Storja ta' Arsenal FC (1886–1966)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

1leftarrow.pngArtiklu prinċipali: Arsenal FC.

L-istorja ta' Arsenal FC mill-1886 sal-1966 kienet karatterizzata minn żewġ perjodi ta' suċċess (is-snin tletin, u lejn l-aħħar tas-snin erbgħin u l-bidu tas-snin ħamsin) u minn perjodu inqas feliċi, meta fis-snin sittin it-tim kien qed jokkupa l-pożizzjonijiet nofs tal-klassifika.

L-Arsenal Football Club kien fundat fl-1886 minn grupp ta' operaturi minn Woolwich, fix-xlokk ta' Londra. Fl-1891 saret formazzjoni professjonista u sentejn wara ġiet affiljata fil-Football League. Kienu promossi fl-Ewwel Diviżjoni fl-1904, imma serje ta' problemi finanzjarji waslu kważi għall-falliment fl-1910. F'dik l-istess sena, il-klabb kien mixtri minn Sir Henry Norris li barra li tejjeb il-qagħda finanzjarja tal-klabb, fl-1913 ittrasferixxa lit-tim għall-Arsenal Stadium, f'Highbury, fit-tramuntana ta' Londra. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, f'ċirkostanzi kontroversjali, Norris iggwida lill-klabb għall-promozzjoni fl-Ewwel Diviżjoni.

Kien neċessarju n-nomina ta' Herbert Chapman biex l-Arsenal ikollhom l-ewwel perjodu ta' suċċess kbir. Chapman immodernizza u għamel riformi fil-metodi ta' taħriġ u fit-tattika, tant li taħt il-gwida tiegħu u tas-suċċessur tiegħu George Allison (li ħa l-post wara l-mewt ta' Chapman fl-1934), l-Arsenal erba' titli tal-Ewwel Diviżjoni u żewġ FA Cups fis-snin tletin. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Tom Whittaker kompla s-suċċess, fejn wassal lill-klabb għal żewġ titli oħra tal-Ewwel Diviżjoni u FA Cup. Madanakollu wara l-mewt ta' Whittaker, il-fortuini ta' Arsenal naqsu gradwalment; sal-1966, huma kienu fl-oskurità ta' nofs il-klassifika u ma kinux rebħu trofew fi tlettax-il sena. Din waslet għall-eżoneru ta' Billy Wright bħala kowċ, u minfloku kien appuntat Bertie Mee, li kellu jkun dak li jdawwar il-fortuni tal-klabb.

L-ewwel snin (1886–1910)[editja]

It-tim tar-Royal Arsenal fl-istaġun 1888–89.

L-Arsenal kien fundat bħala Dial Square fl-1886 minn grupp ta' operaturi impjegati f'Dial Square f'Royal Arsenal, fabbrika ta' armamenti ta' Woolwich, fix-xlokk ta' Londra.[1] Il-klabb kien immexxi minn Skoċċiż, David Danskin, li kien xtara l-ewwel ballun tal-futbol tat-tim, u Jack Humble; flimkien ma' dawn kien hemm l-eks-gowler ta' Nottingham Forest Fred Beardsley, li aktar tard, flimkien ma' Morris Bates, kiseb sett ta' flokkijiet ħomor mit-tim il-qadim tiegħu, u b'hekk ta lil Arsenal il-kuluri li għadhom jilbsu sa llum.[2] Dial Square lagħbu l-ewwel partita fil-11 ta' Diċembru 1886 kontra Eastern Wanderers fl-Isle of Dogs (Gżira tal-Klieb), fejn rebħu 6–0.[3] Ftit wara, fil-Milied, il-klabb kien reġa' ġie msemmi Royal Arsenal.[2] Għall-bidu l-iskwadra kienet tilgħab f'Plumstead, imma wara fittxet stadji alternattivi. L-ewwel kien Sportsman Ground fi Plumstead u wara Manor Ground fl-1888. L-infastruttura skarsa ta' dan tal-aħħar wassal lill-klabb biex imorru f'Invicta Ground fl-1890, imma fl-1892 reġgħu rritornaw lura lejn Manor Ground minħabba li kellu kera għolja.[4]

F'dan il-perjodu r-Royal Arsenal beda jirbaħ trofej lokali: il-Kent Senior Cup u l-London Charity Cup fl-1889–90 u l-London Senior Cup fl-istaġun 1889–90. Fl-1889–90 għamlu l-ewwel parteċipazzjoni fl-FA Cup.[5] Madanakollu, l-abbiss bejn l-Arsenal u t-timijiet professjonisti tat-tramuntana tal-Ingilterra sar mal-ewwel evidenti, u l-Arsenal affaċċjaw it-theddida li xi plejers minn tagħhom jabbanundaw l-iskwadra biex jittrasferixxu ma' timijiet minn fejn kienu jaqilgħu aktar flus. Wara partita ta' FA Cup fl-1891 bejn Derby County u Arsenal, it-tim avversarju prova jikseb żewġ plejers tal-Arsenal taħt kuntratt professjonali.[4] Kien għal din ir-raġuni li fl-istess sena, ir-Royal Arsenal iddeċieda li jsir professjonali u jbiddel ismu għal Woolwih Arsenal.

Il-passaġġ għall-professjoniżmu ta' Woolwich Arsenal kien diżapprovat minn diversi klabbs dilettanti tan-nofsinhar ta' Londra, u b'hekk wassal lil London Football Association li jissospendi lill-Arsenal mill-kompetizzjonijiet lokali.[6] B'partiti ta' ħbiberija u rawnds tal-FA Cup ikunu biss l-uniċi partiti ta' Woolwich Arsenal, huma pruvaw li jikkreaw ekwivalenti fin-nofsinhar tal-Football League, imma l-proġett falla.[6] Il-futur ta' Woolwich Arsenal deher inċert sakemm il-Football League salva lit-tim billi nvitahom biex jingħaqdu magħhom fl-1893. L-Arsenal kien l-ewwel klabb min-nofsinhar li daħlu f'dan il-kampjonat, fejn inizzjalment ingħaqdu mat-Tieni Diviżjoni. Bħala rispost għal dan, xi plejers dilettanti tal-klabb li rrifjutaw il-professjoniżmu u riedu tim ta' ħaddiema li jirrapreżentaw biss lil Royal Arsenal, isseparaw biex iffundaw ir-Royal Ordnance Factories, li però ma tantx dam ħafna jeżisti.[7]

Woolwich Arsenal (bi flokkijiet skuri) jaffrontaw lil Newcastle United (bi flokkijiet bi strixxi) fis-semi-finali tal-FA Cup – l-ewwel waħda fl-istorja tal-klabb – fil-Victoria Ground ta' Stoke nhar il-31 ta' Marzu 1906. Newcastle rebħu bl-iskor ta' 2–0.

Woolwich Arsenal baqgħu fis-Second Diviison għall-ħdax-il staġun, fejn kienu jokkupaw ġeneralment postijiet ta' nofs il-klassifika qabel ma' Harry Bradshaw kien nominat bħala kowċ fl-1899;[8] Bradshaw kiseb il-promozzjoni fl-Ewwel Diviżjoni fl-1903–04 permezz tal-akkwisti bħall-gowler Jimmy Ashcroft (l-ewwel plejer internazzjonali Ingliż tal-Arsenal) u l-kaptan Jimmy Jackson. Madanakollu, Bradshaw ittrasferixxa ma' Fulham f'Mejju 1904 qabel ma l-"Gunners" lagħbu l-ewwel partita fl-aqwa serje. Minkejja prestazzjoni u riżultati tajbin fl-FA Cup — il-klabb kien semi-finalista kemm fl-1905–06 u fl-1906–07[8] — l-Arsenal ma kienx kapaċi li jikkompeti għat-titlu nazzjonali, fejn spiċċaw biss darbtejn aktar mill-għaxar post fl-Ewwel Diviżjoni bejn l-1904 u l-1913.

Il-kriżi finanzjara li l-klabb kien qed jgħaddi minnu kienet il-kawża prinċipali ta' din id-deterjorazzjoni. Minkejja ż-żmien tajjeb li kien għaddej minnu l-futbol fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-iżolament ġeografiku tal-klabb fl-erja l-inqas popolata ta' Plumstead, kien ifisser attendenza fqira mill-pubbliku, u b'hekk nuqqas ta' gwadanj.[9] Biex tibqa' fuq wiċċ l-ilma, Woolwich Arsenal kellu jċedi xi stilel fosthom Ashcroft, Tim Coleman u Bert Freeman. Dan wassal lit-tim biex bil-mod il-mod jibqa' nieżel l-isfel fil-klassifika li kompla jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja li kienet diġà waħda prekarja: fil-fatt l-attendenza fil-grawnd naqset drastikament. Fl-aħħar tad-deċennju l-Manor Ground irreġistrat mejda ta' madwar 11,000 spettatur kull partita, ftit iktar min-nofs ta' dak li kien reġistrat fl-1904.[10] Il-klabb kien qrib tal-falliment, u fl-1910 mar f'likwidazzjoni volontarja qabel ma kien akkwistat minn konsorzju ta' negozjanti; l-akbar azzjonisti minn dawn kien il-bniedem fakultuż Sir Henry Norris, president ta' Fulham.[11]

Trasferiment għal Highbury (1910–1925)[editja]

Norris kien perfettament konxju mill-problemi assoċċjati mal-lokazzjoni ġeografika ta' Woolwich Arsenal u kien ħadem ħafna biex itejjeb l-introjti tal-klabb. L-ewwel ħaġa li Norris prova jagħmel kien li jgħaqqad lil Woolwich Arsenal mal-klabb l-ieħor taħt il-proprjetà tiegħu, il-Fulham. Din l-operazzjoni kienet imwaqqfa mill-Football League, u b'hekk abbanduna l-idea ta' fużjoni u pproġetta li jittrasferixxi l-klabb x'imkien ieħor, fejn eventwalment għażel sit f'Highbury, fit-tramuntana ta' Londra. Minkejja oġezzjonijiet kemm mill-partitarji f'Woolwich u residenti f'Highbury,[12] Norris b'tenaċità kkonkluda dan it-trasferiment. Hu rappurtat li nefaq £125,000[13] (madwar £8.2 miljun fis-suq tal-2005[14]) għall-kostruzzjoni tal-istadju l-ġdid, iddisinjat minn Archibald Leitch, fuq grawnd tal-logħob ta' kulleġġ tat-teoloġija. Woolwich Arsenal ittrasferixxa fil-perjodu ta' qabel l-istaġun fl-1913, wara li kien spiċċa fl-aħħar post u b'hekk relegat fit-Tieni Diviżjoni fl-1912–13.[8] F'April 1914 neħħa l-"Woolwich" mill-isem, u minkejja li huma kienu uffiċċjalment imsejjħin "Arsenal", għall-bidu l-istampa kienet tirreferi għalihom bħala "The Arsenal".[13]

Fl-1919 il-klabb daħal għal darb'oħra u b'mod kontroversjali fl-Ewwel Diviżjoni,[15][16] minkejja li spiċċaw biss fis-sitt post fl-istaġun 1914–15, l-aħħar staġun ta' futbol professjonista qabel il-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija — anke jekk żball fil-kalkolu tal-medja tal-gowls iddeterima il-pożizzjoni ta' Arsenal fil-ħames post,[17] żball li l-Football League ikkoreġietu fl-1975.[18] Il-parteċipazzjoni fl-Ewwel Diviżjoni kienet estiża minn 20 għal 22 klabb u t-tnejn il-ġodda kienu magħżula fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Football League. Wieħed minn dawn il-postijiet kien riservat lil Chelsea, li kien spiċċa fid-dsatax-il post fil-Ewwel Diviżjoni u b'hekk relegat; l-ieħor setgħa kien ikun għal Tottenham Hotspur, klassifikat fl-għoxrin post u b'hekk hu wkoll relegat, jew għal Barsnley jew għall-Wolves, li kienu kklassifikaw fit-tielet u r-raba' post rispettivament fit-Tieni Diviżjoni.[17]

Minflok, il-League iddeċidiet li tippromovi lil Arsenal li kien ikklassifika fil-ħames, minħabba raġunijiet storiċi aktar milli minħabba l-mertu. Norris sostna li l-Arsenal kellhom ikunu ammessi fl-aqwa diviżjoni minħabba "is-servizz twil li ngħata għall-futbol professjonista", fejn kien l-ewwel klabb tal-League li kien min-nofsinhar.[16] L-eżekuttiv tal-League qabel; huma vvutaw tmintax-il vot favur il-promozzjoni ta' Arsenal u tmienja favur il-promozzjoni tar-rivali tal-Arsenal, it-Tottenham Hotspur,[15] fattur li kompla jkabbar ir-rivalità bejn dawn iż-żewġ timijiet. Kien allegat li d-deċiżjoni kienet frott ta' qbil minn taħt jew anki ta' korrezzjoni min-naħa ta' Sir Henry Norris,[15] li ikkonfoffa ma' John McKenna, president tal-Liverpool, u l-Football League, li rrikkmanda l-promozzjoni tal-Arsenal fil-laqgħa ġenerali annwali.[15]

Ma kien qatt ippruvat jekk kienux saru xi affarijiet ħżiena, anki jekk aspetti oħra tal-operazzjonijiet finanzjarji ta' Norris li ma kinux x'jaqsmu mal-promozzjoni, kabbru l-ispekulazzjoni fuq il-kwistjoni. Norris irriżenja bħala president u abbanduna lill-klabb fl-1929, meta kien misjub ħati ta' irregolarità finanzjarja mill-Football Association. Hu kien instab li kien abbuża mill-vantaġġi ġejjin mill-infiq u daħħal flus ottenuti mill-bejgħ tax-xarabank tal-iskwadra tal-Arsenal.[19] L-Arsenal baqgħet minn dakinhar fl-aqwa serje, tant li żżomm ir-rekord Ingliż tal-akbar perjodu bla interuzzjoni fl-aqwa serje.[20]

It-trasferiment f'Highbury wassal għal aktar attendenza; l-attendenza medja ta' Arsenal fl-ewwel staġun f'Highbury kienet ta' 23,000 (ikkomparata mal-11,000 f'Manor Ground) u kibret aktar wara l-promozzjoni fl-1919, fejn fl-aħħar marret aktar lura l-biża' ta' rovina finanzjarja.[21] Madanakollu, ir-ritorn fl-Ewwel Diviżjoni tal-Arsenal ma tantx kien immedjatament ta' suċċess. Taħt Leslie Knighton, il-klabb qatt ma spiċċa aqwa mid-disa' post, u fl-1923–24 huma waslu qrib fir-ritorn fit-Tieni Diviżjoni, fejn spiċċaw fid-dsatax-il post u b'punt biss barra miż-żona relegazzjoni.[22] Arsenal ma marrux aħjar fl-istaġun segwenti hekk kif ikklassifikaw fl-20 post (minkejja paradossalment il-klabb kienu aktar siguri din id-darba, b'seba' punti fuq iż-żona relegazzjoni). Għal Norris kienet biżżejjed biex eżonera lil Knighton f'Mejju 1925,[23] u minfloku ħatar lill-kowċ ta' Huddersfield Town, Herbert Chapman.

L-era Chapman (1925–1934)[editja]

Is-suċċessi ta' Herbert Chapman huma kommemorati permezz ta' bust tal-bronż ġewwa l-Arsenal Stadium.

Chapman irriforma diversi attivitajiet tal-klabb, fejn immodifika, per eżempju, il-preparazzjoni atletika u t-teknika tal-fiżjoterapija, żied in-numru fuq il-flokkijiet tal-plejers f'Awissu 1924,[24] u biddel il-kuluri tal-iskwadra permezz taż-żieda ta' kmiem bojod mal-flokk l-aħmar f'Marzu 1933. Chapman insista wkoll li l-ġurnalisti min-naħa tal-istampa, għandhom ineħħu l-artiklu definittiv mill-isem tal-klabb, fejn sar sempliċiment "Arsenal", u ggwida kampanja ta' suċċessi biex isemmi lill-istazzjoni lokali, minn Gillespie Road għal Arsenal.[25] F'dak l-istess żmien, Chapman kellu baġitt sostantiv għall-kampanja trasferimenti, li kien possibbli wara titjib fl-introjtu mill-istadju l-ġdid tagħhom. Kien ta' influwenza wkoll il-bidla fil-karattru ta' Henry Norris; minn president kemmxejn prudenti, Norris kien issa deċiż li jinvesti somom ta' flus għall-akkwist ta' plejers ġodda.[26]

L-ewwel akkwista ta' Chapman kien il-vetran Charlie Buchan ta' Sunderland, li kellu jkopri rwol deċiżiv anki barra l-grawnd. Wara telfa ta' 7–0 ta' Arsenal kontra Newcastle United f'Ottubru 1925, hu ipppropona bidla fil-formazzjoni b'mod li jadatta ruħu għal rilassament fuq ir-regola tal-offside. Il-modifika kienet tikkonsisti l-arranġament tal-iskwadra skont il-piramida WM, permezz tat-tisħiħ tad-difiża billi jitfgħu lid-difensuri ċentrali lura fid-difiża u d-difensuri fuq il-faxex jilgħabu fuq il-ġwienaħ.[27] Maż-żmien Chapman żviluppa aktar il-formazzjoni, fejn ikkonċentra fuq in-neċessità ta' attakk rapidu, bi plejers fuq il-ġwienaħ li jaqtgħu lejn iċ-ċentru, u ta' midfilder kreattiv li jkun kapaċi jimmanuvra fuq il-ballun.[28] Arsenal spiċċa t-tieni fl-ewwel staġun ta' Chapman, l-aqwa pożizzjoni sa dak iż-żmien,[29] imma kien avveniment iżolat. Fl-istaġuni suċċessivi, fil-fatt, l-iskwadra kklassifikat f'pożizzjonijiet ta' nofs il-klassifika, waqt li Chapman kien qed jaħdem biex jassembla tim kompetittiv, fejn ikkonkluda akkwisti importanti bħal Joe Hulme bħala ġwejnħa, l-attakkabt Jack Lambert u d-difensuri Tom Parker u Herbie Roberts. Fl-1926–27 l-Arsenal laħqet l-ewwel finali tal-FA Cup fl-istorja tagħha, li tilfitha bl-iskor ta' 1–0 kontra Cardiff City, wara li l-gowler ta' Arsenal Dan Lewis ma rnexxielhux jikkontrolla ballun meta dan għaddhielu minn bejn idejh u daħal ġox-xibka;[30][31] din kienet l-unika okkażżjoni fl-istorja li l-FA Cup kienet mirbuħa minn klabb barra mill-Ingilterra.[32]

Chapman ma skoraġġax ruħu u kompla jibni t-tim, fejn kiseb il-futur kaptan Eddie Hapgood, u tliet a mill-aqwa attakkanti fl-istorja tal-klabb, David Jack, Alex James u Cliff Bastin. Fost dawn kien Alex James li l-aktar spikka hekk kif hu kien jikkrea l-logħob tal-Arsenal f'nofs il-grawnd, kien jassisti lil diversi plejers fil-linja tal-attak u fuq il-faxex, u għal dan kollu hu kien distint bħala l-"mutur" tal-formazzjoni minn Londra.[33] Tliet snin wara l-ewwel finali tal-FA Cup, fl-1929–30, l-Arsenal laħaq għal darb'oħra l-finali ta' Wembley, din id-darba kontra t-tim il-qadim ta' Chapman, il-Huddersfield Town. Din il-partita baqgħet famuża minħabba li l-plejers kienu nfastiditi mill-ħoss tedjanti ta' diriġibbli Ġermaniż Graf Zeppelin, però il-plejers ta' Arsenal ma tilfux il-konċentrazzjoni u rebħu 2–0 b'gowls ta' James u Lambert, fejn b'hekk ikkonkwistaw l-ewwel trofew maġġuri fl-istorja tal-klabb.

Kien dan l-ewwel suċċess f'deċennju fejn l-Arsenal kienu l-klabb l-aktar dominanti fl-Ingilterra. Rebaħ għall-ewwel darba l-Ewwel Diviżjoni fl-1930–31 u kien awtur ta' prestazzjonijiet eċċellenti f'korsa għal titlu rikk fin-numru ta' gowls mal-Aston Villa, fejn irreġistraw rebħiet kbar (7–1 kontra Blackpool, 7–2 kontra Leicester City u 9–1 kontra Grimsby Town, li jibqa' r-rekord tal-klabb għall-aqwa serje). L-Arsenal rebaħ it-titlu żewġ partiti qabel it-tmiem, u spiċċa l-istaġun b'total ta' 127 gowl (rekord ieħor tal-klabb), minkejja li l-Aston Villa irnexxielhom jiskorjaw 128, li hu r-rekord tal-aktar gowls skurjati fi staġun wieħed fl-aqwa diviżjoni Ingliża.

Fl-istaġun segwenti l-Arsenal laħqet għal darb'oħra l-finali tal-FA Cup, li tilfet b'mod kontroversjali kontra n-Newcastle United. Fil-vantaġġ bl-iskor ta' 1–0 grazzi għall-gowl ta' Bob John, imma Newcastle kisbu l-pari wara li passaġġ fit-tul qasam il-linja tal-gowl, u barra għal goal kick;[34] Jimmy Richardson xorta waħda ta passaġġ fiċ-ċentru tal-kaxxa u Jak Allen kiseb il-pari għall-"Magpies"; Allen reġa' skorja fit-tieni taqsima biex rebħu 2–1. L-imrar tal-Arsenal kien intensifikat mill-fatt li l-Everton kienet daħlet fit-taqbida għar-rebħ tat-titlu fl-1931–32. Fil-fatt, b'kawża ta' bidu negattiv tal-istaġun, il-klabb spiċċa żewġ punti mill-ewwel post tal-klassifika.[35]

L-iskwadra reġgħet qabżet lura fl-istaġun suċċessiv, fejn kiseb it-tieni titlu tal-kampjonat. Wara li bdew l-istaġun fuq nota negattiva, għamlu serje ta' rebħiet li wasslithom biex jilħqu u anki jgħaddu lir-rivali tal-Aston Villa, fejn dawn tal-aħħar tilfu 5–0 f'Highbury f'April fil-partita li kkonferma s-suċċess finali tal-Arsenal.[36] L-ewwel akkwisti ta' Chapman, però, bdew juru l-età tagħhom,[37] u b'hekk b'għajn fuq il-futur Chapman ippromova lil George Male mal-ewwel tim biex jieħu post Tom Parker, u iffirma Ray Bowden biex jieħu post David Jack. L-unika tebgħa tal-istaġun kienet it-telfa b'sorpriża kontra Walsall, klabb tal-Third Division North, fl-FA Cup. F'dik il-partita ħames plejers regulari kienu indisponibbli minħabba li kienu mweġġgħin jew kellhom l-influwenza u posthom ħaduhom ir-riservi,[38] imma, minkejja l-preżenza ta' sitt plejers regulari, l-Arsenal tilfu 2–0 f'wieħed mill-aktar avvenimenti ta' diżappunt fl-istorja tal-FA Cup.[39]

Tripletta ta' titli tal-kampjonat (1934–39)[editja]

L-East End tal-Arsenal Stadium, mibnija fl-1936.

L-Arsenal kienet bdiet tajjeb l-istaġun 1933–34, imma f'Jannar 1934 Herbert Chapman miet f'daqqa b'kawża tal-pulmonite. Minkejja dan, Joe Shaw ħa post temporarju fil-bankina tal-iskwadra, u l-iskwadra minn Londra reġa' kkonferma ruħu bħala Ċampjin tal-Ingilterra, anki jekk ma kinitx it-tim offensiv tal-istaġun preċedenti. Hulme u James kienu barra mil-logħob għal parti kbira tal-kampanja, u b'hekk Arsenal skurjaw biss 75 gowl; ftit meta kkumparati mal-118-il gowl skurjat fl-1932–33.[29]

George Allison, li kien diġà direttur tal-klabb, ħa l-inkarigu tal-kowċ tat-tim fis-sajf tal-1934 u żied demm ġdid fl-iskwadra tiegħu permezz tal-akkwisti tal-midfilders Jack Crayston u Wilf Copping u l-attakkant Ted Drake.[36] B'dawn il-plejers il-ġodda l-Arsenal kisbet it-tielet titlu konsekuttiv fl-1934–35 u rnexxielha terġa' tesprimi l-aqwa attakk tal-kampjonat: Drake stabilixxa r-rekord tal-klabb ta' 42 gowl u l-istaġun kien akkompanjat minn serje ta' rebħiet kbar li jfakkru dawk tal-1930–31 (bħar-rebħa ta' 7–0 kontra l-Wolves, it-8–1 kontra l-Liverpool u ż-żewġ riżultati identiċi ta' 8–0 kontra l-Leicester City u Middlesbrough).[40] Kejl tas-saħħa kbira tal-Arsenal ġiet murija f'Novembru 1934, meta seba' plejers tal-klabb lagħbu mal-ewwel ħdax għall-Ingilterra fir-rebħa ta' 3–2 kontra ċ-ċampjins tad-dinja ta' dak iż-żmien, l-Italja, f'partita li baqgħet tissejjaħ bħala l-"Battalja ta' Highbury". Dan hu rekord għal klabb Ingliż, fejn għadu fis-seħħ sal-lum il-ġurnata.[41]

Is-suċċessi tal-Arsenal attiraw aktar pubbliku. L-istadju ta' Highbury kien kompletament ristrutturat, it-tribuni ta' Leitch (mill-1913) kienu demoliti u sostitwiti minn oħrajn moderni fi stil art deco, fejn partijiet minn dawn tal-aħħar għadhom sal-lum. Il-faċċatta tal-East Stand hi klassifikata bħala opra tat-tieni grad fil-klassifikazzjoni tal-monumenti Ingliżi,[42] u ż-żewġ faċċati kienu ġew ikkonservati fl-opra ta' trasformazzjoni ta' Highbury f'kumpless residenzjali modern. F'dak l-istess żmien, it-terrazzi tan-North Bank u dik tal-Clock End kellhom is-soqof installti. L-istadju l-ġdid irreġistra r-rekord ta' attendenza (73,295 spettatur) fid-9 ta' Marzu 1935 fl-okkażżjoni tal-partita kontra Sunderland.[43]

Id-dominanza tal-"Gunners" fid-deċennju kienet issiġillata permezz tat-tieni rebħa fl-FA Cup fl-1935–36. Fil-finali rebħu 1–0 lil Sheffield United, b'gowl ta' Drake. It-tellieqa għat-titlu nazzjonali sfumat qabel ma kien mistenni. Wara s-suċċess tal-1934–35, l-iskwadra ħasset in-nuqqas ta' Alex James, li kien irtira, fejn ma rnexxilhiex issib sostitut denju tal-kalibru tiegħu, u kif ukoll għan-nuqqas tal-plejers Herbie Roberts u Joe Hulme, fejn kienu barra mil-logħob minħabba uġigħ serju. Madanakollu, il-ħames titlu wasal ukollk fl-1937–38, fejn irnexxielhom joħduh minn idejn Wolverhampton Wanderers fl-aħħar ġurnata. Dan kien is-siġill ta' deċennju memorabbli.

It-Tieni Gwerra Dinjija (1939–45)[editja]

Ftit qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1939, fil-Gran Brittanja l-futbol professjonistiku tal-ewwel livell kien sospiż u l-istaġun 1939–40 kien annullat. Highbury kien magħżul bħala stazzjoni tal-ARP u wara l-Clock End kienet ġiet pożizzjonata bużżieqa tal-arja pressata għall-użu militari. Waqt bumbardament nazista fuq Londra bejn l-1940 u l-1941, bomba waqgħet fuq North Bank, fejn qerdet is-saqaf u bdiet in-nar fuq is-setaħ tagħha. Meta Highbury kien magħluq, l-Arsenal kienet tilgħab il-logħob f'darha f'White Hart Lane, l-istadju tar-rivali tagħhom Tottenham Hotspur.[44] Il-partiti matul iż-żmien tal-gwerra ma jgħoddux mal-istatistika uffiċjali. Fil-fatt, il-kompetizzjonijiet li kienu jintlagħbu kienu fuq bażi reġjonali u ħafna drabi t-timijiet li kienu jieħdu sehem ma kinux jikkompetu fi staġun sħiħ. Ħafna plejers daħlu fil-forzi armati bħala għalliema u b'hekk kienu 'l bogħod mill-klabbs għal perjodu twil, fejn kienu jkunu mpjegati, minfok, bħala "ospiti" fi klabbs oħra. Arsenal rebħu l-Football League War Cup South fl-1942–43 u t-titli ta' London jew Southern League fl-1939–40, fl-1941–42 u fl-1942–43.[45]

F'Novembru 1945, bil-kampjonat li jkun għadu sospiż, Arsenal kienu wieħed mit-timijiet li lgħabu kontra Dynamo Moscow f'kors ta' ġita li dan tal-aħħar għamel fir-Renju Unit. B'ħafna mill-plejers kienu għadhom barra minn pajjiżhom biex iservu mal-forzi armati, l-Arsenal kellha tisskjera mal-ewwel ħdax sitt plejers "ospiti", fosthom Stanley Matthews u Stan Mortensen, li wassal lit-tim ta' Dyanmo jiddikjara li fil-verità kien qed jaffronta selezzjoni Ingliża,[46] għalkemm tliet minnhom kienu mill-Galles. Dyamo stess kellhom lil Vsevolod Bobrov b'self minn CDKA Moscow.[47] Il-partita, f'White Hart Lane, bdiet fiċ-ċpar. Dynamo, espert teknikament, rebaħ bl-iskor ta' 4–3, anki jekk l-Arsenal kienu fil-vantaġġ 3–1 fi tmiem l-ewwel taqsima.

Minkejja li hemm qbil fuq ir-riżultat (imma mhux fuq il-kronaka tal-partita), dwar l-iskorers tal-partita m'hemmx qbil fuqu.[48] Rapporti Ingliżi allegaw li Dynamo f'punt partikulari lagħbu tnax-il plejer, u pruvat tagħmel pressjoni fuq ir-referì biex jabbanduna l-partita meta huma kienu minn taħt. Min-naħa l-oħra, ir-Russi akkużaw lill-Arsenal għal logħob falluż u kif ukoll lil George Allison li għamel imħatra bil-flus fuq ir-riżultat (akkuża li wara kien irtirata).[49] Is-sitwazzjoni, b'hekk, ipproduċiet klima 'l bogħod minn waħda ta' ħbiberija.

Is-snin ta' wara l-gwerra (1945–66)[editja]

Fl-1949 l-Arsenal adottaw din l-emblema ħamra, li kienet ġie mibdula fl-2002.

Il-gwerra ħadet il-ħajja ta' disa' plejers tal-Arsenal — li b'hekk irriżulta li kien l-aktar tim mill-aqwa diviżjoni milqut[50] — u ż-żmien li kien għadda naqqas il-karriera ta' diversi oħrajn, bħal Bastin u Drake. Aktar minn hekk, id-dejn tal-kostruzzjoni tal-Highbury u l-ispejjeż biex tiġi msewwija l-ħsara kkaġunata mill-gwerra ħalla piż finanzjarju, u l-Arsenal batew għall-ewwel meta l-futbol kompetittiv reġa' beda fl-1946. Fit-tielet rawnd tal-FA Cup 1945–46 huma tilfu bl-iskor aggregat ta' 6–1 kontra l-West Ham United, u fl-1946–47 il-klabb spiċċa fit-tlettax-il post tal-kampjonat, l-agħar pożizzjoni mis-sbatax-il sena preċedenti.[29] George Allison iddeċieda li jirtira mill-futbol fl-aħħar tal-istaġun u kien sostitwit mill-assistent tiegħu Tom Whittaker, li kien ilu ż-żmien parti mill-klabb fejn kien diġà kowċ taħt id-diriġenza ta' Chapman.

Whittakker mal-ewwel kiseb suċċess, fejn rebaħ it-titlu 1947–48. Id-difiża, iggwidata mill-kaptan Joe Mercer, uriet il-validità tagħha, bħal ma kienet valida l-koppja tal-attakk Reg Lewis-Ronnie Rooke. L-Arsenal, l-aħħar f'Ottubru, kien awtur ta' rimonta straordinarja u spiċċa l-istaġun seba' punti ta' vantaġġ fuq it-tieni klassifikat.[51] Madanakollu, minħabba l-età tal-iskwadra li ma kinitx għadha waħda ġovanili (Rooke u Mercer kienu diġà qabżu t-tletin, bħal Denis u Leslie Compton), ma kienx possibli suċċess fuq perjodu twil. B'hekk Whittaker għamel akkwisti ġovanili ta' Doug Lishman, Alex Forbes u Cliff Holton.[52] Minkejja li l-Arsenal ma setgħux jikkompetu għat-titlu, bl-investimenti l-ġodda huma rebħu l-FA Cup 1949–50, b'Reg Lewis jiskorja doppjetta fir-rebħa ta' 2–0 kontra l-Liverpool.

L-1951–52 ra lill-"Gunners" imorru viċin id-double, imma spiċċaw l-istaġun mingħajr trofej. Serje ta' plejers barra mil-logħob u kalendarju mimli impenji fil-finali tal-istaġun waslu lill-Arsenal jitilfu l-aħħar żewġ partiti tal-istaġun, fosthom il-partita deċiżiva għat-titlu kontra ċ-ċampjins eventali ta' Manchester United f'Old Trafford fl-aħħar ġurnata tal-istaġun;[53] wara li tilfu 6–1, il-"Gunners" spiċċaw it-tielet, bl-istess numru ta' punti ma' Tottenham.[54] Ġimgħa wara l-iskwadra ta' Whittaker affrontaw lil Newcastle United fil-finali tal-FA Cup 1951–52, b'formazzjoni li kienet tinvolvi diversi plejers li kienu rkupraw fl-aħħar mumenti mill-uġigħ li kienu qed isofru. Fit-35 minuta Walley Barnes kellu joħroġ barra minħabba rkoppa milwija (l-ebda sostituzzjonijiet ma kienu permessi dak iż-żmien). L-Arsenal, li b'hekk kienu issa b'għaxar plejers fil-grawnd, kellha ssofri wkoll in-nuqqas ta' Holton, Roper u Daniel, li b'hekk in-numru ta' plejers tal-Arsenal naqas għal sebgħa.[55] B'vantaġġ numeriku, Newcastle rebħu b'gowl ta' George Robledo.

Minkejja dan id-diżappunt, fl-1952–53 it-tim minn Londra kiseb is-seba' titlu tal-kampjonat, wieħed mill-aktar kumbattuti fl-istorja. Dak it-tim li kellu jsofri kien il-Preston North End hekk kif huma ma kisbux it-titlu minħabba medja ta' gowls agħar mit-tim tal-Arsenal, wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw l-istess fil-punti.[56] Għall-bidu t-titlu kien jidher li kien se jkun ta' Preston wara li l-Arsenal tilfu kontrihom bl-iskor ta' 2–0 f'Deepdale fil-ġurnata ta' qabel tal-aħħar tal-istaġun, imma l-Arsenal irrimontaw kontra Burnley u rebħu 3–2, biex kisbu t-titlu għal 0.099 aktar fil-medja tal-gowls.[57] Dan kellu jkun l-aħħar trofew tal-Arsenal fis-sbatax-il sena segwenti, hekk kif il-fortuni tal-Arsenal bdew jisfumaw, partikularment wara l-mewt inaspettata ta' Tom Whittaker f'Ottubru 1956.

Hekk kif il-fortuni tal-klabb naqsu, huma sabu lilhom infushom mhux kapaċi li jattiraw diversi stilel tal-futbol (minbarra l-gowler tan-nazzjonal Galliża Jack Kelsey) minħabba riżultati medjokri, u l-iskwadra tilfet ukoll fost l-aqwa plejers tagħha, bħal David Herd, li telqu lill-klabb għal oħrajn ta' aktar suċċess. Jack Crayston u George Swindin, eks-plejers tal-Arsenal, ħadu t-tmun tal-klabb wara t-telfa ta' Whittaker, imma ma rnexxielhomx jirreplikaw is-suċċess li kien kiseb. Barra milli spiċċaw it-tieni fl-1958–59 u l-ħames fl-1955–56 u fl-1956–57, l-Arsenal is-soltu kien jikklassifika f'nofs il-klassifika.[29] Il-klabb lanqas kellu suċċess fl-FA Cup — wara li laħqu l-finali fl-1951–52, l-Arsenal ma marrux aktar mill-kwarti tal-finali sal-1970–71.[29] Biex tkompli tgħarraqha, ir-rivali tagħhom tat-Tottenham Hotspur rebħu l-kampjonat u t-tazza nazzjonali fl-1960–61.

Fl-1962 l-Arsenal għamlu mossa riskjuża hekk kif innominaw bħala kowċ lill-eks-kaptan tat-tim nazzjonali Ingliż u ta' Wolverhampton Billy Wright, minkejja n-nuqqas ta' esperjenza bħala kowċ u l-fatt li ma kienx jaf l-ambjent. Bħaż-żewġ predeċessuri tiegħu, Wright ma tantx ġab suċċessi, anki jekk taħt it-tmexxija tiegħu l-klabb idebutta fil-kompetizzjonijiet Ewropej, preċiżament fit-1963–64, grazzi għas-seba' post miksub fl-1962–63.[29] Fl-aħħar staġun ta' Wright l-Arsenal ikklassifika fl-erbatax-il post, l-agħar pożizzjoni tas-36 sena preċedenti, u rreġistrat l-inqas attendenza ta' kull żmien f'Highbury — 4,554 spettatur kontra l-Leeds United fil-5 ta' Mejju 1966.[43][58] L-uniku plejer tal-Arsenal li kien parti mit-tim nazzjonali Ingiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 1966 li sar ġewwa l-Ingilterra stess kien George Eastham, li ma lagħab fl-ebda mument tat-turnew.[59] Wright kien eżonerat fis-sajf tal-1966[60] u kien sostitwit mill-fiżjoterapista tal-klabb Bertie Mee. Mee għamel żvolta kbira, fejn iggwida lil-klabb kemm għas-suċċess fl-Ewropa u anki f'pajjiżhom fil-ħames snin suċċessivi.

Ara wkoll[editja]

Referenzi[editja]

  1. ^ Tim tal-futbol ieħor ibbażat f'Royal Arsenal, Woolwich Union, kien fundat fl-1884, u xi plejers ta' Dial Square, fosthom Fred Beardsley, kienu lagħbu qabel ma' din l-iskwadra. Madanakollu, storiċi tal-klabb ġenerlament jikkunsidraw lil Dial Square bħala l-pijunieri diretti tal-Arsenal. Referenza: Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005. ISBN 0-600-61344-5
  2. ^ a b Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  3. ^ In-numru ta' gowls skurjati minn Dial Square hu inċert, minkejja li sitta hi l-figura uffiċċijali rikordjata. Referenza: Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  4. ^ a b Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  5. ^ (Ingliż) Royal Arsenal. Football Club History Database. Aċċess tal-URL: 20-03-2008.
  6. ^ a b Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  7. ^ Alan Roper, The Real Arsenal Story: In the Days of Gog, , 2004. ISBN 0-9546259-1-9
  8. ^ a b c Woolwich Arsenal. fchd.info. Aċċess tal-URL: 21-03-2008.
  9. ^ Jon Spurling, Rebels For The Cause: The Alternative History of Arsenal Football Club, , 2004. ISBN 0-575-40015-3
  10. ^ (Ingliż) A Conservation Plan for Highbury Stadium, London (PDF), p. 13. Islington Council. Aċċess tal-URL: 21-03-2008.
  11. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  12. ^ Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  13. ^ a b Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  14. ^ skont l-RPI Calculator fuq: (Ingliż) Five Ways to Compute the Relative Value of a UK Pound Amount. MeasuringWorth.com. Aċċess tal-URL: 30-04-2008.
  15. ^ a b c d Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  16. ^ a b Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  17. ^ a b (Ingliż) England 1914/15. RSSSF. Aċċess tal-URL: 01-05-2008.
  18. ^ Phil Soar; Martin Tyle, Arsenal 1886-1986: The Official Centenary History of Arsenal Football Club, , 1986.
  19. ^ Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  20. ^ (Ingliż) Did Bobby Moore win the US League with West Ham?. Guardian Unlimited. Aċċess tal-URL: 01-05-2008.
  21. ^ (Ingliż) A Conservation Plan for Highbury Stadium, London (PDF), p. 14. Islington Council. Aċċess tal-URL: 21-03-2008.
  22. ^ (Ingliż) England 1923/24. RSSSF. Aċċess tal-URL: 09-05-2008.
  23. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  24. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  25. ^ (Ingliż) London Underground and Arsenal present The Final Salute to Highbury. Transport for London. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  26. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  27. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  28. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  29. ^ a b c d e f (Ingliż) Arsenal. Football Club History Database. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  30. ^ (Ingliż) Classic Cup Finals: 1927. TheFA.com. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  31. ^ (Ingliż) Wales On Air - The 1927 FA Cup. BBC Wales. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  32. ^ (Ingliż) Cardiff's 1927 FA Cup Victory. BBC Wales. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  33. ^ Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  34. ^ (Ingliż) FA Cup Final 1932. fa-cupfinals.co.uk. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  35. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  36. ^ a b Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  37. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  38. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  39. ^ (Ingliż) Third Round upsets. TheFA.com. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  40. ^ (Ingliż) England 1934/35. RSSSF. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  41. ^ L-Arsenal iżomm ir-rekord tal-aktar plejers li niżlu fil-grawnd mill-ewwel minuta mat-tim nazzjonali Ingliż. Meta hu kkunsidrat il-plejers li daħlu fil-grawnd matul il-partita, dan ir-rekord hu maqsum ma' Manchester United. Fit-28 ta' Marzu 2001, fil-fatt, fit-tmiem tal-partita bejn l-Ingilterra u l-Albanija, kienu seba' plejers tal-United fil-grawnd, imma tnejn minnhom kienu daħlu bħala sostituti matul il-kors tal-partita. Referenza: (Ingliż) Most Players from a Single Club in an England Team. England Football Online. Aċċess tal-URL: 10-05-2008.
  42. ^ (Ingliż) A Conservation Plan for Highbury Stadium, London (PDF), p. 4. islington.gov.uk.. Aċċess tal-URL: 21-03-2008.
  43. ^ a b (Ingliż) Club Records. Arsenal.com. Aċċess tal-URL: 09-05-2008.
  44. ^ Soar & Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  45. ^ (Ingliż) ArseWeb on... Wartime Arsenal. Arseweb. Aċċess tal-URL: 09-05-2008.
  46. ^ Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  47. ^ Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  48. ^ Per eżempju, Cliff Bastin u Bernard Joy, li t-tnejn lagħbu fil-logħba, stqarrew li kien Vasili Kartsev li skorja l-ewwel gowl għal Dynamo, waqt li l-ġurnalist Brian Glanville, dik il-ġurnata bħala spettatur, afferma li kien Vsevolod Bobrov li għamel dan. Referenza: Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  49. ^ Spurling, Rebels For The Cause, , 2004.
  50. ^ Anton Rippon, Gas Masks for Goal Posts: Football in Britain During the Second World War, , 2007. ISBN 0-7509-4031-X
  51. ^ (Ingliż) Season 1947–48. RSSSF. Aċċess tal-URL: 06-05-2008.
  52. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  53. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  54. ^ (Ingliż) Season 1951–52. RSSSF. Aċċess tal-URL: 05-05-2008.
  55. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  56. ^ (Ingliż) Season 1952–53. RSSSF
  57. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.
  58. ^ Għal ġustifikazzjoni parzjali, hu notat li f'dak l-istess lejl il-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej 1965–66 bejn il-Borussia Dortmund u l-Liverpool kienet imxandra direttament fuq it-televiżjoni, avveniment rari u prestiġjuż għal dik l-epoka, waqt li l-konfront bejn Arsenal u Leeds United xorta ma setax ikun wieħed deċiżiv għall-ebda miż-żewġ timijiet. Kien ukoll għal dawn il-fatturi li l-attendenza fl-istadju kienet waħda skarsa.
  59. ^ (Ingliż) England in World Cup 1966: Squad Records. englandfootballonline.com. Aċċess tal-URL: 05-05-2008.
  60. ^ Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005.

Biblijografija[editja]

  • Bernard Joy, Forward Arsenal!, , 1952.
  • Jem Maidment, The Official Arsenal 100 Greatest Games, , 2005. ISBN 0-600-61376-3
  • Alan Roper, The Real Arsenal Story: In the Days of Gog, , 2003. ISBN 0-9546259-0-0
  • Phil Soar; Martin Tyler, The Official Illustrated History of Arsenal, , 2005. ISBN 0-600-61344-5
  • Jon Spurling, Rebels For The Cause: The Alternative History of Arsenal Football Club, , 2004. ISBN 0-575-40015-3
  • Graham Weaver, Gunners' Glory: 14 Milestones in Arsenal's History, , 2005. ISBN 1-84018-667-4