Pëtr Il'ič Čajkovskij: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m roboto aldono de: mwl:Piotr Tchaikovski
Linja 262: Linja 262:
[[mn:Пётр Чайковский]]
[[mn:Пётр Чайковский]]
[[mr:प्यॉतर इल्यिच त्चैकोव्स्की]]
[[mr:प्यॉतर इल्यिच त्चैकोव्स्की]]
[[mwl:Piotr Tchaikovski]]
[[nah:Pyotr Ilyich Tchaikovsky]]
[[nah:Pyotr Ilyich Tchaikovsky]]
[[nl:Pjotr Iljitsj Tsjaikovski]]
[[nl:Pjotr Iljitsj Tsjaikovski]]

Reviżjoni ta' 10:25, 22 Novembru 2009

Pëtr Il'ič Čajkovskij[1] (bir-Russu, Пётр Ильи́ч Чайко́вский) (twieled fis-7 ta’ Mejju 1840 – miet fis-6 ta’ Novembru 1893) kien kompożitur Russu ta’ l-era romantika.

Bijografija

Pëtr Il'ič Čajkovskij

Čajkovskij twieled Kamsko-Votkinsk, ir-Russja, minn Il’ja Petrovič Čajkovskij, inġenier minerarju Ukren u mit-tieni mara tiegħu, Aleksandra Andreevna Assier, li kienet ta’ nisel Franċiż. Beda jieħu l-lezzjonijiet tal-pjanuforte meta kellu seba’ snin. Mill-1861 sa l-1865 studja fil-Konservatorju ta’ San Pietruburgu, fejn ħa d-diploma bil-kompożizzjoni "Għanja lill-ferħ" fuq versi ta’ Schiller. Fl-1866 inħatar professur tat-teorija u armonija fil-Konservatorju ta’ Moska, imwaqqaf dik is-sena. Din il-kattedra offrihilu Nikolaj Rubinstein fuq rakkomandazzjoni ta’ Anton Rubinstein, ħu Nikolaj u l-ewwel għalliem ta’ Čajkovskij f’San Pietruburgu. Żamm dik il-pożizzjoni sa l-1876.

Disagħt ijiem biss wara l-ewwel kunċert tas-Sitt Sinfonija tiegħu, (Pathétique), fl-1893 f’San Pietruburgu, Čajkovskij miet. Hemm opinjoni mifruxa li kien qatel ruħu b’idejh, allavolja l-mod u ċ-ċirkustanzi għadhom mhux ċerti: isemmiet ukoll il-kolera, li seta’ ħa mill-ilma mniġġeż li kien xorob ftit jiem qabel. Imma hu iżjed probabbli li kien avvelenament bl-arseniku billi nafu li fil-funeral Rimskij-Korsakov u xi wħud minn sħabu warajh resqu lejn il-mejjet u bisuh foq ġbinu. Hemm xniha oħra li xi ħbieb tiegħu u xi nies li kien studja magħhom inkuraġġewh biex joqtol ruħu b’idejh biex jevita skandlu mħabba xi relazzjoni li kellu ma’ neputi ta’ membru ta’ l-aristokrazija Russa.

Minkejja l-omosesswalità tiegħu, fit-18 ta’ Lulju 1877, iżżewweġ, għalkemm kontra qalbu, lil Antonina Miljukova, studenta fil-konservatorju li kienet tammirah ħafna. Kien iddeċieda li jiżżewweġ ‘il min jieħdu. Il-konsegwenzi fuq il-psike ta’ Čajkovskij kienu tal-biża': ġranet biss wara ż-żwieġ beda jiddispjaċieh u ġimgħatejn wara waqa’ fl-ilma ngazzat tax-xmara Moskova u kien ħa jmut l-aħħar (jgħidu li kien attentat bla grazzja ta' suwiċidju); darba li kien għaddielu l-effett ta’ l-inċident, telaq lejn San Pietruburgu b’għeja nervuża kbira.

Matul ħajtu kellu appoġġ ekonomiku u morali ġeneruż mill-armla għanja Nadežda von Meck. Din kienet intlaqtet ħafna mill-mużika ta’ Čajkovskij u saret il-finanzjatriċi prinċipali tal-kompożitur. Bis-somom kbar ta’ flus li tagħtu sabha possibbli li jitlaq il-kattedra fil-konservatorju biex jiddedika ruħu kompletament għall-kompożizzjoni. Kienet ukoll konfidenti privileġġjata għaliex kellha korrispondenza kontinwa miegħu li damet mill-1877 sa’ l-1890, b’total ta’ l-fuq minn 1200 ittra; huma, bi ftehim bejniethom, qatt ma ltaqgħu. Ma’ dan kollu wara 13-il sena, il-korrispondenza waqfet f’daqa, uffiċjalment minħabba li l-benefattriċi falliet, allavolja ħafna (fosthom Berberova fil-bijografija tagħha) sostnew li l-kawża kienet l-iskoperta ta’ l-omosesswalità ta’ Pëtr Il'ič.

Forsi l-iżjed bijografija interessanti ta’ Čajkovskij hi dik li kitbet Nina N. Berberova, li tagħmel iżjed emfasi fuq l-istudju psikoloġiku tal-personalità tal-Mużiċista milli fuq l-analisi tax-xogħol artistiku tiegħu. Din il-bijografija għandha t-titlu evokattiv It-tifel tal-ħġieġ, kif kienet issejjaħlu il-maħbuba governanti Fanny. F’dal-ktieb l-awtriċi tpinġi ritratt interessanti ta’ l-artista, li jibda mill-fraġiltà żagħżuħa tat-tifel, marbut morbożament ma’ ommu, ta’ oriġni Franċiża, li mietet f’età żgħira bil-kolera. Matul is-snin ta’ l-adolexxenza, immarkati b’ħbiberiji mħawdin ma’ ħbieb fil-konservatorju, kellu rabta ta’ mħabba profonda mal-kuġin tiegħu Davydov, li għalih iddedika l-aħħar xogħol tiegħu, is-sitt sinfonija, li bla dubju tista’ titqies bħala t-testment spiritwali ta’ Čajkovskij. Fil-bijografija tagħha Berberova ċaħdet kategorikament l-ipoteżi tas-suwiċidju u twaħħal fix-xorb ta’ l-ilma mniġġeż bħala l-kawża tad-diżgrazzja tal-mewt tiegħu.

Il-ħajja tiegħu hi rakkontata fil-film ta’ Ken Russell The music lovers (1970).

Il-qabar tiegħu qiegħed fiċ-Ċimiterju Tixvin ta’ San Pietruburgu.

L-istil

Čajkovskij kulturament kien imbiegħed ħafna mill-kompożituri Russi kontemporanji miegħu (dawn saru jissejħu l-Grupp tal-Ħamsa) li kienu ispirati min-nazzjonaliżmu, waqt li hu, fil-mużika kellu spirtu kożmopolita. Però, il-partituri tiegħu, mimlijin sensibbiltà u eleganza naturali, xorta juru tratti li huma distintament Russi, fl-għażla spissa tal-mod minuri u fuq kollox fil-melodiji li sikwit huma meħudin mill-kant tradizzjonali jew mill-liturġija ortodossa.

Għall-kontra tal-kollegi Russi, Čajkovskij f’ħajtu kollha kien jistudja l-mużika tal-punent - minn Mozart sa l-operisti Taljani u mir- romantiċi Ġermaniżi għall-iskola ġdida Franċiża ta’ Bizet u Massenet. (Ta’ min jinnota li Beethoven ma tantx kien jogħġbu, l-iżjed Beethoven tal-maturità, u ‘l Schumann kien jippreferih mir-"rival" Brahms.) Hekk irnexxilu jagħti l-mużika tiegħu xeħta tassew internazzjonali.

F’dan is-sens, il-figura tiegħu ta’ mużiċista kapaċi li jassorbi u jirrielabora kwalunkwe lingwaġġ u kull forma mużikali, hi fundamentali fl-ambitu romantiku kif ukoll biex nifhmu l-vjaġġ artistiku li kien ħa jagħmel fil-futur Stravinskij.

Fost il-ħafna aspetti tal-figura tiegħu b’ħafna faċċati, ta’ kompożitur instintiv u appassjonat u fl-istess ħin attent ħafna għall-irfinar formali, tispikka s-sensibbiltà timbrika straordinarja. Čajkovskij kien jaf jesperimenta bil-possibiltajiet espressivi ta’ l-istrumenti tradizzjonali, b’mod partikulari bin-nifsijiet, u joħroġ minhom ħoss u taħwir oriġinali, raffinatissmu u inkonfondibbli. L-importanza li ta ‘ill-kuluri ta’ l-orkestra tirrelega l-mużika pjanistika għat-tieni pjan, minkejja l-fama straordinarja li kiseb bl-ewwel kunċert għall-pjanu u l-orkestra.

Kompożizzjonijiet Prinċipali

Balletti

Čajkovskij jaf il-popolarità tiegħu l-iżjed lill-mużika għall-balletti.

  • Il-Lag tac-Ċinji, op. 20 (1875-76) Kien l-ewwel ballett ta’ Čaikovskij, irrappreżentat, b’xi qtugħ fit-Teatru Bol'šoj ta’ Moska, fl-1877. Kien apprezzat sħiħ biss wara l-mewt tal-mużiċista minkejja it-tnaqqix drammaturġiku finissmu u fantasjuż.
  • Is-Sbejħa Rieqda, op. 66 (1888-89) Čaikovskij kien iqis dan ix-xogħol bħala wieħed mill-iżjed li rnexxa. L-ewwel rappreżentazzjoni tiegħu kienet fl-1890, fit-Teatru Mariinskij f’San Pietruburgu.
  • Il-Kissiera tal-Lewż, op. 71 (1891-92) Dan hu wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed popolari. Il-faxxinu qiegħed fis-sentiment pekuljari ta’ maġija u ta’ seher flimkien mal-ħolm u r-ritorn għat-tfulija. Čajkovskij ġabar fi suite Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti minn dan il-ballett.

Sinfoniji

  • Sinfonija nu 1 fuq Sol minuri (Ħolm tax-xitwa), op. 13 (1866)
  • Sinfonija nu 2 fuq Do minuri (Russja Żgħira), op. 17 (1872)
  • Sinfonija nu 3 fuq Re maġġuri (Pollakka), op. 29 (1875)
  • Sinfonija nu 4 fuq Fa minuri, op. 36 (1877)
  • Manfred, op. 58 (1885)
  • Sinfonija nu 5 fuq Mi minuri, op. 64 (1888)
  • Sinfonija nu 6 fuq Si minuri (Pathétique), op. 74 (1893)
  • Sinfonija fuq Mi bemoll maġġuri (1891-1892, abbandunata)

Ouvertures u xogħlijiet oħra għall-orkestra

  • Il-Buraxka, op. 76 (1864)
  • Ouverture fuq fa maġġuri (1865, rev. 1866)
  • Ouverture solenni fuq l-innu nazzjonali Daniż, op. 15 (1866, rev. 1892)
  • Id-Destin, op. 77 (1868)
  • Romeo u Ġuljetta (1869, rev. 1870, 1880)
  • It-Tempesta, op. 18 (1873)
  • Marċ Slav, op. 31 (1876)
  • Francesca da Rimini, op. 32 (1876)
  • Kapriċċ Taljan, op. 45 (1880)
  • Serenata għall-kordi, op. 48 (1880)
  • L-1812, op. 49 (1880)
  • Amletu, op. 67 (1888)
  • Voevoda, op. 78 (1890-91)

Kunċerti u biċċiet konċertanti

  • Kunċert għall-pjanu nu 1 fuq Si bemoll minuri, op. 23 (1874-75, rev. 1879 et 1889)
  • Sérenade mélancolique, op. 26 (1875)
  • Varjazzjonijiet fuq tema rokoko, op. 33 (1876)
  • Valz-Scherzo, op. 34 (1877)
  • Kunċert għall-vjolin fuq Re maġġuri, op. 35 (1878)
  • Kunċert għall-pjanu nu 2 fuq Sol maġġuri, op. 44 (1879-80)
  • Concert fantaisie, op. 56 (1884)
  • Pezzo Capriccioso, op. 62 (1887)
  • Kunċert għall-pjanu nu 3 fuq Mi bemoll maġġuri, op. 75 (1893)
  • Kunċert għall-pjanu nu 3, Andante u Finale, op. 79 (1893)

Suites

  • Suite nu 1 fuq Re minuri, op. 43 (1878-1879)
  • Suite nu 2 fuq Do maġġuri, op. 53 (1883)
  • Suite nu 3 fuq Sol maġġuri, op. 55 (1884)
  • Suite nu 4 fuq Sol maġġuri, Mozartiana, op. 61 (1887)

Čajkovskij ġabar fi suite għall-ballett, Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti mill-ballett tiegħu Il-Kissiera tal-Lewż. Jeżistu wkoll xi suites għall-balletti il-Lag taċ-Ċinji (suite 20a) u is-Sbejħa Rieqda (suite 66a), imma dawn m’humiex awtentiċi, għaliex ma nġabrux mill-kompożitur innifsu (għalkemm kellu f’rasu li jagħmel hekk) u kienu ippublikati wara mewtu.

Mużika da camera

  • Kwartett għall-kordi fuq Si bemoll maġġuri (1865)
  • Kwartett għall-kordi nu 1 fuq Re maġġuri, op. 11 (1871)
  • Kwartett għall-kordi nu 2 fuq Fa maġġuri, op. 22 (1873-74)
  • Kwartett għall-kordi nu 3 fuq Mi bemoll minuri, op. 30 (1876)
  • Tifkira ta’ post għażiż, op. 42 (1878)
  • Trio għall-pjanu fuq La minuri, op. 50 (1881-82)
  • Tifkira ta’ Firenze, op. 70 (1890)

Biċċiet għall-pjanu

Čajkovskij kiteb xi mitt biċċa għall-pjanu. Fosthom l-iżjed famużi huma L-iStaġuni op. 37a.

Mużika di scena

  • Sneguročka, op. 12 (1873)

Opri

Čajkovskij ikkompona għaxar opri. Fosthom it-tnejn l-iżjed famużi huma Ewġenju Onegin u r-Reġina tal-Piki li jinstemgħu spiss fir-repertorju liriku modern. L-opri l-oħra, għalkemm magħrufin ħafna inqas (u barra mir-Russja rari li jindaqqu) għadhom interessanti.

f’ordni kronoloġika<center\>
Titlu bil-Malti Titlu oriġinali (bir-Russu) Librett Première (data) Première (post)
Voevoda[2] Воевода Aleksandr Ostrovskij u l-kompożitur 11 ta’ Frar 1869 Moska, Teatru Bol'šoj
Undina Ундина Vladimir Sologub Qatt ma ndaqqet[3] Qatt ma ndaqqet
Opriċnik Опричник il-kompożitur 24 ta’ April 1874 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Vakula l-Ħaddied Кузнец Вакула J. P. Polonski 6 ta’ Diċembru 1876 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ewġenju Onegin Евгений Онегин il-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 29 ta’ Marzu 1879 Moska, Teatru Malyj
Ix-Xebba t’Orléans Орлеанская дева il-kompożitur, fuq it-traġedja ta’ Schiller 25 ta’ Frar 1881 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Mażepa Мазепа Viktor Burenin u l-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 15 ta’ Frar 1884 Moska, Teatru Bol'šoj
Ċereviċki[4] Черевички J. P. Polonski 31 ta’ Jannar 1887 Moska, Teatru Bol'šoj
Is-Saħħara Чародейка Ippolit Špažinskij 1 ta’ Novembru 1887 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ir-Reġina tal-Piki Пиковая дама Modest Čajkovskij u l-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 19 ta’ Diċembru 1890 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Iolanta Иоланта Modest Čajkovskij, fuq storja ta’ Henrik Hertz 18 ta' Diċembru 1892 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij

Gallerija

Noti

  1. ^ Billi hemm ħafna verżjonijiet tat-transliterazzjoni mir-Russu ta' dan l-isem: Tchaikovsky, Ciajkovskij, Tchaïkovski, Chaikovski, Tschaikowski jew Tsjaikovski, qegħdin nużaw it-transliterazzjoni xjentifika (International Scholarly System). F'din il-paġna nużaw din it-transliterazzjoni għall-ismijiet Russi kollha.
  2. ^ Il-partitura nqerdet mill-kompożitur fis-snin 1870. Ġiet rikostitwita fl-1948, minn xi abbozzi u xi biċċiet għall-orkestra li baqgħu sħaħ.
  3. ^ Dan ix-xogħol kien rifjutat mill-Opera Imperjali u Čajkovskij qatta’ l-partitura. Però, tliet estratti, li ndaqqu fit-28 ta’ Marzu 1870, għadhom jeżistu. Čajkovskij reġa’ uża xi idejat minn din l-opra f’xi xogħlijiet oħra.
  4. ^ Reviżjoni ta’ Vakula l-Ħaddied
  5. ^ Traduzzjoni : Il-kompożitur kbir Russu Pëtr Il'ič Čajkovskij qagħad mit-2 sas-16 ta’ Diċembru 1887 f’din il-lukanda fejn ikkompona r-raba’ sinfonija.

Ħoloq esterni