Tavla ta' Narmer

It-Tavla ta' Narmer, magħrufa wkoll bħala l-Paletta ta' Narmer jew it-Tavla l-Kbira ta' Hierakonpolis, hija sejba arkeoloġika sinifikanti tal-Eġittu tal-qedem, li tmur lura għall-ħabta tas-seklu 31 Q.K., u għall-inqas nominalment tagħmel parti mill-kategorija ta' tavli kożmetiċi. Fiha wħud mill-iżjed ġeroglifiċi Eġizzjani bikrin li qatt instabu. Huwa maħsub minn xi wħud li t-tavla turi l-unifikazzjoni tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel taħt ir-Re Narmer. Flimkien mar-Ras ta' Mazza tal-Iskorpjun u mar-Ras ta' Mazza ta' Narmer, li nstabu wkoll flimkien fid-depożitu prinċipali f'Nekhen, it-Tavla ta' Narmer tipprovdi waħda mill-iżjed xbihat bikrin magħrufa ta' re Eġizzjan. Minn naħa waħda, ir-re jintwera bil-Kuruna l-Bajda tal-Eġittu ta' Fuq (tan-Nofsinhar), u min-naħa l-oħra r-re jintwera liebes il-Kuruna l-Ħamra tal-Eġittu t'Isfel (tat-Tramuntana), għaldaqstant it-tavla hija wkoll l-iżjed eżempju magħruf ta' tavla b're liebes iż-żewġ tipi ta' xedd ir-ras.[1][2] It-tavla turi bosta mill-konvenzjonijiet klassiċi tal-arti tal-Eġittu tal-qedem, li x'aktarx li diġà kienu ġew ifformalizzati meta nħolqot it-tavla. L-Eġittologi Bob Brier u A. Hoyt Hobbs irreferew għat-Tavla ta' Narmer bħala "l-eqdem rekord storiku Eġizzjan".[3]
It-Tavla ta' Narmer, li minkejja li għandha ħames millenji għadha f'kundizzjoni kważi perfetta, ġiet skoperta mill-arkeologi Brittaniċi James Quibell u Frederick W. Green, f'dak li huma jsejħulu d-Depożitu Prinċipali fit-Tempju ta' Horus f'Nekhen, matul l-iskavi tal-1897–1898.[4][5] F'dawn l-iskavi nstabu wkoll ir-Ras ta' Mazza ta' Narmer u r-Ras ta' Mazza tal-Iskorpjun.[6] Il-post u ċ-ċirkostanzi preċiżi ta' dawn is-sejbiet ma ġewx irreġistrati b'mod ċar ħafna minn Quibell u Green. Fil-fatt, skont ir-rapport ta' Green, it-Tavla ta' Narmer instabet f'saff differenti xi metru jew tnejn (jardi) 'il bogħod mid-depożitu, li jitqies iktar preċiż abbażi tan-noti tal-iskavi oriġinali.[7] Ġie ssuġġerit li dawn l-oġġetti kienu donazzjonijiet irjali li saru lit-tempju.[8] Nekhen, jew Hierakonpolis, kien wieħed minn erba' ċentri tal-poter fl-Eġittu ta' Fuq qabel il-konsolidazzjoni tal-Eġittu ta' Fuq fl-aħħar tal-perjodu ta' Naqada III.[9] L-importanza reliġjuża ta' Hierakonpolis damet ferm wara d-deklin tar-rwol politiku tiegħu.[10] It-tavli tipikament kienu jintuża għat-tħin tal-kożmetiċi, iżda din it-tavla hija kbira u tqila (u elaborata) wisq biex tkun inħolqot għall-użu personali u x'aktarx li kienet oġġett tar-ritwali jew donazzjoni bħala wegħda, li ġiet magħmula b'mod speċifiku biex tingħata b'donazzjoni jew tintuża f'tempju. Skont teorija partikolari ntużat għat-tħin tal-kożmetiċi li kienu jintużaw biex jiġu mżejna l-istatwi tad-divinitajiet.[11]
It-Tavla ta' Narmer tagħmel parti mill-kollezzjoni permanenti tal-Mużew Eġizzjan fil-Kajr. Hija waħda mill-artefatti inizjali għall-wiri li l-viżitaturi jistgħu jaraw malli jidħlu fil-mużew.[12] In-numru tal-inventarju tagħha huwa JE 32169[13] u n-numru tal-identifikazzjoni preċedenti tagħha kien CG 14716.[14]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tavla ta' Narmer hija twila 63 ċentimetru (25 pulzier) u wiesgħa 42 ċentimetru (17-il pulzier), għandha għamla ta' tarka ċerimonjali, imnaqqxa minn biċċa waħda ta' grovakka griża fl-aħdar, ċatta u kemxejn skura. Il-ġebla spiss ġiet identifikata ħażin fl-imgħoddi bħala lavanja jew skist. Il-lavanja hija magħmula minn saffi u b'hekk faċli ħafna li tixxaqqaq, u l-iskist huwa blat metamorfiku b'sawra minerali aleatorja kbira. Iż-żewġ tipi ta' ġebel ma għandhomx x'jaqsmu mal-grovakka iebsa u reżistenti għax-xquq, li oriġinat minn barriera attesta sew li kienet ilha tintuża miż-żminijiet predinastiċi f'Wadi Hammamat. Dan il-materjal kien jintuża b'mod estensiv matul il-perjodu predinastiku għall-ħolqien ta' tavli simili u kien jintuża wkoll bħala sors għall-istatwi tar-Renju l-Antik. Statwa tal-faragħun tat-tieni dinastija Khasekhemwy, li nstabet fl-istess kumpless bħat-Tavla ta' Narmer f'Hierakonpolis, kienet magħmula wkoll minn dan il-materjal.
It-tavla hija mnaqqxa b'bassoriljievi. Fin-naħa ta' fuq taż-żewġ naħat hemm arma rjali identika msejħa serekh, li hija "simbolu ġeroglifiku kompożitu li jirrappreżenta r-re/il-kuruna/l-istat u l-proprjetà tal-istat". Is-serekh fi ħdanhom għandhom is-simboli nꜥr (pixxigatt) u mr (skarpell), li huma r-rappreżentazzjoni fonetika ta' isem Narmer. Maġenb iż-żewġ serekh hemm par irjus ta' annimal bovin bi qrejjen innuklati sew; huwa maħsub li dawn jirrappreżentaw id-divinità femminili Bat b'għamla ta' baqra. Din kienet id-divinità patruna tas-seba' diviżjoni territorjali tal-Eġittu ta' Fuq, u kienet ukoll id-divinizzazzjoni kożmoloġika fi ħdan il-mitoloġija Eġizzjana matul il-perjodu predinastiku u l-perjodu tar-Renju l-Antik tal-istorja tal-Eġittu tal-qedem.
Minn quddiem
[immodifika | immodifika s-sors]Fin-naħa ta' fuq ta' kull naħa tat-tavla hemm par irjus ta' annimal bovin b'wiċċ ta' bniedem, li huma maħsuba li jirrappreżentaw id-divinità patruna Bat b'għamla ta' baqra, u dawn jinsabu maġenb is-serekh ta' Narmer. Id-divinità femminili Bat tintwera, kif spiss kienet tintwera, minn quddiem u mhux il-profil tagħha, użanza tradizzjonali fit-tinqix tar-riljievi Eġizzjani. Hathor, li kienet taqsam bosta mill-karatteristiċi ta' Bat, spiss tintwera b'mod simili. Xi awturi jissuġġerixxu li x-xbihat jirrappreżentaw il-qilla tar-re bħal par barrin.
L-ikbar riljiev fuq in-naħa ta' quddiem juri lil Narmer, li qed jgħolli mazza f'idu l-leminija filwaqt li b'idu x-xellugija qed jerfa' skjav għal irkopptejh minn xagħru. B'kuntrast max-xbieha ta' Narmer fin-naħa ta' wara, fejn jidher bil-Kuruna l-Ħamra tal-Eġittu t'Isfel, fuq din in-naħa jidher liebes il-Kuruna l-Bajda tal-Eġittu ta' Fuq. Il-poża tiegħu tirrifletti l-użanza tal-Eġittu tal-qedem li figura importanti tintwera minn perspettivi differenti f'daqqa. Saqajh, riġlejh u rasu jidhru bħala profil, filwaqt li sidru u ġenbejh iduru kemxejn u spallejh iħarsu 'l quddiem. Għajn waħda, anke jekk normalment kieku din ma tidhirx f'ras bħala profil, tintwera minn quddiem. L-iskop kien li tiġi pprovduta l-iżjed informazzjoni kompluta possibbli dwar persuna fuq wiċċ ċatt. It-tavla turi wkoll il-proporzjonijiet tradizzjonali Eġizzjani tal-ġisem. Abbażi ta' unità stabbilita korelatata mad-distanza tul l-għekiesi ta' ponn ta' bniedem, din il-forma konvenzjonali ta' kejl kienet mezz ta' standardizzazzjoni tal-proporzjonijiet ta' figuri importanti fl-arti Eġizzjana. Il-kejl standard ta' 18-il ponn mill-art sal-linja tax-xagħar fuq ras il-figura huwa evidenti fit-tavla. Dawn il-konvenzjonijiet artistiċi baqgħu jintużaw mill-inqas sal-ħakma ta' Alessandru Manju. Il-figuri minuri b'pożi attivi, bħall-iskjav tar-re, il-katavri u dawk li kienu jieħdu ħsieb il-bhejjem serpopardi jintwerew b'mod ħafna iktar ħieles. Mehmużin maċ-ċinturin milbus minn Narmer jidhru erba' tasselli biż-żibeġ, kull waħda mżejna b'għamla ta' ras id-divinità femminili Hathor. Dawn huma wkoll l-istess żibeġ bħal dawk li jżejnu n-naħa ta' fuq ta' kull naħa tat-tavla. Fuq in-naħa ta' wara taċ-ċinturin hemm frenża twila mehmuża li tirrappreżenta denb ta' barri.
Fuq ix-xellug tar-re jidher raġel iġib is-sandli tar-re, u maġenbu s-simbolu tar-rożetta. Fuq il-lemin tar-re hemm priġunier għal irkopptejh, li se jintlaqat mir-re. Par simboli jidhru ħdejn rasu u x'aktarx jindikaw ismu (Wash) jew jindikaw ir-reġjun minn fejn oriġina. Fuq il-priġunier hemm falkun, li jirrappreżenta lil Horus, imperreċ fuq sett ta' fjuri tal-papiru, is-simbolu tal-Eġittu ta' Fuq. Fid-dwiefer tiegħu, jidher qed iżomm oġġett qisu ħabel li jidher li huwa mehmuż ma' mnieħer ta' ras ta' raġel li tidher ħierġa wkoll mill-fjuri tal-papiru.
Minn wara
[immodifika | immodifika s-sors]Taħt l-irjus tal-annimali bovini hemm qisha purċissjoni. Narmer huwa ferm akbar mill-figuri l-oħra, konvenzjoni artistika magħrufa bħala l-proporzjon ġerarkiku, l-iskala ġerarkika jew il-ġerarkija tal-iskala. Bħal fuq in-naħa ta' quddiem, id-daqs sproporzjonat tiegħu jsaħħaħ l-ideat ta' ħakma u ta' poter politiku bħal ta' mexxej qisu xi alla. Huwa jidher liebes Kuruna Ħamra tal-Eġittu t'Isfel, bis-simbolu tal-papiru. F'idu jidher qed iżomm mazza u flaġell, żewġ simboli tradizzjonali tar-re. Fuq in-naħa tal-lemin tiegħu jidhru s-simboli ġeroglifiċi ta' ismu, għalkemm ma jinsabux fi ħdan serekh. Warajh hemm raġel li qed iġiblu s-sandli, li ismu jaf huwa rrappreżentat bir-rożetta li tidher maġenb rasu, u simbolu rettangolari ieħor mingħajr l-ebda interpretazzjoni ċara, iżda li ġie ssuġġerit li jaf jirrappreżenta raħal jew ċittadella.
Eżatt quddiem il-faragħun jidher raġel xagħru twila, akkumpanjat minn par ġeroglifiċi li ġew interpretati bħala ismu: Tshet (huwa preżunt li dawn is-simboli kellhom l-istess valur fonetiku tal-kitba ġeroglifika ta' wara). Quddiem dan ir-raġel jidhru erba' persuni bil-paviljuni olzati f'idejhom, u jżommu ġild tal-annimali, kelb u żewġ falkuni. Fin-naħa l-iktar tal-lemin ta' din ix-xena jidhru għaxar katavri b'rashom maqtugħa poġġuta bejn riġlejhom u l-ġenitali maqtugħin tagħhom poġġuti fuq kull ras. Dawn il-figuri ġeneralment huwa maħsub li kienu vittmi tal-ħakma ta' Narmer. Fuqhom hemm is-simboli ta' vapur, ta' falkun b'foxxna u ta' bieb.
Taħt il-purċissjoni, żewġt irġiel jidhru qed iżommu ħbula marbutin mal-għenuq imgeżwrin f'xulxin ta' żewġ serpopardi jiġġieldu kontra xulxin. Is-serpopard huwa ħlejqa mitoloġika, taħlita ta' serp u ta' leopard. Iċ-ċirku ffurmat mill-għenuq milwijin tagħhom huwa l-parti ċentrali tat-tavla, li hija ż-żona fejn kienu jintaħnu l-kożmetiċi. L-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel it-tnejn li huma kienu jqimu ljuni femminili tal-gwerer bħala protetturi; l-għenuq imgeżwrin f'xulxin tas-serpopardi b'hekk jaf jirrappreżentaw l-unifikazzjoni tal-istat. Xbihat simili ta' annimali mitoloġiċi bħal dawn huma magħrufa minn kulturi kontemporanji oħra, u jeżistu eżempji oħra ta' oġġetti predinastiċi aħħarin (fosthom tavli oħra u mankijiet tas-skieken bħas-Sikkina ta' Gebel el-Arak) li ssellef elementi simili mill-ikonografija tal-Mesopotamja, u b'hekk tissuġġerixxi relazzjonijiet bejn l-Eġittu u l-Mesopotamja.
Fin-naħa t'isfel tan-naħa ta' wara tat-tavla, jidher barri jwaqqa' l-ħitan ta' belt filwaqt li jgħaddi minn fuq għadu vittma. Rasu baxxuta, Narmer hawnhekk jintwera bħala bhima stilizzata bidimensjonali li se tegħleb l-għedewwa tagħha. Il-barrin kellhom rabta ideoloġika mar-rejiet Eġizzjani. "Barri t'Ommu", pereżempju, kien titlu komuni mogħti lil re Eġizzjan bħala iben id-divinità patruna b'għamla ta' baqra. Din il-poża ta' annimal bovin tfisser "qawwa" f'ġeroglifiċi li ġew wara.
Dibattitu bejn l-istudjużi
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tavla ta' Narmer qajmet dibattitu kunsiderevoli bejn l-istudjużi matul is-snin. Inġenerali, l-argumenti huma maqsumin fi tnejn: studjużi li jemmnu li t-tavla tirrakkonta avveniment importanti, u akkademiċi oħrajn li jargumentaw li hija oġġett iddisinjat biex tiġi stabbilita l-mitoloġija tat-tmexxija unifikata fuq l-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel mir-re. Kien maħsub ukoll li t-tavla tirrappreżenta l-unifikazzjoni tal-Eġittu t'Isfel mir-re tal-Eġittu ta' Fuq, jew tirreġistra suċċess militari reċenti fuq il-Libjani, jew l-aħħar fortizza ta' dinastija tal-Eġittu t'isfel ibbażata f'Buto. Iktar reċentement, studjużi bħal Nicholas Millet argumentaw li t-tavla ma tirrappreżentax avveniment storiku (bħall-unifikazzjoni tal-Eġittu), iżda minflok tirrappreżenta l-avvenimenti tas-sena li fiha l-oġġett ġie ddedikat lit-tempju. Whitney Davis issuġġeriet li l-ikonografija ta' din it-tavla u ta' tavli oħra predinastiċi kellha iktar x'taqsam mal-istabbiliment tar-re bħala metafora viżiva tal-kaċċatur ħakkiem, maqbud fil-mument meta se jagħti d-daqqa tal-mewt lill-għedewwa tiegħu. John Baines issuġġerixxa li l-avvenimenti li jintwerew huma "turija tal-kisbiet irjali" tal-imgħoddi u li "l-iskop ewlieni tal-oġġett mhuwiex li jirreġistra avveniment iżda li jasserixxi li r-re jiddomina d-dinja ordnata f'isem id-divinitajiet u għeleb il-qawwiet interni u speċjalment esterni tad-diżordni".
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tavla ta' Narmer tidher fil-film tal-2009 Watchmen bħala wieħed mill-oġġetti Eġizzjani preżenti fl-uffiċċju ta' Ozymandias. L-awtur Awstraljan Jackie French użat it-tavla, u riċerka reċenti dwar ir-rotot kummerċjali tas-Sumeri, biex toħloq ir-rumanz storiku tagħha Pharaoh (2007). It-tavla tidher fil-ġrajja qasira tal-artist tal-manga Yukinobu Hoshino, El Alamein no Shinden. It-tavla tidher ukoll f'The Kane Chronicles ta' Rick Riordan, fejn qaddej xawabti maġiku jfittex it-tavla. Fil-logħba elettronika ta' Ubisoft tal-2017 Assassin's Creed Origins, it-tavla tissemma bħala element trivjali fil-pariri ta' qabel tibda l-logħba. It-Tavla ta' Narmer hija element narrattiv prinċipali tar-rumanz ta' Lincoln Child, The Third Gate, fejn isir tentattiv biex jinstab il-qabar tar-re Narmer fis-Sudd.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Friedman, Renée (2003). "City of the Hawk". Archaeology. 56 (6). Archaeological Institute of America: 50–56. ISSN 0003-8113. JSTOR 41779225. OCLC 9973955462.
- ↑ Wilkinson, Toby (1999). Early Dynastic Egypt. Londra: Routledge. ISBN 978-0-203-02438-6. OCLC 51717880. p. 6.
- ↑ Brier, Bob; Hobbs, A. Hoyt (1999). "Warfare". Daily life of the ancient Egyptians. Westport, Conn.: Greenwood Press. p. 202. ISBN 978-0-313-00742-2. OCLC 52315179.
- ↑ Quibell, James Edward (1900). Hierakonpolis, Part 1, Plates of discoveries in 1898. notes by W. M. Flinders Petrie. Londra: Quaritch. OCLC 312741135.
- ↑ Kinnaer, Jacques. "The Ancient Egypt Site - The Narmer Palette". www.ancient-egypt.org. Miġbur 2026-07-31.
- ↑ Millet, Nicholas B. (1990). "The Narmer Macehead and Related Objects". Journal of the American Research Center in Egypt. 27: 53–59. doi:10.2307/40000073. ISSN 0065-9991. JSTOR 40000073. OCLC 5543621798.
- ↑ Shaw, Ian (2003). "Hierakonpolis (c. 3200–2600 B.C.)". Exploring Ancient Egypt. New York, NY: Oxford University Press. p. 33. ISBN 978-0-19-511678-6.
- ↑ Bard, Katheryn A. (2002). "The Emergence of the Egyptian State (c. 2300–2686)". In Shaw, Ian (ed.). The Oxford History of Ancient Egypt. Oxford: Oxford University Press. p. 65. ISBN 978-0-19-280293-4.
- ↑ Wilkinson, Toby (1999). Early Dynastic Egypt. Londra: Routledge. ISBN 978-0-203-02438-6. OCLC 51717880. pp. 36-41.
- ↑ Friedman, Renée (2001). "Hierakonpolis". In Redford, Donald B. (ed.). The Oxford Encyclopedia of Ancient Egypt. Vol. 2. Oxford: Oxford University Press. pp. 98–100. doi:10.1093/acref/9780195102345.001.0001. ISBN 978-0-19-510234-5. OCLC 967267800. pp. 98-100.
- ↑ Brier, Bob (2005). Great Pharaohs of Ancient Egypt (audiobook). Chantilly: The Great Courses. ISBN 978-1-68276-439-8.
- ↑ Shaw, Ian (2004). Ancient Egypt: A Very Short Introduction. Oxford: Oxford University Press. doi:10.1093/actrade/97801928541939.001.0001. ISBN 978-0-19-151813-3. OCLC 252626237. p. 4.
- ↑ "The Global Egyptian Museum | JE 32169". www.globalegyptianmuseum.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2026-05-13. Miġbur 2026-07-31.
- ↑ "Search the Narmer Catalog". www.narmer.org. Miġbur 2026-07-31.