil-"Vividha Tirtha Kalpa" (p. 85).
Skont it-test kanoniku tal-Ġainiżmu Mahanishith Sutra, id-Dharmachakra Tirtha stabbilit minn Bahubali huwa rikonoxxut bħala rappreżentazzjoni taċ-Chandraprabha, u t-tismija ta' Takshashila wkoll bħala "Dharmachakra Bhumi", timmarka l-importanza tal-belt bħala ċentru tal-Ġainiżmu.
Filwaqt li hemm informazzjoni limitata dwar il-perjodu suċċessiv, huwa magħruf li matul l-era Medjevali, Takshashila ffaċċjat sfidi minħabba l-proliferazzjoni ta' axxetiċi frawdolenti u nuqqas ta' sussitenza xierqa, u dan wassal għal restrizzjonijiet fil-konfront tal-axxetiċi tal-Ġainiżmu li kienu jinsabu fir-reġjun, kif iddokumentat f'sitt testi antiki tal-Ġainiżmu magħrufa bħala ċ-Chedasūtras.
L-Imperatur Samprati bena tempju tal-Ġainiżmu magħruf bħala "Kunala Stupa" f'ġieħ missieru Kunala. Matul ir-renju ta' Samprati, il-preżenza tal-patrijiet tal-Ġainiżmu żviluppat bil-kbir, u iktar 'il quddiem kienet tinkludi dan ir-reġjun ukoll.
Skont il-Prabhavakacharita, sas-seklu 2-3 W.K., kien hemm madwar 500 tempju tal-Ġainiżmu f'Takshashila, u kienet okkupata minn għadd sinifikanti ta' fidili tal-Ġainiżmu. Madankollu, pesta devastanti affettwat il-belt, u din wasslet għal ħafna mwiet u kaos. Il-komunità tal-Ġainiżmu bagħtet Sravaka jismu Virchand lejn Nadol, li spjega t-tbatija tagħhom lil Acharya Manadevasuri. Suri ħejja l-"Laghu Shanti Stava", u ddikjara li jekk tiġi moqrija bil-fomm il-pesta kienet se tittaffa. Wara li nqrat, il-pesta battiet fi żmien ftit jiem. Madankollu, fit-tielet sena, it-Torok qerdu l-belt.
Skont ix-"Shatrunjaya Mahatmya" ta' Acharya Dhaneswarasuri, Javad Shah, merkant minn Mahuva, ħa ħsieb ir-rinnovazzjoni tat-tempji Palitana fil-Vikrama Samvat 108. Huwa ħa xbieha ta' Rishabhanatha minn Takshashila u stabbiliha bħala d-divinità prinċipali fis-santwarju ewlieni fost it-tempji Shatrunjaya.
L-iskavi f'Takshashila jappoġġaw dawn it-tradizzjonijiet. Dr. Sir John Marshall innota li r-rejiet Indo-Griegi spostaw il-belt mill-pożizzjoni ffortifikata li kellha fl-imgħoddi u insedjawha f'Sirkap matul is-snin bikrin tas-seklu 2 Q.K. Il-belt baqgħet abitata matul il-perjodi Griegi, Shaka, Pahlava u Kuxan. Bosta tempji żgħar u kbar ġew skoperti tul it-triq prinċipali ta' Sirkap. Dr. Marshall ikkonkluda li t-tempji fil-blokok "F" u "G" ta' Sirkap huma tempji tal-Ġainiżmu minħabba x-xebħ arkitettoniku tagħhom ma' Kankali Tila, stupa tal-Ġainiżmu, li tinsab f'Mathura. Fil-blokka "G", li tinsab fuq in-naħa tal-lemin tat-triq prinċipali, instabu bosta fdalijiet ta' binjiet kbar, ikkaratterizzati mill-preżenza ta' tempji żgħar biswit dawn l-istrutturi, li kienu aċċessibbli għad-devoti. Din l-evidenza tappoġġa ferm il-ġrajjiet tat-tradizzjoni tal-Ġainiżmu li Takshashila kienet ċentru sinifikanti tal-Ġainiżmu.
Insedjament bikri
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun madwar Taxila ġie insedjat fin-Neolitiku, u xi fdalijiet f'Taxila jmorru lura għall-1000 Q.K. Ġew skoperti wkoll fdalijiet fl-inħawi li jmorru lura għall-perjodu bikri ta' Harappa ta' madwar l-1300 Q.K., għalkemm eventwalment l-inħawi ġew abbandunati wara l-kollass taċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus.
L-iżjed okkupazzjoni insedjata bikrija fil-Wied ta' Taxila nstabet f'Sarai Khola, madwar 2 kilometri fil-Lbiċ tal-Mużew ta' Taxila, fejn tliet datazzjonijiet bir-radjukarbonju mill-Perjodu I jissuġġerixxu li s-sit ġie okkupat għall-ewwel darba bejn l-aħħar tar-raba' millenju u l-bidu tat-tielet millenju Q.K., b'depożiti ta' ġebel illostrat, xfafar u tip partikolari ta' bċejjeċ tal-fuħħar li juru sinjali ċari tal-użu ta' qfief minsuġin fil-proċess tal-manifattura u l-applikazzjoni ta' taħlita mal-wiċċ estern tagħhom.
Milli jidher il-Perjodi IA u II f'Sarai Khola juru kontinwità mill-Perjodu I, u tfaċċaw il-bċejjeċ tal-fuħħar ħomor. Madankollu, l-oġġetti bl-istil ta' Kot Diji nstabu f'għadd ferm ikbar, u juru sinjali ta' intornjar, xi ħaġa li turi bidla teknoloġika ċara mill-materjal tal-Perjodu I. Ittieħdu seba' datazzjonijiet bir-radjukarbonju mill-Perjodu II/Kot Diji, u milli jidher juru li din il-fażi tmur lura għal nofs it-tielet millenju sal-bidu tat-tieni millenju Q.K.
Renju Gandhāra
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Renju ta' Gandhara kien renju Indo-Arjan tal-qedem tal-Punent u tan-Nofsinhar tal-Asja li nstab li kien jeżisti matul Żmien il-Ħadid. Il-belt kapitali tar-renju kienet tinsab f'Taxila. L-ewwel insedjament ewlieni f'Taxila, fit-tumbata ta' Hathial, ġiet stabbilita għall-ħabta tal-1000 Q.K. Sad-900 Q.K., il-belt diġà kienet involuta fil-kummerċ reġjonali, kif joħroġ fid-dieher mill-bċejjeċ tal-fuħħar skoperti li juru r-rabtiet kummerċjali bejn il-belt u Puṣkalāvatī.
Iktar 'il quddiem, Taxila kienet abitata fit-Tumbata ta' Bhir, li nstab li tmur lura għall-ħabta tat-800 u l-525 Q.K. u f'dawn is-saffi bikrin instabu bċejjeċ tal-fuħħar ħomor u b'linji mnaqqxin.
Imperu tal-Akemenidi
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskavi arkeoloġiċi juru li l-belt jaf kibret ferm matul ir-renju tal-Imperu Persjan tal-Akemenidi fis-seklu 6 Q.K. Fil-516 Q.K., Darius I vara kampanja militari biex jaħkem l-Asja Ċentrali, Ariana u Bactria, qabel ma mmarċja lejn it-territorji li issa huma l-Afganistan u t-Tramuntana tal-Pakistan. L-Imperatur Darius qatta' x-xitwa tal-516-515 Q.K. fir-reġjun ta' Gandhara madwar Taxila, ħejja ruħu biex jaħkem il-Wied ta' Indus, irnexxielu jagħmel dan fil-515 Q.K., u mbagħad ħatar lil Scylax ta' Caryanda biex jesplora l-Oċean Indjan mill-bokka tax-xmara Indus sal-Kanal ta' Suez. Imbagħad Darius irritorna lejn il-Persja mill-Mogħdija Muntanjuża ta' Bolan. Ir-reġjun baqa' taħt it-tmexxija Akemenida taħt ir-renju ta' Xerxes I, u baqa' taħt it-tmexxija tal-Akemenidi għal iktar minn seklu.
Taxila xi kultant kienet immexxija bħala parti mir-Renju ta' Gandhara (li l-belt kapitali tiegħu kienet Pushkalavati), b'mod partikolari wara l-perjodu tal-Akemenidi, iżda Taxila xi kultant kienet tifforma parti minn distrett jew belt-stat indipendenti.
Imperu Ellenistiku
[immodifika | immodifika s-sors]
Waqt l-invażjoni tiegħu tal-Wied ta' Indus, Alessandru Manju rnexxielu jikseb il-kontroll ta' Taxila (bil-Grieg Antik: Τάξιλα) fit-326 Q.K. mingħajr battalja, peress li l-belt ġiet ċeduta mill-mexxej tagħha, ir-Re Omphis (Āmbhi). L-istoriċi Griegi li akkumpanjaw lil Alessandru ddeskrivew lil Taxila bħala "għanja, prospera, u ggovernata sew". Arrian jikteb li Alessandru ntlaqa' miċ-ċittadini tal-belt, u offra sagrifiċċji u ċċelebra kompetizzjoni ġinnastika u ekwestri hemmhekk.
Mal-mewt ta' Alessandru fit-323 Q.K., il-provinċja u l-biċċa l-kbira ta' dawk li qabel kienu territorji tal-Akemenidi għaddew għand il-ġeneral tiegħu Seleucus I Nicator u l-fundatur tal-imperu suċċessur tas-Selewċidi.
Imperu Mawrjan
[immodifika | immodifika s-sors]Sat-303 Q.K., is-satrapi tal-Imperu tas-Selewċidi fin-Nofsinhar tal-Asja ġew annessi formalment mal-Imperu Mawrjan li kien qed jespandi, wara l-gwerra bejn is-Selewċidi u l-Mawrjani, u l-belt kapitali provinċjali u ċ-ċentru tal-edukazzjoni għolja f'Taxila sfaw taħt il-kontroll ta' Chandragupta Maurya. Il-konsulent tiegħu, Kautilya/Chanakya, jingħad li għallem fl-università ta' Taxila. Taħt ir-renju ta' Ashoka l-Kbir, in-neputi ta' Chandragupta, il-belt saret is-sede l-kbira tat-tagħlim Buddist, għalkemm fil-belt seħħet ribelljoni żgħira matul dan iż-żmien.
Taxila ġiet stabbilita f'pożizzjoni strateġika tul l-"Awtostrada Rjali" tal-qedem li kienet tikkollega l-belt kapitali Mawrjana f'Pataliputra, Bihar, ma' Peshawar tal-qedem, Puṣkalāvatī, u lil hinn lejn l-Asja Ċentrali minn Kashmir, Bactria, u Kāpiśa. B'hekk Taxila għaddiet minn tmexxija għall-oħra bosta drabi matul is-sekli, u bosta imperi ssieltu ma' xulxin għall-kontroll tagħha.
Renji Indo-Griegi, Indo-Xitjani u Indo-Partiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 2 Q.K., Taxila ġiet annessa mir-renju Indo-Grieg ta' Bactria. L-Indo-Griegi bnew belt kapitali ġdida, Sirkap, fuq in-naħa l-oħra tax-xatt tax-xmara minn Taxila. Matul dan il-perjodu ġdid tat-tmexxija Griega ta' Bactria, diversi dinastiji (bħal Antialcidas) x'aktarx li rrenjaw mill-belt bħala l-belt kapitali tagħhom. Matul il-perjodi ta' tmexxija Griega, il-belt kienet tmexxi sew waħedha, u kien jirnexxilha tikkontrolla diversi xirkiet kummerċjali lokali b'mod indipendenti, li zzekkaw ukoll il-biċċa l-kbira tal-muniti awtonomi tal-belt. Għall-ħabta tas-seklu 1 Q.K. jew is-seklu 1 W.K., re Indo-Xitjan jismu Azilises kellu tliet zekki, u waħda minnhom kienet tinsab f'Taxila, u din izzekkat muniti b'leġġendi Griegi u Kharoṣṭhī fuq in-naħa ta' wara tagħhom.
L-aħħar re Grieg ta' Taxila ngħeleb mill-kap Indo-Xitjan, Maues, għall-ħabta tad-90 Q.K. Gondophares, il-fundatur tar-Renju Indo-Partiku, ħakem Taxila għall-ħabta tal-20 Q.K., u lil Taxila għamilha l-belt kapitali tiegħu. Skont il-leġġenda Kristjana bikrija, San Tumas l-Appostlu żar lil Gondophares IV għall-ħabta tas-46 W.K., x'aktarx f'Taxila peress li kienet il-belt kapitali ta' Gondophares.
Imperu Kuxan
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ħabta tal-50 W.K., il-filosfu Neo-Pitagorjan Grieg Apollonju ta' Tyana allegatament żar Taxila, skont id-deskrizzjoni tal-bijografu tiegħu, Philostratus, li kiteb xi 200 sena wara, li l-belt kienet waħda ffortifikata u stabbilita bi pjanta simetrika, b'daqs simili għal ta' Nineveh. L-arkeoloġija moderna tikkonferma din id-deskrizzjoni. Kitbiet imnaqqxin li jmorru lura għas-76 W.K. juru li l-belt sfat taħt it-tmexxija Kuxana sa dak iż-żmien, wara li l-belt inħakmet mill-Partiċi permezz ta' Kujula Kadphises, il-fundatur tal-Imperu Kuxan. Il-mexxej Kuxan kbir Kanishka iktar 'il quddiem stabbilixxa lil Sirsukh, l-iżjed reċenti fost l-insedjamenti tal-qedem f'Taxila.
Imperu Gupta
[immodifika | immodifika s-sors]F'nofs is-seklu 4 W.K., l-Imperu Gupta okkupa t-territorji fil-Lvant ta' Gandhara, u stabbilixxa postazzjoni ta' Kumaratya f'Taxila. Il-belt saret magħrufa sew għar-rabtiet kummerċjali tagħha, fosthom il-ħarir, is-sandlu, iż-żwiemel, il-qoton, l-oġġetti tal-fidda, il-perli u l-ħwawar. Matul dan iż-żmien il-belt issemmiet ħafna fil-letteratura Indjana klassika – kemm bħala ċentru tal-kultura kif ukoll bħala belt militarizzata tal-fruntiera.
L-università ta' Taxila kienet għadha teżisti matul il-vjaġġi tal-pellegrin Ċiniż Faxian, li żar Taxila għall-ħabta tal-400 W.K. Huwa kiteb li isem Taxila seta' jiġi tradott bħala "Ras Maqtugħa", u li l-belt kienet is-sit ta' ġrajja fil-ħajja tal-Buddha "fejn offra rasu lil iljun".
Deklin
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa magħruf li l-Kidariti, il-vassalli tal-Imperu tal-Heftaliti, invadew Taxila għall-ħabta tal-450 W.K. Għalkemm l-attakk ġie difiż mill-Imperatur Skandagupta tal-Imperu Gupta, il-belt qatt ma rkuprat, x'aktarx minħabba l-preżenza qawwija tal-Unni fl-inħawi, l-isfaxxar tal-kummerċ kif ukoll il-gwerra bejn il-Persja, l-Istat tal-Kidariti u l-Unni fil-Punent ta' Gandhara.
L-Unni Bojod u l-Unni Alchon għamlu ħerba f'Gandhāra u fil-Punjab għall-ħabta tal-470 W.K., u qerdu l-monasteri u l-istupi Buddisti famużi ta' Taxila, daqqa ta' ħarta kbira li l-belt qatt ma rkuprat minnha. Mill-500 W.K. sal-540 W.K., il-belt qabdet it-triq tan-niżla wara li sfat taħt il-kontroll tal-Imperu tal-Unni mmexxi minn Mihirakula. Mihirakula mexxa parti mill-qerda ta' xi siti u monasteri Buddisti kif ukoll ta' xi tempji Induisti madwar ir-reġjuni tal-Majjistral tas-subkontinent Indjan.
Xuanzang żar l-Indja bejn is-629 u s-645 W.K. Huwa żar Taxila li kienet fi stat abbandunat u ta' fdalijiet fis-630 W.K., u sab il-biċċa l-kbira tas-sangharamas fi stat ta' fdalijiet u mitluqin. Kien għad fadal xi ftit patrijiet biss preżenti hemmhekk. Huwa jżid li r-renju kien sar dipendenza ta' Kashmir u li l-mexxejja lokali kienu qed jiġġieldu bejniethom għall-poter. Huwa indika li fl-imgħoddi ġiet soġġetta għal xi żmien għal Kapisa. Sas-seklu 9, il-belt saret dipendenza tax-Shahis ta' Kabul. Id-dinastija Shahi Torka ta' Kabul ġiet sostitwita mid-dinastija Shahi Induista li ġiet megħluba minn Mahmud ta' Ghazni permezz tat-telfa ta' Trilochanpala.
Ir-re ta' Al-Usaifan matul ir-renju ta' Al-Mu'tasim jingħad li kien ikkonverta għall-Iżlam bis-saħħa ta' Al-Biladhuri u abbanduna l-fidi antika tiegħu minħabba l-mewt ta' ibnu minkejja li kellu patrijiet ta' tempju jitolbu għall-fejqan tiegħu. Peress li jingħad li Al-Usaifan kienet tinsab bejn Kashmir, Multan u Kabul, din tiġi identifikata minn xi awturi mar-renju ta' Taxila.
Ċentru tat-tagħlim
[immodifika | immodifika s-sors]Skont xi rakkonti, Taxila kienet titqies bħala waħda mill-iktar universitajiet bikrin (jew l-iktar waħda bikrija) fid-dinja. L-iskola kienet tikkonsisti minn diversi monasteri mingħajr dormitorji jew swali tat-tagħlim kbar fejn it-tagħlim reliġjuż kien jiġi pprovdut fuq bażi individwalistika. Oħrajn ma jqisuhiex bħala università skont it-tifsira moderna, peress li l-għalliema li kienu jgħixu hemmhekk jaf ma kellhomx sħubija uffiċjali ta' xi fakultà partikolari, u milli jidher ma kinux jeżistu swali apposta għat-tagħlim u kwartieri residenzjali apposta għat-tagħlim f'Taxila, b'kuntrast mal-università li ġiet wara ta' Nalanda fil-Lvant tal-Indja.
Taxila saret magħrufa bħala ċentru tat-tagħlim (inkluż it-tagħlim reliġjuż tar-reliġjon Vedika storika u tal-Buddiżmu) mill-inqas diversi sekli Q.K., u baqgħet tattira lill-istudenti minn madwar id-dinja sal-qerda tagħha fis-seklu 5. Ġie ssuġġerit li fl-aqwa tagħha, Taxila kienet donnha "sovranità intellettwali" fuq ċentri oħra tat-tagħlim fl-Indja u kellha x'taqsam l-iktar mal-edukazzjoni għolja mhux elementari. Ġeneralment, student kien imur jistudja Taxila tal-età ta' sittax-il sena. L-iżjed skritturi tal-qedem u rinomati, u t-Tmintax-il Silpa jew Arti, li kienu jinkludu ħiliet bħall-arċerija, il-kaċċa u l-għarfien dwar l-iljunfanti, kienu jiġu mgħallma, flimkien mad-dritt, il-mediċina u x-xjenza militari. L-istudenti kienu jmorru jistudjaw f'Taxila minn postijiet imbiegħda ħafna bħal Kashi, Kosala u Magadha, minkejja l-vjaġġ twil u diffiċli involut, sabiex jitgħallmu mill-eċċellenza tal-għalliema ta' hemmhekk, li kollha kienu magħrufa bħala awtoritajiet fis-suġġetti rispettivi tagħhom. L-istudju f'Takshashila ma kienx limitat biss għall-istudenti tal-klassi tal-elit, iżda xi evidenza turi li l-ulied subien tar-rejiet, tan-nobbli, tal-merkanti, tal-ħajjata u saħansitra tas-sajjieda kienu jingħataw l-edukazzjoni tagħhom f'Takshashila.
Studenti u għalliema notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Taxila kellha influwenza kbira fuq il-kultura Induista u fuq is-Sanskrit bħala lingwa. X'aktarx hija magħrufa l-iktar għall-assoċjazzjoni tagħha ma' Chanakya, magħruf ukoll bħala Kautilya, li kien l-istratega li ggwida lil Chandragupta Maurya u għen fl-istabbiliment tal-Imperu Mawrjan. Il-fejjieq Ajurvediku Charaka studja wkoll f'Taxila. Iktar 'il quddiem huwa beda jgħallem ukoll f'Taxila. Pāṇini, il-grammatiku li kkodifika r-regoli li mbagħad wasslu għad-definizzjoni tas-Sanskrit Klassiku, kien jagħmel parti wkoll mill-komunità f'Taxila.
Jīvaka, it-tabib tal-qorti tal-Imperatur Bimbisara tal-Imperu Magadha li darba fejjaq lil Gautama Buddha, u l-mexxej ta' Kosala li kien jappoġġa l-Buddiżmu, Prasenajit, huma wħud mill-personalitajiet importanti msemmijin fit-testi bil-Pali li studjaw f'Taxila.
L-ebda awtorità esterna bħal rejiet jew mexxejja lokali ma ssoġġettaw l-attivitajiet skolastiċi f'Taxila għall-kontroll tagħhom. Kull għalliem ifforma l-istituzzjoni tiegħu stess, u kien igawdi minn awtonomija sħiħa f'xogħlu, u kien jgħallem lill-ammont ta' studenti li ried u s-suġġetti li xtaq mingħajr ma kellu għalfejn jikkonforma ma' xi sillabu ċentralizzat. L-istudju kien jintemm meta l-għalliem kien ikun sodisfatt mil-livell ta' kisbiet tal-istudent. Inġenerali, l-ispeċjalizzazzjoni f'suġġett kienet iddum madwar 8 snin, għalkemm dan il-perjodu seta' jittawwal jew jitqassar f'konformità mal-ħiliet intellettwali u d-dedikazzjoni tal-istudent inkwistjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-"iskejjel" kienu jinsabu fi ħdan id-djar privati tal-għalliema, u xi kultant l-istudenti kienu jingħataw il-parir li jtemmu l-istudji tagħhom jekk ma kinux ikunu kapaċi jadattaw għall-atmosfera soċjali, intellettwali u morali ta' hemmhekk.
L-għarfien kien meqjus wisq sagru biex jitħallas bil-flus, u b'hekk kwalunkwe stipulazzjoni li kellhom jitħallsu xi miżati kienet ikkundannata ferm. L-appoġġ finanzjarju kien jiġi mis-soċjetà inġenerali, kif ukoll mill-merkanti sinjuri u mill-ġenituri għonja. Għalkemm l-għadd ta' studenti li kienu jistudjaw taħt Guru wieħed xi kultant kien jilħaq il-mijiet, l-għalliema ma kinux jiċħdu l-edukazzjoni anke jekk student kien ikun fqir; kienu jiġu pprovduti tagħlim u akkomodazzjoni mingħajr ħlas, u l-istudenti kellhom jagħmlu xi xogħol manwali fl-unità domestika. L-istudenti li kienu jħallsu, bħall-prinċpijiet, kienu jiġu mgħallma binhar, filwaqt li dawk li ma kinux iħallsu kienu jiġu mgħallma billejl. Id-dakshina għall-Guru kienet tiġi mistennija mat-tlestija tal-istudji tal-istudent, iżda essenzjalment kienet tkun sempliċi turija ta' rispett u ħajr; ħafna drabi ma kienet tkun xejn iktar minn turban, par sandli, jew umbrella. F'każijiet ta' studenti foqra li lanqas kienu jifilħu jixtru dawk l-affarijiet, dawn setgħu jistaqsu lir-re, li mbagħad kien jintervjeni f'isimhom u jipprovdi xi ħaġa. Jekk ma kienx jagħmel dan għal xi student fqir, dan kien jitqies bħala tebgħa kbira fir-reputazzjoni tar-re.
L-eżamijiet kienu jitqiesu bħala superfluwi, u ma kinux jitqiesu bħala parti mir-rekwiżiti biex wieħed ilesti l-istudji tiegħu. Il-proċess tat-tagħlim kien kritiku u rigoruż; sakemm l-istudent ma kienx ikollu ħakma tajba ta' unità partikolari, dan ma kienx jitħalla jgħaddi għall-unità li jmiss. L-ebda konvokazzjoni ma kienet issir mat-tlestija tal-istudji, u ma kinux jingħataw "lawrji" bil-miktub, peress li t-twemmin kien li l-għarfien fih innifsu kien il-premju. L-użu tal-għarfien biex wieħed jaqla' l-għajxien tiegħu jew għal xi għan egoist kien jitqies bħala sagrileġġ.
L-istudenti li kienu jaslu f'Taxila normalment kienu jkunu temmew l-edukazzjoni primarja tagħhom id-dar (sal-età ta' 8 snin), u l-edukazzjoni sekondarja tagħhom fl-Ashrams (tal-età ta' bejn 8 snin u 12-il sena), u għaldaqstant kienu jmorru lejn Taxila l-iktar biex jiksbu l-għarfien speċjalizzat f'dixxiplini speċifiċi.
Fdalijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-siti ta' għadd ta' bliet importanti msemmijin f'testi Indjani tal-qedem ġew identifikati mill-istudjużi fil-bidu tas-seklu 19. Madankollu, il-belt mitlufa ta' Taxila ma ġietx identifikata qabel l-1863-1864. L-identifikazzjoni tagħha kienet diffiċli parzjalment minħabba żbalji fid-distanzi rreġistrati minn Plinju fin-Naturalis Historia tiegħu li kienu jindikaw post xi mkien fix-xmara Haro, jumejn bogħod bil-mixi mill-Wied ta' Indus. Alexander Cunningham, il-fundatur u l-ewwel direttur ġenerali tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, innota li din il-pożizzjoni ma kinitx taqbel mad-deskrizzjonijiet ipprovduti fl-itinerarji tal-pellegrini Ċiniżi u b'mod partikolari ta' Xuanzang, il-patri Buddist tas-seklu 7. Għad-differenza ta' Plinju, dawn is-sorsi indikaw li l-vjaġġ lejn Taxila mill-Wied ta' Indus kien ta' tlett ijiem u mhux jumejn. L-esplorazzjonijiet sussegwenti ta' Cunningham fl-1863–1864 ta' sit f'Shah-dheri kkonvinċewh li l-ipoteżi tiegħu kienet korretta.
Issa bħala Hwen Thsang, mar-ritorn tiegħu lejn iċ-Ċina, kien akkumpanjat minn iljunfanti mgħobbija, il-vjaġġ ta' tlett ijiem tiegħu minn Takhshasila lejn il-Wied ta' Indus f'Utakhanda, jew Ohind, bilfors kellu jkun tal-istess tul ta' dak taż-żminijiet moderni, u b'konsegwenza ta' dan, wieħed għandu jfittex is-sit tal-belt xi mkien fl-inħawi ta' Kâla-ka-sarâi. Dan is-sit jinstab qrib Shah-dheri, mil biss lejn il-Grigal ta' Kâla-ka-sarâi, fil-fdalijiet estensivi ta' belt iffortifikata, li madwarha rnexxieli nsib it-traċċi ta' mhux inqas minn 55 stupa, li minnhom tnejn huma kbar daqs Manikyala tope, 28 monasteru, u disa' tempji. — Alexander Cunningham.[2]
Is-siti arkeoloġiċi ta' Taxila jinsabu qrib il-belt moderna ta' Taxila, madwar 35 kilometru (22 mil) fil-Grigal tal-belt ta' Rawalpindi. Is-siti ġew skavati għall-ewwel darba minn John Marshall, li ħadem f'Taxila għal perjodu ta' 20 sena mill-1913.

Is-sit arkeoloġiku kbir jinkludi fdalijiet Neolitiċi li jmorru lura għat-3360 Q.K., u fdalijiet bikrin ta' Harappa li jmorru lura għall-2900–2600 Q.K. f'Sarai Kala. Madankollu, Taxila hija famuża l-iktar għall-fdalijiet ta' diversi insedjamenti, u l-iżjed wieħed bikri kien imur lura għall-ħabta tal-1000 Q.K. Hija magħrufa wkoll għall-kollezzjoni ta' monumenti reliġjużi Buddisti, inkluż l-istupa ta' Dharmarajika, il-monasteru ta' Jaulian, u l-monasteru ta' Mohra Muradu.
Il-fdalijiet prinċipali ta' Taxila jinkludu erba' bliet ewlenin, kull waħda ta' perjodu ta' żmien differenti, fi tliet siti differenti. L-iżjed insedjament bikri f'Taxila jinsab fis-sezzjoni ta' Hathial, fejn instabu bċejjeċ tal-fuħħar li jmorru lura saħansitra għall-aħħar tat-tieni millenju Q.K. sas-seklu 6 Q.K. Il-fdalijiet tat-Tumbata ta' Bhir fis-sit imorru lura għas-seklu 6 Q.K., u jinsabu biswit is-sezzjoni ta' Hathial. Il-fdalijiet ta' Sirkap imorru lura għas-seklu 2 Q.K., u nbnew mir-rejiet Griegi-Baktrijani tar-reġjun li rrenjaw wara l-invażjoni ta' Alessandru Manju fit-326 Q.K. It-tielet insedjament u l-iktar wieħed reċenti huwa dak ta' Sirsukh, li nbena mill-mexxejja tal-Imperu Kuxan, li rrenjaw minn Purushapura (Peshawar moderna) fil-qrib.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Taxila ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 b'mod partikolari għall-erba' siti ta' insedjamenti li "joħorġu fid-dieher l-evoluzzjoni urbana tas-subkontinent Indjan permezz ta' iktar minn ħames sekli".[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Is-sit jinkludi għadd ta' monumenti u postijiet storiċi notevoli oħra fl-inħawi apparti l-erba' insedjamenti ta' Bhir, ta' Saraikala, ta' Sirkap u ta' Sirsukh. B'kollox jammontaw għal 18-il komponent:
- l-Għar ta' Khanpur;
- Saraikala (tumbata preistorika);
- it-Tumbata ta' Bhir;
- Sirkap (belt iffortifikata);
- Sirsukh (fdalijiet ta' belt iffortifikata);
- l-Istupa u l-Monasteru ta' Dharmarajika;
- Khader Mohra (Akhuri);
- il-grupp ta' binjiet ta' Kalawan;
- il-kumpless ta' monumenti ta' Giri;
- l-Istupa u l-Monasteru ta' Kunala;
- il-kumpless ta' Jandial;
- l-Istupa Buddista ta' Lalchak u ta' Badalpur;
- l-Istupa u l-Monasteru ta' Mohra Moradu;
- l-Istupa u l-Monasteru ta' Pippala;
- l-Istupa u l-Monasteru ta' Jaulian;
- it-tumbati ta' Lalchak;
- il-fdalijiet Buddisti madwar l-Istupa ta' Bhallar;
- il-Moskea u l-Oqbra ta' Giri.
F'rapport tal-2010, il-Fond tal-Wirt Globali identifika lil Taxila bħala wieħed minn 12-il sit dinji li l-iktar qed jissograw telf jew ħsara irreparabbli, u kkwota n-nuqqas ta' ġestjoni, il-pressjoni tal-iżvilupp, is-serq, il-gwerra u l-kunflitti bħala theddidiet primarji. Fl-2017 ġie mħabbar li t-Tajlandja kienet se tassisti fl-isforzi ta' konservazzjoni f'Taxila kif ukoll fis-siti Buddisti tal-Wied ta' Swat.
Taxila tinsab 32 kilometru (20 mil) fil-Grigal tal-belt kapitali tal-Pakistan Islamabad. Il-belt tinsab madwar 549 metru (1,801 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Taxila għandha klima subtropikali umduża (Cwa skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen).
Data klimatika Taxila | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Medja massima kuljum °C (°F) | 17 (63) |
19.5 (67.1) |
24.2 (75.6) |
29.9 (85.8) |
35.4 (95.7) |
39.5 (103.1) |
35.8 (96.4) |
33.7 (92.7) |
33.6 (92.5) |
30.9 (87.6) |
25 (77) |
19.3 (66.7) |
28.7 (83.6) |
Medja kuljum °C (°F) | 9.8 (49.6) |
12.5 (54.5) |
17.3 (63.1) |
22.6 (72.7) |
27.6 (81.7) |
32 (90) |
30.3 (86.5) |
28.6 (83.5) |
27.6 (81.7) |
22.7 (72.9) |
16.2 (61.2) |
11.3 (52.3) |
21.5 (70.8) |
Medja minima kuljum °C (°F) | 2.7 (36.9) |
5.5 (41.9) |
10.4 (50.7) |
15.3 (59.5) |
19.9 (67.8) |
24.5 (76.1) |
24.8 (76.6) |
23.6 (74.5) |
21.6 (70.9) |
14.5 (58.1) |
7.5 (45.5) |
3.3 (37.9) |
14.5 (58.0) |
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 58 (2.3) |
56 (2.2) |
68 (2.7) |
44 (1.7) |
38 (1.5) |
37 (1.5) |
237 (9.3) |
236 (9.3) |
92 (3.6) |
23 (0.9) |
16 (0.6) |
36 (1.4) |
941 (37) |
Sors: Climate-Data.org |
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]
Taxila hija waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi importanti tat-Tramuntana tal-Pakistan u tospita l-Mużew ta' Taxila fejn hemm għadd kbir ta' artefatti għall-wiri mill-iskavi ta' Taxila. Għalkemm l-għadd ta' viżitaturi barranin fis-sit naqas b'mod drastiku wara l-bidu tal-insorġenza Iżlamista fil-Pakistan fl-2007, l-għadd ta' viżitaturi reġa' beda jitjieb sew mill-2017, wara li l-istat tad-dritt u l-ordni fir-reġjun kienet ittejbet ferm, wara l-bidu tal-kampanja ta' Zarb-e-Azb tal-2014 li ġiet varata mill-Armata tal-Pakistan kontra l-militanti Iżlamisti radikali.
Fl-2017, il-gvern tal-Pakistan ħabbar li kien beħsiebu jiżviluppa Taxila f'sit għall-pellegrinaġġi reliġjużi Buddisti. Bħala parti mill-isforzi tiegħu, il-gvern ħabbar li kienet se ssir wirja dwar il-wirt Buddist tar-reġjun fit-Tajlandja, u li l-gvern Tajlandiż kien se jassisti fl-isforzi ta' konservazzjoni tas-sit. Relikwi minn Taxila ntbagħtu wkoll lejn is-Sri Lanka għall-btala tal-Vesak tal-2017 bħala parti minn sforz biex jintwera l-wirt Buddist tar-reġjun. Il-Korporazzjoni tal-Iżvilupp tat-Turiżmu tal-Pakistan ħabbret ukoll fl-2017 li kien se jiġi varat servizz ta' karozza tal-linja turistika bejn il-Mużew ta' Taxila u Islamabad.
Minbarra l-fdalijiet ta' Taxila tal-qedem, f'Taxila hemm ukoll il-fdalijiet ta' ġonna tad-dinastija Mugal u l-fdalijiet tar-Rotta Grandjuża tas-Sniedaq. L-Obelisk ta' Nicholson, li ssemma hekk f'ġieħ il-Brigadier John Nicholson li miet matul l-Ammutinament ta' Sepoy tal-1857, huwa monument mill-era Brittanika li jilqa' lill-vjaġġaturi li jaslu minn Rawalpindi/Islamabad.
Industrija
[immodifika | immodifika s-sors]Taxila tospita l-kuntrattur militari ewlieni tad-difiża tal-Pakistan, Heavy Industries Taxila, li huwa konglomerat tal-inġinerija. L-ekonomija tal-belt hija marbuta mill-qrib mal-Pakistan Ordnance Factories f'Wah Cantt fil-qrib, li timpjega 27,000 ruħ. Industriji oħra jinkludu x-xogħol bil-ġebel, il-bċejjeċ tal-fuħħar u xedd is-saqajn. Fil-belt ta' Taxila hemm ukoll il-Heavy Mechanical Complex.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Ferrovjarju
[immodifika | immodifika s-sors]Taxila hija moqdija mill-istazzjon ferrovjarju tad-Diviżjoni ta' Taxila. Il-belt ta' Taxila hija moqdija mil-Linja Ferrovjarja bejn Karachi u Peshawar, u hija t-terminus tan-Nofsinhar tal-Linja Ferrovjarja ta' Khunjerab, li tikkollega Taxila mal-istazzjon ferrovjarju ta' Havelian. Estensjoni ppjanata tal-linja ferrovjarja eventwalment se tikkollega Taxila mal-Linja Ferrovjarja tan-Nofsinhar taċ-Ċina f'Kashgar, bħala parti mill-Kuritur Ekonomiku bejn iċ-Ċina u l-Pakistan.
Bit-triq
[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Rotta Grandjuża tas-Sniedaq tal-qedem ġiet iddeżinjata bħala l-Awtostrada Nazzjonali N-5, u tikkollega l-belt mal-fruntiera Afgana u mat-Tramuntana ta' Punjab. It-terminus tan-Nofsinhar tal-Awtostrada ta' Karakoram jinsab f'Hasan Abdal fil-qrib, u jikkollega Taxila mal-fruntiera Ċiniża qrib il-Wied ta' Hunza.
Il-belt hija kkollegata ma' Peshawar u ma' Islamabad permezz tal-Awtostrada M-1, li toffri aċċess usa' bit-triq lejn Lahore permezz tal-Awtostrada M-2, u lejn Faisalabad permezz tal-Awtostrada M-4.
Bl-ajru
[immodifika | immodifika s-sors]L-eqreb ajruport għal Taxila huwa l-Ajruport Internazzjonali ta' Islamabad li jinsab 36.5 kilometru 'l bogħod. L-Ajruport Internazzjonali ta' Bacha Khan ta' Peshawar jinsab 155 kilometru 'l bogħod.
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Taxila tospita bosta istituzzjonijiet tal-edukazzjoni sekondarja, fosthom il-Kampus CIIT Wah u l-Università HITEC. L-Università tal-Inġinerija u t-Teknoloġija ta' Taxila ġiet stabbilita fl-1975 bħala kampus tal-Università tal-Inġinerija u t-Teknoloġija ta' Lahore, u toffri lawrji ta' baċellerat, masters, u dottorat fl-inġinerija.
Fdalijiet tal-qedem
[immodifika | immodifika s-sors]The Ruins of Taxila include four major cities, each belonging to a distinct time period, at three different sites. The earliest settlement at Taxila is found in the Hathial section, which yielded pottery shards that date from as early as the late 2nd millennium BCE to the 6th century BCE. The Bhir Mound ruins at the site date from the 6th century BCE, and are adjacent to Hathial. The ruins of Sirkap date to the 2nd century BCE, and were built by the region's Greco-Bactrian kings who ruled in the region following Alexander the Great's invasion of the region in 326 BCE. The third and most recent settlement is that of Sirsukh, which was built by rulers of the Kushan empire, who ruled from nearby Purushapura (modern Peshawar).
Kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt moderna ta' Taxila hija taħlita ta' ambjenti urbani relattivament għonja u ambjenti rurali ifqar. Iż-żoni residenzjali urbani inġenerali ġew stabbiliti bħala kolonji ppjanati ta' abitazzjonijiet popolati mill-ħaddiema tal-industriji tal-Heavy Mechanical Complex & Heavy Industries, kif ukoll mill-ħaddiema tal-istituzzjonijiet edukattivi u tal-isptarijiet li jinsabu f'din iż-żona.
Mużew
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mużew ta' Taxila fih waħda mill-ikbar kollezzjonijiet komprensivi u sinifikanti ta' skulturi Buddisti tal-ġebel mis-sekli 1 sa 7 fil-Pakistan (magħrufa bħala l-arti ta' Gandhara). Il-qofol tal-iskulturi tal-kollezzjoni ġie mis-siti skavati fil-Wied ta' Taxila, b'mod partikolari l-iskavi ta' Sir John Marshall. Oġġetti oħra ġew minn siti skavati oħra f'Gandhara, minn donazzjoni bħall-Kollezzjoni ta' Ram Das, jew minn materjal ikkonfiskat mill-pulizija u mill-awtoritajiet tad-dwana.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Taxila - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-19.
- ^ Cunningham, Alexander (1871). The Ancient Geography of India: The Buddhist Period, Including the Campaigns of Alexander, and the Travels of Hwen-Thsang. Cambridge, NY: Cambridge University Press. ISBN 9781108056458. p. 105.