Michelangelo Merisi da Caravaggio

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Michelangelo Merisi da Caravaggio
Ħajja
Isem propju Michelangelo Merisi
Twelid Milanu Caravaggio, 29 Settembru 1571
Nazzjonalità Dukat ta' Milan
Grupp etniku Taljani
Mewt Porto Ercole, 18 Lulju 1610
Post tad-dfin Porto Ercole
Familja
Missier Fermo Merixio
Omm Lucia Aratori
Konjuga/i Not married
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Simone Peterzano (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Post tax-xogħol Ruma
Zagarolo
Napli
Valletta
Siracusa
Genova
Messina
Milan
Palermo
Paliano
Xogħlijiet importanti Supper at Emmaus (en) Translate
Amor Vincit Omnia (en) Translate
Medusa (en) Translate
Basket of Fruit (en) Translate
The Fortune Teller (en) Translate
The Seven Works of Mercy (en) Translate
Self-Portrait as Bacchus (en) Translate
Bacchus (en) Translate
Annunciation (en) Translate
Judith Beheading Holofernes (en) Translate
Premjijiet
Moviment Barokk
Counter-Reformation (en) Translate
Moviment artistiku pittura tal-ġeneru
pittura reliġjuża
natura mejta

Michelangelo Merisi da Caravaggio (28 ta' Settembru, 1571 – 18 ta' Lulju, 1610), magħruf aktar bħala Caravaggio, għall-belt fejn għex tfulitu, belt qrib Milan. Michelangelo kiber biex sar wieħed mill-aktar pitturi magħrufa fid-dinja minħabba l-istil tal-arti li hu żviluppa, li għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa li innovattiva u li biha għaġġeb lil bosta.

Ħajtu[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Michelangelo kellu biss ħames snin, missieru u nannuh mietu bil-pesta, (1576). Fl-1584, meta Michelangelo kellu tlettax-il sena daħal apprentist ma' Simone Peterzano, pittur Milaniż li kien isegwi fix-xogħol artistiku tiegħu l-arti Venezjana. Meta mietet ommu fl-1589, Michelangelo telaq minn Milan u mar jgħix Ruma.[1]

Hemm għall-ewwel xhur sofra l-faqar u lanqas biss kellu fejn jgħix. Wara xi żmien kien inġabar ma' ċertu Pandolfo Pucci, magħruf bħala 'Monsignore Insalata'. Imbagħad għamel tmien xhur jaħdem mal-pittur Giuseppe Cesari, il-pittur favorit tal-Papa Klement VIII. Ix-xogħol li kien ikun mqabbad jagħmel kien wieħed komuni u li ma jirrikjedix wisq ħila artistika.[2] Minkejja dan, f'dan iż-żmien Caravaggio kien diġà beda joħloq kapulavuri kbar, bħal ma nistgħu nsemmu l-pitturi, 'It-Tifel iqaxxar il-frott', 'Il-Baskett tal-Frott' u 'l-Bacchus Marid'. Jidher li dan tal-aħħar kienet autoritratt tiegħu nnifsu. Fix-xogħol tiegħu, Caravaggio kien jevita s-sbuħija idealistika u minflok kien jitratta s-suġġetti tiegħu b'mod l-aktar naturali. L-istil tiegħu ma niżilx tajjeb mal-pubbliku u nies intiżi fl-arti, għax dawn kienu mdorrijin għall-istil Rinaxximentali ta' Raffaelo u Michelangelo Buonaroti.

Kien fl-1595 li x-xogħol artistiku ta' Caravaggio laqat l-għajn tal-Cardinal Francesco Maria del Monte, Venezjan li kien jaf il-familja Medici ta' Firenze. Del Monte kellu ħafna ħbieb oħra li kienu bdew jinteressaw ruħhom fix-xogħlijiet ta' Caravaggio. Dawn bdew jordnaw xi xogħlijiet mingħand Caravaggio. Il-familja tal-bankier Ottavio Costa u l-familja ta' Crescenzi xtraw ukoll xi pitturi mingħand Caravaggio. Kien dan iż-żmien li għamel xi ħbieb li għenuh biex jimxi 'l quddiem fil-karriera tiegħu. Dawn kienu l-pittur Prospero Orsi, l-arkitett Onorio Longhi, u l-Isqalli Mario Minitti.[1]

L-ewwel pitturi ta 'Caravaggio fuq temi reliġjużi reġgħu lura għar-realiżmu, u l-emerġenza ta' spiritwalità notevoli. L-ewwel waħda minn dawn kienet 'il-Maddalena Penitenti', li turi lil Marija Maddalena fil-mument meta tbiegħdet mill-ħajja tad-dnub u tidher mitfuha mal-art tibki, bil-ġawhar tagħha mxerred madwarha.

Fl-1599, meta kellu 24 sena, Caravaggio ġie ikkummissjonat biex ipitter il-kappella Contarelli,[1] fil-knisja ta' San Luigi dei Francesi ġewwa Ruma. Hawn pitter tliet pitturi kbar dwar il-ħajja ta' San Mattew. Caravaggio dam kważi sitt snin jaħdem fuq dan il-proġett. Din il-biċċa xogħol għamlitu famuż u d-domanda għax-xogħlijiet tiegħu bdiet tiżdied. Issa, Caravaggio sar magħruf bħala, egregius in urbe pictor (il-pittur famuż tal-belt).[1]

F'dan iż-żmien Caravaggio kien għaddej minn burdati vjolenti. Din il-vjolenza kienet tendenza li kienet minn dejjem tagħmel parti mill-karattru tiegħu. Issa beda anki jxellef difrejh mal-ġustizzja. Insibu li sawwat lil pittur, fera suldat, tefa' l-ġebel lill-gwardjani Rumani, inqabad bl-armi fuqu, kellu xi jgħid minħabba l-maħbuba tiegħu u fl-aħħar, f'Ottubru tal-1606 fi ġlieda li kellu fit-triq, Caravaggio qatel lil Ranuccio Tomassoni. Wara d-delitt ħarab minn Ruma biex ma jinqbadx mill-ġustizzja, għax kien ħareġ bandu biex jkun arrestat.

Caravaggio l-ewwel mar Napli, imbagħad f'Ġunju tal-1607, imbarka fuq xini tal-Ordni ta' San Ġwann u ħarab lejn Malta. Fuq l-istess mirkeb kien hemm il-kavallier Fra Ippolito Malaspina li wara li saru jafu l-xulxin, tal-aħħar rnexxilu jakkwista pittura ta' San Ġlormu (illum fl-Oratorju tal-Konkatidral).[1] Sa dak iż-żmien, Caravaggio kien laħaq sar magħruf sew u għalhekk, il-Gran Mastru tal-Ordni, Alof de Wignacourt kien jaf li Caravaggio kien pittur gwapp. Caravaggio tħabbeb mal-Gran Mastru u mal-Ordni u fil-ħmistax-il xahar li dam Malta (tlieta minnhom fil-ħabs) pinġa mill-inqas ħames pitturi. L-ikbar biċċa xogħol ta' Caravaggio f'Malta hi, l-'Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann', li ħadem apposta fuq il-post, fl-Oratorju tal-knisja konventwali tal-Ordni. Din lestiha f'Awissu tal-1608. Fl-14 ta' Lulju, jiġifieri xahar qabel ma lesta din il-pittura għall-oratorju, Il-Gran Mastru Wignacourt onorah billi għamlu Kavallier tal-Ġustizzja.[1] Biss sa ftit qabel ma kellha tkun imqiegħda f'posta din il-pittura, fid-29 ta' Awwissu. Caravaggio reġa' kellu xi jgħid ma' xi kavallieri u spiċċa anki ġie fl-idejn. Hu kien arrestat u mitfugħ fil-Kastell Sant'Anġlu, l-Birgu. Wara xi tliet xhur maqful hemm, Caravaggio irnexxielu jaħrab, x'aktarx bl-għajnuna ta' xi ħadd imlaħħaq fl-Ordni, u mbarka fuq mirkeb u ħarab lejn Sqallija. Niżel Sirakuża u minn hemm kompla fi triqtu lejn Messina u wara Palermo. Minn Palermo vvjaġġa lejn il-belt żgħira ta' Porto Ercole qrib Ruma. Hemm baqa' jistenna dejjem li jingħata il-maħfra mill-Papa għall-qtil ta' Ranuccio Tomassoni li minħabba fih kien ħarab minn Ruma fl-1606. Caravaggio miet ħesrem f'din il-belt, x'aktarx b'xemxata, fit-18 ta' Lulju 1610.

L-arti Karavaġġeska[immodifika | immodifika s-sors]

Dan hu l-stil li introduċa Caravaggio u li ħajjar lil ħafna pitturi oħrajn jagħmlu bħalu. Caravaggio jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-istil ta' arti magħruf bħala Chiaroscuro. It-terminu ‘Karavaġġesk’ jirriferi wkoll għal karatteristiċi oħra li dan il-pittur kien tant magħruf għalihom. Caravaggio kien jagħżel il-mudelli tiegħu min-nies kwalunkwe li kien jiltaqa’ magħhom. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-idealiżmu tas-sbuħija u l-perfezzjoni tal-figura umana. Minflok tispikka r-realtà bid-difetti u anki l-kruha kollha tagħha. Hekk pereżempju fil-pittura ta’ San Ġirolmu li hemm fl-Oratorju ta’ San Ġwann, dan il-karattru hu rrappreżentat bil-fattizzi li jagħmluh bniedem kwalunkwe u li sata' kien bniedem li eżista f'Malta u li Caravaggio talbu biex jimmudella fuqu. F'dan ir-ritratt nosservaw il-ġilda mkemmxa fuq wara tal-pala ta’ id ta' dan il-qaddis li għandha ton ta' kulur differenti minn dik ta’ driegħu, li hi bajdanija - bħal ma wieħed jara fir-realtà meta bniedem ikun liebes il-ħwejjeġ u protett mix-xemx. Karatteristika oħra importanti ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni tal-pittura bis-saħħa tad-dawl bħal ma naraw fil-kapulavur tiegħu, ‘il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Hawn naraw id-dawl fuq l-iġsma tal-karattri ġej minn sors wieħed, minn fuq, bħalikieku l-uniku dawl dieħel mit-tieqa li hemm fis-saqaf tal-oratorju. Fl-arti, dan id-dawl jissejjaħ, luce del cantina.

Bibliografija selettiva[immodifika | immodifika s-sors]

Bonello Giovanni, ‘Caravaggio Duo: A very personal Assessment’, Histories of Malta, Mysteries and Myths. 2007.

Buhagiar Mario, The Iconography of the Maltese Islands 1400 - 1800 - Painting. World Confederation of Salesian Past Pupils of Don Bosco - Lions Club (Malta).1988.

Debono Sandro, Understanding Caravaggio and his Art in Malta. Heritage Malta 2007.

Cassar Paul,’Michelangelo Merisi Da Caravaggio’ - The Creative Psychopath, Melita Historica, Vol. 10 no. 2.

Farrugia Randon Philip, ‘Beheading misplaced? Or misplaced arguments?'. The Times, July 2, 1999.

Farrguia Randon Philip, ‘Caravaggio in Malta - A new Document'. The Sunday Times of Malta, May 15, 1994.

Farrugia Randon Philip, ‘Mchelangelo Merisi da Cavggio - s life and works. The Times, June 6, 1997.

Mangion Tony, Caravaggio in Malta, Heritage Vol 3 pp.707-716.

Von Sandart Joachim, ‘Caravaggio and early 17th century Malta’. The Times, Saturday, September 16, 2007.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e f Debono, Sandro. Understanding Caravaggio and his Art in Malta (bl-Ingliż). Heritage Books. ISBN 978-99932-7-164-2.
  2. ^ "Caravaggio". Iċċekkja l-valuri tad-data f': |arkivju-data= (għajnuna)