Takht-i-Bahi

Takht-i-Bahi (bil-Paxto/bl-Urdu: تختِ باہی, litteralment "tron tal-fawwara tal-ilma") huwa sit arkeoloġiku Indo-Partiku ta' monasteru Buddist tal-qedem f'Mardan, Khyber-Pakhtunkhwa, il-Pakistan. Is-sit jitqies fost l-iżjed fdalijiet importanti tal-Buddiżmu f'dak li fl-imgħoddi kien magħruf bħala t-territorju ta' Gandhara.
Il-monasteru ġie stabbilit fis-seklu 1 W.K., u baqa' jintuża sas-seklu 7. Il-kumpless jitqies mill-arkeologi bħala partikolarment rappreżentattiv tal-arkitettura taċ-ċentri monastiċi Buddisti ta' dak iż-żmien. Takht-i-Bahi tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980, u l-UNESCO ddeskriviet is-sit bħala "ppreservat b'mod eċċezzjonalment tajjeb".[1][2][3]

L-oriġini tal-isem "Takht-i-Bahi" mhuwiex ċert. Skont twemmin lokali, is-sit ingħata ismu b'referenza għal żewġ bjar fuq l-għolja jew il-fawwariet fil-qrib. Bil-Persjan, Takht tfisser "quċċata" jew "tron", filwaqt li bahi tfisser "fawwara" jew "ilma". Meta jiżżewġu flimkien, dawn il-kelmiet ifissru "fawwara tal-quċċata" jew "fawwara għolja", b'referenza għaż-żewġ fawwariet fil-quċċata tal-muntanji. Tifsira oħra li ġiet issuġġerita hi "tron tal-oriġini".
Etimoloġija oħra tissuġġerixxi li l-isem "Takht-i-Bahi" x'aktarx ingħata lil dan il-kumpless tal-monasteru wara li l-Musulmani insedjaw ir-reġjun. Il-kelma "Bahi" (بهی) jew "Behhi" la ġejja mill-Paxto u lanqas mill-Persjan, u sa ċertu punt bl-Għarbi tfisser "sabiħ u mdawwal" jew بهی البیت بهیاً, jiġifieri d-"dar vojta u abbandunata"; għaldaqstant, "Takht-i-Bahi" (Takht = kastell jew palazz) tfisser kastell li fih ma għadux jgħix xi re u li ġie abbandunat.[4]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fdalijiet jinsabu madwar 15-il kilometru (9.3 mili) minn Mardan fil-Provinċja ta' Khyber-Pakhtunkhwa, il-Pakistan. Fil-qrib hemm belt żgħira ffortifikata tal-istess żmien. Barra minn hekk, il-fdalijiet jinsabu qrib villaġġ modern magħruf bl-istess isem. Il-fdalijiet jinsabu f'elevazzjoni ta' madwar 150 metru (500 pied) fil-quċċata ta' għolja żgħira u madwar 2 kilometri (1.2 mil) mill-bażar tal-villaġġ. L-inħawi tal-madwar huma magħrufa għall-kultivazzjoni tal-kannamiela, tal-qamħ, tal-qamħirrum u tal-ħxejjex. Is-sit fl-imgħoddi kien remot u ma tantx kienu jżuruh ħafna nies, iżda issa hemm triq ta' aċċess u parkeġġ iktar 'l isfel mill-fdalijiet u sar popolari fost il-viżitaturi.
Struttura
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kumpless ta' Takht-i-Bahi huwa maqsum f'erba':
- il-Pjazza tal-Istupi, raggruppament ta' stupi fi ħdan pjazza ċentrali;
- il-kompartimenti monastiċi jikkonsistu minn ċelel individwali rranġati madwar bitħa, swali fejn kienu jinġemgħu l-patrijiet u żona tal-ikel;
- il-kumpless ta' tempju li jikkonsisti minn stupi, simili għall-Pjazza tal-Istupi, iżda li nbena wara;
- il-kumpless monastiku Tantriku, li jikkonsisti minn ċelel żgħar u mdallmin b'aperturi baxxi, li setgħu jintużaw għal ċerti forom ta' meditazzjoni Tantrika.
Strutturi oħra fis-sit jaf servew bħala residenzi jew swali tal-laqgħat jew għal skopijiet lajċi. Il-binjiet kollha tas-sit inbnew bil-ġebla lokali u tkaħħlu bit-tajn u bil-ġir.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkeologi qasmu l-istorja tal-kumpless f'erba' perjodi, li bdew mill-1 seklu Q.K.
Il-kumpless monastiku x'aktarx li ġie stabbilit fil-bidu tas-seklu 1 W.K. Xi inċiżjonijiet juru li ġie stabbilit bl-isem ta' Gondophares (20–46 W.K.). Wara Gondophares, l-inħawi sfaw taħt il-kontroll ta' Kujula Kadphises, l-ewwel re Kuxan. Din l-ewwel era kompliet sas-seklu 2 W.K. u hija assoċjata ma' re Kuxan ieħor, Kanishka, kif ukoll rejiet Partiċi bikrin u Kuxani sussegwenti. It-tieni perjodu ta' kostruzzjoni, li kien jinkludi l-ħolqien tal-Pjazza tal-Istupi u s-sala fejn kienu jinġemgħu l-patrijiet, seħħ matul is-sekli 3 u 4 W.K. It-tielet perjodu ta' kostruzzjoni, assoċjat mad-dinastija Kuxana suċċessiva u mal-mexxejja Kuxani ta' Kidara, seħħ matul is-sekli 4 u 5 W.K.
Ir-reġjun inħakem mill-Unni f'nofs is-seklu 5 W.K., li temmew it-tmexxija Kuxana. Fost l-Unni, Toramana u mbagħad ibnu Mihirakula qatlu lill-abitanti tar-reġjun ta' Gandhara u qerdu l-biċċa l-kbira tal-monasteri Buddisti, jekk mhux kollha kemm huma. L-evidenza tissuġġerixxi li Takht-i-Bahi ġarrbet ħsarat fl-istess perjodu tal-qerda mill-Unni. Madankollu, il-kumpless milli jidher baqa' jintuża sas-seklu 7 W.K.
L-ewwel referenza storika moderna saret fl-1836 minn uffiċjal Franċiż li rrefera għall-fdalijiet Buddisti f'villaġġ imsejjaħ Mazdoorabad. L-esplorazzjonijiet u l-iskavi fis-sit bdew fl-1864. Għadd sinifikanti ta' oġġetti mis-sit issa jinsabu fil-Mużew Brittaniku.[5] Matul is-snin 20 tas-seklu 20 sar restawr ewlieni tas-sit.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fdalijiet Buddisti ta' Takht-i-Bahi u ta' Sahr-i-Bahlol ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Opri tal-arti
[immodifika | immodifika s-sors]Opra famuża tal-olzar tat-taraġ minn Takht-i-Bahi, li issa tinsab fil-Mużew Brittaniku, turi xi devoti lebsin ilbies Ellenistiku.[7]
Lokalitajiet fil-qrib
[immodifika | immodifika s-sors]Il-villaġġi ta' Thordher (magħruf qabel bħala Said Ghani Kalae), Ghafe, Lund Khwar, Sher Garh, Saroo Shah, Sehri-Bahlol, Pathai, Mazdoorabad, Fazl-e-abad, Gangai, Hathian, Jalala, Pirsaddi, Takkar u Mashal Khan Kalai huma postijiet storiċi oħra li jinsabu qrib Takht-i-Bahi. L-iżjed post storiku tal-istess żmien huwa Sehri Bahlol. Il-monasteru jinsabu tul ir-Rotta ta' Malakand.
Diversi persuni spjegaw l-isem ta' "Sehri-Bahlol" b'modi differenti. In-nies tal-post isostnu li ġej mill-Hindko u jfisser "Sur Bahlol", li kien mexxej politiku u reliġjuż tal-inħawi. Madankollu, il-villaġġ ta' Sehri-Bahlol huwa iktar antik mill-istess isem.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Buddhist Ruins of Takht-i-Bahi and Neighbouring City Remains at Sahr-i-Bahlol - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-06.
- ^ Khaliq, Fazal (2015-06-01). "Takht-i-Bhai: A Buddhist monastery in Mardan". DAWN.COM (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-07.
- ^ "Evalwazzjoni tas-sit min-naħa tal-UNESCO" (PDF).
- ^ Kalani, Reza. 2022. Indo-Parthians and the Rise of Sasanians, Tahouri Publishers, Tehran, pp. 37-38.
- ^ "Collection" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-07.
- ^ Shakur, M. a (1946). Short Guide To Takht-i-bahi.
- ^ Yi, Joy Lidu (Jannar 2020). The Global Connections of Gandhāran Art. p. 70.