Roi Mata

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tat-tliet postijiet assoċjati ma’ Roi Mata u li ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO

Roi Mata kien l-aħħar kap b’saħħtu tal-Melanasja tas-seklu 17 minn gżejjer li issa huma parti minn Vanuatu, fl-Oċeanja. Il-qabar elaborat tiegħu, li jinkludi l-katavri ta’ iktar minn 25 membru li kienu jsegwuh, ġie skopert mill-arkeologu Franċiż José Garanger fl-1967.[1] Garanger irnexxielu jsib il-qabar ta’ Roi Mata fil-gżira ta’ Eretoka jew Artok billi analizza l-ġrajjiet folkloristiċi lokali. Skont leġġenda, meta Roi Mata ħakem il-gżejjer, l-ewwel għan tiegħu kien li jgħaqqad it-tribujiet differenti sabiex jifforma armata.

Ir-renju tiegħu baqa’ rinomat fil-gżejjer bħala wieħed paċifiku, għalkemm eventwalment Roi Mata ġie vvelenat minn ħuh u miet. Il-ġisem tiegħu ma ġiex midfun f’art twelidu u ismu ma ntużax mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh minħabba li n-nies tal-post beżgħu li jurtaw l-ispirtu tiegħu.

Fl-2008, tliet siti assoċjati ma’ Roi Mata, fil-gżejjer ta’ Efate, Lelepa u Eretoka, ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji uniku tal-UNESCO.[2]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ġebel u l-qxur tal-frott tal-baħar funebri tal-qabar ta’ Roi Mata

L-uniku sit ta’ wirt dinji ta’ Vanuatu huwa magħmul minn tliet postijiet assoċjati mal-Kap Roi Mata. Fil-gżira ta’ Efate hemm il-fdalijiet ta’ art twelid Roi Mata f’Mangaas, fil-gżira ta’ Lelepa hemm l-għar imsejjaħ Fels bi tpinġijiet antiki mal-ħitan, u fil-gżira Eretoka jew Artok (li tfisser “kappell” minħabba l-għamla tal-gżira kif tidher mill-baħar) hemm il-qabar ta’ Roi Mata b’ġebliet u bi qxur tal-frott tal-baħar li kienu jintużaw għal skopijiet funebri.

L-aċċess għal dawn il-postijiet huwa ristrett u biex iżżurhom trid tkun akkumpanjat minn gwida bil-liċenzja. L-għar Fels fil-gżira ta’ Lelepa jinsab ġo rdum fl-għoli li jista’ jiġi aċċessat b’għadd ta’ taraġ. Il-blat tal-irdum u tal-għar huwa magħmul mill-ġebla tal-ġir, u din qed tittiekel b’pass mgħaġġel ħafna, mhux biss minħabba l-elementi iżda anke minħabba t-terremoti li spiss jheżżu l-gżira. L-aħħar terremot li kkawża ċ-ċediment ta’ parti mid-daħla tal-għar Fels seħħ fl-2002[3] u l-borġ ġebel kbir li waqa’ mis-saqaf tħalla fejn id-daħla. Kif wieħed jaqbeż dan il-ġebel, u jixgħel id-dawl b’xi torċ fl-għar vojt (ħlief għal xi friefet il-lejl li jgħixu fih) mill-ewwel jista’ jilmaħ it-tpinġijiet suwed fuq il-ħitan tal-għar b’għamliet li jingħad li huma ta’ balieni, ta’ xeni tal-kaċċa u tat-tbaħħir, u tal-Kap Roi Mata nnifsu. L-erożjoni tal-għar hija kostanti u t-trab jidher nieżel il-ħin kollu mis-saqaf; għaldaqstant minħabba s-sogru ta’ xi ċediment, il-ħin fl-għar issoltu jkun limitat għal ftit minuti. Sakemm ma jsirx xi intervent biex is-saqaf tal-għar jintrifed u jiġu protetti t-tpinġijiet antiki, dejjem se jibqa’ jkun hemm ir-riskju li dan il-wirt jinqered u jintilef.[4]

Uħud mit-tpinġijiet mal-ħitan tal-għar Fels fil-gżira ta’ Lelepa

Is-sit ta’ wirt dinji jirrappreżenta l-pajsaġġ rappreżentattiv tas-sistemi ta’ tmexxija tat-tribujiet fl-Oċean Paċifiku. Is-siti assoċjat mal-Kap Roi Mata jirriflettu l-konverġenza bejn it-tradizzjoni bil-fomm u l-arkeoloġija u huma xhieda tal-persistenza tar-riformi soċjali u tas-soluzzjonijiet dejjiema għall-kunflitti li wettaq Roi Mata u li għadhom rilevanti għall-popolazzjoni lokali tar-reġjun. Dan huwa rifless fl-interazzjoni tal-popolazzjoni lokali mal-ambjent tagħhom tul iż-żmien u fir-rispett lejn il-fdalijiet tanġibbli u l-legat spiritwali u morali tar-riformi soċjali ta’ Roi Mata. Ir-rispett lejn l-awtorità ta’ dan il-Kap antik permezz tal-projbizzjonijiet u tat-tabujiet fir-rigward tar-residenza u l-postijiet funebri ta’ Roi Mata li ilhom jiġu rrispettati għal iktar minn 400 sena, strutturaw il-pajsaġġ lokali u l-prattiki soċjali. Ħafna min-nies lokali jemmnu li l-ispirtu ta’ Roi Mata għadu ħaj permezz ta’ għemilu, u għalhekk għadu sors ta’ setgħa u ta’ ispirazzjoni anke għal Vanuatu fiż-żminijiet kontemporanji.

Id-daħla tal-għar Fels bil-borġ ġebel mill-aħħar ċediment ikkawżat minn terremot fl-2002

Is-sit tqies li għandu valur straordinarju universali abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba s-siti assoċjati mal-Kap Roi Mata jirrappreżentaw pajsaġġ kulturali kontinwu li jirrifletti l-mod kif il-kapijiet tat-tribujiet kienu jirtu l-awtorità tagħhom mill-kapijiet ta’ qabilhom, u b’mod partikolari kif il-projbizzjonijiet u t-tabujiet rigward l-użu tas-siti tar-residenza u tad-dfin ta’ Roi Mata baqgħu jiġu osservati għal iktar minn 400 sena u għadhom jistrutturaw il-pajsaġġ lokali u l-prattiki soċjali; il-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”, ladarba s-siti assoċjati ma’ Roi Mata huma eżempju straordinarju ta’ pajsaġġ rappreżentattiv tas-sistemi tal-kapijiet tat-tribujiet fil-Paċifiku; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”, ladarba l-popolazzjoni lokali għadha temmen li dawn is-siti rappreżentattivi huma sors qawwi ta’ ispirazzjoni għal kif in-nies għandhom iġibu ruħhom f’ħajjithom.[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ ""Roy Mata" - Vanuatu A-Z | R - Racecourse, Radio, Real Estate, Religion, Resorts" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |opra= u |aċċess= (għajnuna)
  2. ^ a b UNESCO. "Chief Roi Mata's Domain" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |opra= u |aċċess= (għajnuna)
  3. ^ "A Pacific approach to conservation: Chief Roi Mata's Domain, Vanuatu" (bl-Ingliż). 2012-11-27. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  4. ^ ""Meredith Wilson, Chris Ballard and Douglas Kalotiti; Chief Roi Mata's Domain - Challenges facing a World Heritage-nominated property in Vanuatu" (PDF)" (PDF). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)