Monte Titano

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Monte Titano
 San Marino
Amministrazzjoni
Stat sovranSan Marino
Municipality of San MarinoBorgo Maggiore
Ismijiet oriġinali Monte Titano
Ġeografija
Koordinati 43°55′42″N 12°27′08″E / 43.9283°N 12.4522°E / 43.9283; 12.4522Koordinati: 43°55′42″N 12°27′08″E / 43.9283°N 12.4522°E / 43.9283; 12.4522
Monte Titano is located in San Marino
Monte Titano
Monte Titano
Monte Titano (San Marino)
Għoli 756 m
Demografija

Monte Titano hija għolja fl-Appennini u hija l-ogħla quċċata f'San Marino. Tlaħħaq għoli ta' 739 metru (2,425 pied)[1] 'il fuq mil-livell tal-baħar u tinsab eżatt fix-Xlokk tal-belt kapitali ta' San Marino. Spiss titqies bħala s-simbolu tal-pajjiż, minħabba l-estensjoni kbira tagħha meta mqabbel mad-dimensjonijiet modesti tal-pajjiż. Fuq it-tliet qċaċet prinċipali ta' Monte Titano, prinċipalment magħmula mill-ġebla tal-ġir, hemm tliet kastelli (jew torrijiet) li żguraw id-difiża tal-Belt ta' San Marino: Guaita, Cesta u Montale (li huma stilizzati fuq l-arma tar-repubblika).[2][3]

Monte Titano tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008 bit-titlu ċ-"Ċentru Storiku ta' San Marino u Monte Titano".[4] Jinkludi lil Monte Titano u strutturi oħra bħal fortifikazzjonijiet, torrijiet, ħitan, daħliet u bastjuni, kif ukoll bażilika Neo-Klassika fuq l-għolja, u x-xaqlibiet tagħha li jiffurmaw konglomerat urban żgħir iżda uniku.[5]

Fix-xifer ta' Monte Titano hemm il-belt ta' San Marino tar-Repubblika ta' San Marino, li għandha storja li tmur lura għall-bidu tas-seklu 4. Skont leġġenda marbuta ma' Monte Titano u d-distretti tal-madwar, kien jeżisti monasteru żgħir fil-quċċata tal-għolja matul is-seklu 8. Il-pajsaġġ muntanjuż jipprovdi veduti eċċellenti tal-madwar, u l-pożizzjoni iżolata tiegħu żgura l-iżolament meħtieġ biex San Marino jibqa' jeżisti bħala Repubblika matul id-diversi sekli li għaddew.[6]

Ġeografija u ambjent[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta mill-quċċata ta' Monte Titano.

Monte Titano tinsab fil-qalba ta' San Marino (fuq il-mapep tidher b'għamla pjuttost rettangolari) fuq l-Appennini, lejn ix-Xlokk tal-Belt ta' San Marino u lejn it-Tramuntana tal-villaġġ ta' Murata, b'distanza ta' 10 kilometri (6.2 mili) mill-Baħar Adrijatiku. Monte Titano tidher qisha għolja bil-blat tal-ġebla tal-ġir. Għalkemm l-ogħla punt huwa 739 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, l-għolja fil-biċċa l-kbira tagħha hija għolja madwar 200 metru. Mill-quċċata ta' Monte Titano wieħed jista' jara l-pajjiż kollu ta' San Marino u lil hinn. Mill-muntanji jnixxu diversi nixxigħat, inkluż ix-xmara ta' San Marino, bi fluss fix-xaqliba tal-Punent minn ġo wied wiesa' sax-xmara Marecchia, għal Marecchia Torello u għal ġol-Baħar Adrijatiku 23 kilometru (14-il mil) 'il bogħod; u x-xmara Cando, li tibda f'Marano, u li tnixxi fil-kosta Adrijatika bejn Rimini u Riccione Ausa. It-territorju għandu ħamrija għammiela fil-pjanura tal-Emilia Romagna u għoljiet baxxi wara xulxin fir-reġjunt ta' Marche u Montefeltro. Il-muntanji jibqgħu neżlin fil-Baħar Adrijatiku kalm.[7]

L-istemma ta' San Marino.

Matul il-perjodu Terzjarju, iż-żona fejn issa jinsab San Marino kienet baħar. Terremoti vjolenti heżżu mases kbar tal-art f'wiċċ id-Dinja. Minħabba dawn it-terremoti intensivi, massa tal-blat li tinsab madwar 80 kilometru (50 mil) mill-għolja, ġiet olzata u ċediet bil-mod il-mod lejn il-Baħar Adrijatiku. Din il-massa tal-blat żviluppat f'diversi muntanji u għoljiet kbar, inkluż Monte Titano. Il-fossili ta' vertebrati li nstabu fuq ix-xaqlibiet ta' Monte Titano huma l-iktar akkwatiċi bħala oriġini, minħabba l-fatt li din il-blata fl-imgħoddi kienet tinsab taħt il-baħar. Il-fossili ta' ħafna ħut differenti, speċjalment il-fossili ta' snien tal-klieb il-baħar, ġew skoperti fuq Monte Titano, u ħafna minnhom ġew datati li jmorru lura għall-perjodu Mijoċen. L-iżjed skoperta importanti kienet dik tal-fossili ta' baliena, li issa jinstabu ppreservati fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Bologna, l-Italja.[8]

Id-distretti ta' Monte Titano u l-Belt ta' San Marino jesperjenzaw klima miti; it-temperatura massima rrapportata hija 79 °F (26 °C) fis-sajf u t-temperatura minima rrappurtata hija 19 °F (−7 °C) fix-xitwa. Il-preċipitazzjoni annwali tvarja bejn 22 pulzier (560 mm) u 32 pulzier (800 mm).

Flora u fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Stabbilita fiż-żona Mediterranja, il-veġetazzjoni hija tipikament influwenzata mill-varjazzjonijiet fl-elevazzjoni. Fl-għolja jgħixu diversi tipi ta' siġar, fosthom qastan, ballut, laburnum, ċipress, abit, kif ukoll xi arbuxxelli u spraġ, tipiċi tal-iżjed żoni nexfin, bħat-territorju qrib it-Tliet Torrijiet ta' San Marino. Fuq l-irdumijiet ta' Monte Titano tinstab ukoll l-Ephedra Nebrodensis, pjanta tipika ta' Sqallija u Sardenja.

L-organiżmi selvaġġi huma rrappreżentati mill-klassijiet kollha ta' vertebrati, u minħabba l-karatteristiċi tat-territorju muntanjuż, l-għasafar u l-mammiferi huma l-iżjed annimali komuni. Bħala għasafar hemm diversi speċijiet, fosthom l-ispanjulett, il-barbaġann, il-kokka, il-kokka kannella, iċ-ċawla u l-kuċċarda. Fost l-mammiferi komuni nsibu ċ-ċriev, iċ-ċingjali, il-mogħoż, il-ballottri, il-qniefed, il-liebru, il-porkuspin, il-qtates selvaġġi, il-baġers u l-volpi.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2008, iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' San Marino u Monte Titano ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4] Il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO kien tal-fehma li s-sit huwa "xhieda tal-kontinwità ta' repubblika ħielsa mill-Medjuevu".[4] Is-sit jinkludi l-fortifikazzjonijiet, is-swar, id-daħliet u l-bastjuni tal-Belt ta' San Marino, il-Bażilika ta' San Marino tas-seklu 19, xi kunventi tas-sekli 14 u 16, it-Teatru Titano tas-seklu 18 u l-Palazzo Pubblico tas-seklu 19.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Spink & Son (1898). The Numismatic circular (bit-Taljan). Vol. 6–7. p. 531.
  2. ^ Haggett, Peter (2002). "Encyclopedia of World Geography". Encyclopedia of world geography, Volume 11. Marshall Cavendish. p. 1461. ISBN 0-7614-7300-9.
  3. ^ "HowStuffWorks "Geography of San Marino"". web.archive.org. 2011-10-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-10-03. Miġbur 2023-01-14.
  4. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "San Marino Historic Centre and Mount Titano". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  5. ^ "San Marino" (PDF).
  6. ^ a b "San Marino | Geography, History, Capital, & Language | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  7. ^ Scottish geographical magazine, Volumi 39–40, Royal Scottish Geographical Society, (1923)
  8. ^ Lawley, R. (1880). Selache manzoni n. sp. – Dente fossile délia molassa miocenica del Monte Titano (Repubblica di San Marino). Atti della Società Toscana di Scienze Naturali, 5. pp. 167–172, fig. 1–3.