Raffaello: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
No edit summary
Linja 1: Linja 1:
[[Stampa:Raffaello Sanzio.jpg|daqsminuri|Awtoritratt ta' Raffaello fl-età ta' 23 sena<ref>Jones and Penny, p. 171. Ir-ritratt ta' Raffaello hu x'aktarx "adattament li sar aktar tard tal-unika xbiha li kulħadd jaqbel fuqha", dik li hemm fl-I''skola ta' Ateni'', li għaliha hemm ix-xhieda ta' Vasari. </ref>]]
[[Stampa:Raffaello Sanzio.jpg|daqsminuri|Awtoritratt ta' Raffaello fl-età ta' 23 sena<ref>Jones and Penny, p. 171. Ir-ritratt ta' Raffaello hu x'aktarx "adattament li sar aktar tard tal-unika xbiha li kulħadd jaqbel fuqha", dik li hemm fl-I''skola ta' Ateni'', li għaliha hemm ix-xhieda ta' Vasari. </ref>]]
'''Raffaello''', isem sħiħ ''Raffaello Sanzio'' jew ''Raffaello Santi'', (28 ta' Marzu jew 6 ta’ April<ref>He is said to have been born on Good Friday (March 28, 1483), but is stated to have been born on the same ''date'' as his death on the inscription of his tomb (he died three hours after the Ave Maria of Good Friday). Both birth dates cannot be true.</ref>, 1483, [[Urbino]], Dukat ta’ Urbino, l-[[Italja]] — 6 ta’ April, 1520, [[Ruma]], Stati Papali, l-Italja), pittur u arkitett tar-Rinaxximent Għoli Taljan. Raffaello huwa magħruf l-iktar għall-Madonni tiegħu u għall-kompożizzjonijiet kbar bil-figuri fil-Vatikan. Ix-xogħol tiegħu huwa ammirat għaċ-ċarezza tal-forma u l-faċilità tal-kompożizzjoni u għar-rappreżentazzjoni viżwali tal-ideal Neoplatoniku tal-grandjożità umana.
'''Raffaello''', isem sħiħ ''Raffaello Sanzio'' jew ''Raffaello Santi'', (28 ta' Marzu jew 6 ta’ April<ref>Suppost twieled fil-Ġimgħa (28 ta' Marzu, 1483), but is stated to have been born on the same ''date'' as his death on the inscription of his tomb (he died three hours after the Ave Maria of Good Friday). Both birth dates cannot be true.</ref>, 1483, [[Urbino]], Dukat ta’ Urbino, l-[[Italja]] — 6 ta’ April, 1520, [[Ruma]], Stati Papali, l-Italja), pittur u arkitett tar-Rinaxximent Għoli Taljan. Raffaello huwa magħruf l-iktar għall-Madonni tiegħu u għall-kompożizzjonijiet kbar bil-figuri fil-Vatikan. Ix-xogħol tiegħu huwa ammirat għaċ-ċarezza tal-forma u l-faċilità tal-kompożizzjoni u għar-rappreżentazzjoni viżwali tal-ideal Neoplatoniku tal-grandjożità umana.


= L-ewwel snin f'Urbino =
= L-ewwel snin f'Urbino =

Reviżjoni ta' 21:58, 25 Ottubru 2020

Awtoritratt ta' Raffaello fl-età ta' 23 sena[1]

Raffaello, isem sħiħ Raffaello Sanzio jew Raffaello Santi, (28 ta' Marzu jew 6 ta’ April[2], 1483, Urbino, Dukat ta’ Urbino, l-Italja — 6 ta’ April, 1520, Ruma, Stati Papali, l-Italja), pittur u arkitett tar-Rinaxximent Għoli Taljan. Raffaello huwa magħruf l-iktar għall-Madonni tiegħu u għall-kompożizzjonijiet kbar bil-figuri fil-Vatikan. Ix-xogħol tiegħu huwa ammirat għaċ-ċarezza tal-forma u l-faċilità tal-kompożizzjoni u għar-rappreżentazzjoni viżwali tal-ideal Neoplatoniku tal-grandjożità umana.

L-ewwel snin f'Urbino

Raffaello kien bin Giovanni Santi u Magia di Battista Ciarla; ommu mietet fl-1491. Missieru kien, skond l-artist u bijografu tas-seklu 16, Giorgio Vasari, pittur "ta' ebda mertu kbir."[3] Madankollu kien bniedem kolt li kien f'kuntatt kontinwu mal-ideat artistiċi avvanzati ta' dak iż-żmien fil-qorti ta' Urbino. Lil ibnu tah l-ewwel tagħlim fil-pittura, u, qabel mewtu fl-1494, meta Raffaello kellu biss 11-il sena, introduċieh għall-filosofija umanistika tal-qorti.

Urbino kien sar ċentru tal-kultura matul il-ħakma tad-Duka Federico da Montefeltro, li inkuraġġixxa l-arti u attira fil-qorti tiegħu nies ta' talent kbir, fosthom Donato Bramante, Piero della Francesca, u Leon Battista Alberti. Għalkemm Raffaello kien ħa jkun influwenzat minn artisti mill-ikbar f'Firenze u Ruma, Urbino kien il-bażi għat-tagħlim ta' wara kollu tiegħu. Barra minn hekk, il-vitalità kulturali tal-belt x'aktarx stimulat il-prekoċità eċċezzjonali tal-artist żagħżugħ, li, anke fil-bidu tas-seklu 16, meta bilkemm kellu 17-il sena, kien diġà wera talent straordinarju.

Apprendistat f'Perugia

Iż-Żwieġ tal-Madonna

Id-data ta' meta Raffaello mar Perugia mhijiex magħrufa, iżda diversi studjużi jagħtu l-1495. L-ewwel xhieda tal-attività ta’ Raffaello bħala pittur tinstab Perugia f’dokument tal-10 ta’ Diċembru, 1500, li jiddikjara li l-pittur żagħżugħ, dak iż-żmien diġà msejjaħ "maestro", ingħata kummissjoni biex jgħin fil-pittura ta' titular li kellu jitlesta sat-13 ta' Settembru, 1502. Minn dan naraw ċar li Raffaello kien diġà ta prova tal-abbiltá tiegħu, tant li bejn l-1501 u l-1503 irċieva kummissjoni pjuttost importanti - biex ipinġi l-Inkurunazzjoni tal-Madonna għall-Kappella Oddi fil-knisja ta' San Francesco, Perugia (u li issa qiegħda fil-Vatikan). Il-pittur kbir Umbrijan Pietro Perugino kien qiegħed jaħdem fuq l-affreski fil-Collegio del Cambio f’Perugia bejn l-1498 u l-1500, u b'hekk Raffaello, bħala membru tal-ħanut ta' Perugino seta' jitgħallem ħafna mingħandu fis-sengħa tiegħu.

Barra dan it-tagħlim prattiku, Raffaello kien influwenzat ukoll mill-istil skwiżit u kalm ta’ Perugino. L-Għoti taċ-Ċwievet lil San Pietru, impinġija fl-1481–82 minn Perugino għall-Kappella Sistina tal-palazz tal-Vatikan, ispirat l-ewwel xogħol kbir ta’ Raffaello, Iż-Żwieġ tal-Madonna (1504). L-influwenza ta’ Perugino tidher fl-enfasi fuq il-perspettiva, fir-relazzjonijiet gradati bejn il-figuri u l-arkitettura, u fil-ħlewwa lirika tal-figuri. Minkejja dan, anke f’din il-pittura bikrija, jidher ċar li s-sensibilità ta’ Raffaello kienet differenti minn dik tal-għalliem tiegħu. Id-dispożizzjoni tal-figuri hija marbuta mal-arkitettura b’mod inqas riġidu, u d-dispożizzjoni ta’ kull figura relattiva għall-oħrajn hija aktar informali u animata. Il-ħlewwa tal-figuri u r-relazzjoni ġentili bejniethom ma nsibux bħalhom fix-xogħol ta’ Perugino.

It-tliet pitturi żgħar li pinġa Raffaello ftit wara Iż-Żwieġ tal-Madonna --Viżjoni ta’ Kavallier, Tliet Grazzji, u San Mikiel -- huma eżempji tal-ikbar sengħa ta’ pittura narrattiva, fejn naraw barra l-freskezza taż-żogħożija, kapaċità li qiegħda timmatura biex tikkontrolla l-elementi tal-istil tiegħu. Għalkemm kien tgħallem ħafna minn Perugino, Raffaello fl-aħħar tas-sena 1504 ħass il-bżonn li jfittex pitturi oħra biex jitgħallem minnhom; jidher ċar li x-xewqa li kellu li jitgħallem kienet qiegħda ġġegħlu jħares lil hinn minn Perugia.

Firenze

Vasari jirrakkonta b'mod vag li Raffaello mar Siena mal-pittur Peruġin Bernardino Pinturicchio u mbagħad baqa' sejjer Firenze, attirat minn dak li sema' dwar ix-xogħol li Leonardo da Vinci u Mikelanġlu kienu qegħdin iwettqu f'dik il-belt. Fil-ħarifa tal-1504 Raffaello żgur kien wasal Firenze. Ma nafux jekk din kinitx l-ewwel żjara tiegħu f'Firenze, iżda, kif jixhdu x-xogħlijiet tiegħu, kien madwar l-1504 li l-ewwel ġie f'kuntatt sewwa ma' din iċ-ċiviltà artistika, li saħħet l-ideat kollha li kien diġà kiseb waqt li fetħitlu orizzonti ġodda u aktar fil-wisa'. Vasari jikteb li ma studjax biss ix-xogħlijiet ta' Leonardo, Mikelanġlu, u Fra Bartolommeo, li kienu l-maestri tar-Rinaxximent Għoli, iżda wkoll "l-affarijiet qodma ta' Masaccio", pijunier tan-naturaliżmu li mmarka l-qtugħ tar-Rinaxximent bikri. mill-Gotiku.

Xorta waħda, l-għalliema prinċipali tiegħu f'Firenze kienu Leonardo u Michelangelo. Ħafna mix-xogħlijiet li ħoloq Raffaello fis-snin bejn l-1505 u l-1507, l-aktar is-sensiela kbira ta’ Madonni fosthom Il-Madonna tal-Gardell (c. 1505), il-Madonna del Prato (c. 1505), il-Madonna ta' Esterházy (c. 1505–07), u La Belle Jardinière (c. 1507), fihom ħafna xhieda tal-influwenza ta’ Leonardo, li kien ilu jagħmel innovazzjonijiet kbar fil-pittura mill-1480. Raffaello kien influwenzat b’mod partikolari mill-pitturi tal-Madonna u l-Bambin ma' Sant'Anna ta’ Leonardo b’Santa Anna, li fihom insibu ambjentazzjoni intima u sempliċi rari fl-arti tas-seklu 15. Mill-Fjorentini Raffaello tgħallem il-metodu għall bini tal-kompożizzjonijiet tiegħu li fil-fond għandhom mases piramidali ta' fiġuri; il-figuri huma miġbura f'unità waħda, waqt li kull waħda minnhom tibqa' żżomm l-individwalità u l-forma tagħha. Il-karatteristiċi ġodda tal-unità tal-kompożizzjoni u tat-tneħħija ta' kulma mhuwiex meħtieġ jiddistingwu x-xogħlijiet li pinġa f’Firenze. Raffaello wkoll tgħallem ħafna mit-tekniki tad-tidwil ta’ Leonardo; għamel użu moderat tal-chiaroscuro ta’ Leonardo (jiġifieri, kuntrast qawwi bejn id-dawl u d-dlam), u kien influwenzat b’mod speċjali mill-isfumato tiegħu (jiġifieri, l-użu ta’ sfumatura fina u ħafifa għall-aħħar minflok linja biex tiddefinixxi l-forom u l-karatteristiċi). Raffaello għadda 'l Leonardo, madankollu, fil-ħolqien ta' tipi ġodda ta' figuri li l-uċuh tondi u ġentili tagħhom juru sentimenti mhux komplikati u tipikament umani imma mgħollijin għal perfezzjoni u serenità sublimi.

Id-Depożizzjoni ta' Kristu

Fl-1507 Rafael kiseb kummissjoni biex ipinġi d-Depożizzjoni ta’ Kristu. F’dan ix-xogħol jidher ċar li Raffaello ried jitgħallem minn Michelangelo l-possibbiltajiet espressivi tal-anatomija umana. Iżda Raffaello kien differenti minn Leonardo u Michelangelo, li t-tnejn kienu pitturi ta' intensità skura u ta' eċċitament, fis-sens li xtaq jiżviluppa stil aktar kalm u aktar estrovert li jservi bħala forma ta' komunikazzjoni viżwali għall-poplu, li jista' jifhmu kulħadd.

L-aħħar snin f'Ruma

Raffaello ġie imsejjaħ Ruma Lejn l-aħħar tal-1508 mill-Papa Ġulju II, fuq suġġeriment tal-arkitett Donato Bramante, sejjaħ lil Raffaello biex imur Ruma.. Dak iż-żmien Raffaello ma kienx magħruf ħafna Ruma, iżda ż-żagħżugħ ma damx ma ħalla impressjoni profonda fuq Ġulju u l-qorti papali, u l-awtorità tiegħu bħala maestro kibret ma' kull jum. Raffaello kien mogħni b'dehra sabiħa u b'seħer personali kbira minbarra t-talenti artistiċi prodiġjużi li kellu, u fl-aħħar tant sar popolari li beda jisejjaħ "il-prinċep tal-pitturi".

Raffaello għadda l-aħħar 12-il sena tal-ħajja qasira tiegħu f'Ruma. Kienu snin ta' attività sfrenata u ta' kapolavur wara l-ieħori. L-ewwel impieg tiegħu fil-belt kien biex ipinġi ċiklu ta’ affreski f’sinsiela ta’ kmamar ta’ daqs medju fl-appartamenti papali tal-Vatikan li fihom kien jgħix u jaħdem Ġulju nnifsu; dawn il-kmamar huma magħrufa sempliċement bħala Le Stanze. La Stanza della Segnatura (1508–11) u La Stanza d’Eliodoro (1512–14) kienu mżejna prattikament għal kollox minn Raffaello stess; l-affreski f'La Stanza dell’Incendio (1514–17), għalkemm iddisinjati minn Raffaello, kienu fil-biċċa l-kbira esegwiti mill-bosta assistenti u studenti tiegħu.

Id-dekorazzjoni ta’ La Stanza della Segnatura kienet forsi l-akbar xogħol ta’ Raffaello. Ġulju II kien raġel kolt ħafna li ġab madwaru l-iktar nies famużi tar-Rinaxximent. Kien fada lil Bramante bil-bini tal-bażilika ġdida ta’ San Pietru biex tissostitwixxi l-knisja oriġinali tas-seklu 4; talab lil Michelangelo biex jeżegwixxi l-qabar tiegħu u ġiegħlu kontra qalbu li jżejjen is-saqaf tal-Kappella Sistina; u, meta ntebaħ bil-ġenju ta’ Raffaello, tah f’idejh l-interpretazzjoni tal-iskema filosofika tal-affreski f'La Stanza della Segnatura. It-tema tagħha kienet il-ġustifikazzjoni storika tal-poter tal-Knisja Kattolika Rumana permezz tal-filosofija Neoplatonika.

L-Iskola ta' Ateni

Fuq l-erba’ ħitan ewlenin f'La Stanza della Segnatura hemm l-affreski Id-Disputa u L-Iskola ta’ Ateni fuq il-ħitan il-kbar u Parnassu u Il-Virtujiet Kardinali fuq il-ħitan iż-żgħar. L-iktar tnejn żewġ importanti minn dawn l-affreski huma Id-Disputa u L-Iskola ta’ Ateni. Id-Disputa, li turi viżjoni ċelestjali ta' Alla u l-profeti u l-appostli tiegħu 'l fuq minn ġabra ta' rappreżentanti, tal-passat u tal-preżent, tal-Knisja Kattolika Rumana, tidentifika permezz tal-ikonografija tagħha t-trijonf tal-knisja mat-trijonf tal-verità. L-Iskola ta' Ateni hija allegorija kumplessa tal-filosofija, li turi lil Platun u Aristotli mdawra minn filosofi, tal-imgħoddi u tal-ġejjieni, f'ambjent arkitettoniku mill-isbaħ li tirrappreżenta l-kontinwità storika tal-ħsieb Platoniku. L-Iskola ta’ Ateni hija forsi l-iktar famuża mill-affreski kollha ta’ Raffaello, u waħda mill-aqwa opri artistiċi tar-Rinaxximent Għoli. F'dil-piitura Raffaello jimla spazju ordnat b'figuri f'ħafna pożi u ġesti, imma jikkontrollah b'mod li grupp wieħed ta' figuri jwassal għall-ieħor u jiġbed l-għajn lejn il-figuri ċentrali ta' Platun u Aristotli fil-punt konverġenti tal-ispazju perspettivali. L-ispazju li fih hemm jiltaqgħu l-filosofi huwa definit mill-kolonni u s-saqaf arkat ta’ bażilika kbira ibbażata fuq id-disinn ta’ Bramante għad-disinn ta’ San Pietru l-ġdid f’Ruma. L-effett ġenerali tal-affresk huwa wieħed ta’ kalma, ċarezza u ekwilibriju maestuż.

In-Nar fil-Borgo

Madwar l-istess żmien, probabbilment fl-1511, Raffaello pinġa suġġett aktar sekulari, It-Trijonf ta’ Galatea, fil-Villa Farnesina f’Ruma; dan ix-xogħol kien forsi l-aktar evokazzjoni li rnexxiet tal-ispirtu ħaj tal-antikità Klassika fir-Rinaxximent Għoli. Sadanittant, id-dekorazzjoni tal-appartamenti papali ta' Raffaello kompliet wara l-mewt ta' Ġulju fl-1513 u fil-pontifikat suċċessiv ta' Ljun X sal-1517. B'kuntrast mal-allegoriji ġeneralizzati f'La Stanza della Segnatura, id-dekorazzjonijiet fit-tieni kamra, La Stanza d'Eliodoro, juru ġrajjiet mirakulużi speċifiċi fl-istorja tal-knisja Nisranija. L-erba' suġġetti prinċipali huma It-Tkeċċija ta' Heliodorus mit-Tempju, Il-Quddiesa f'Bolsena, Il-Ħelsien ta' San Pietru, u Ljun I iwaqqaf 'l Attila. Dawn l-affreski huma aktar profondi u aktar rikki fl-ilwien minn dawk fil-kamra ta’ qabel, u juru qawwa ġdida min-naħa ta’ Raphael kemm fis-suġġetti drammatiċi tagħhom kif ukoll fl-effetti mhux tas-soltu tad-dawl. Il-Ħelsien ta’ San Pietru, pereżempju, huwa xena ta’ bil-lejl u fih tliet effetti ta’ dawl differenti — id-dawl tal-qamar, it-torċa li tinġarr minn suldat, u d-dawl sopranaturali ħiereġ minn anġlu. Raffaello ħalla l-assistenti tiegħu jiddekoraw La Stanze dell’Incendio, ħlief affresk wieħed, In-Nar fil-Borgo, li fih jidher ċar kemm kien qiegħed fittex inċidenti pittorjali aktar drammatiċi u l-istudju kontinwu tiegħu tan-nudu maskili.

Fil-Madonni li Raffaello pinġa f'Ruma jitbiegħed mis-serenità u l-ġentilezza tax-xogħlijiet ta' qabel biex jenfasizza l-kwalitajiet ta' enerġija u grandjożità. Il-Madonna ta' Alba (1508) hi e#empju perfett tal-ħlewwa trankwilla tal-Madonni Fjorentini iżda fl-istess ħin turi maturità ġdida ta’ espressjoni emozzjonali u sofistikazzjoni teknika suprema fil-pożi tal-figuri. Warajha kien hemm il-Madonna di Foligno (1510) u l-Madonna Sistina (1513), li juru kemm ir-rikkezza tal-ilwien kif ukoll l-awdaċja ġdida fl-invenzjoni kompożizzjonali tipika tal-perjodu Ruman ta’ Raffaello. Uħud mill-Madonni l-oħra ta' dak iż-żmien tiegħu, bħall-Madonna ta' Franġisku I, huma notevoli għall-eleganza rfinuta tagħhom.

Minbarra s-suċċessi l-oħra tiegħu, Raffaello sar l-iktar ritrattist importanti f'Ruma matul l-ewwel għoxrein sena tas-seklu 16. Introduċa modi ġodda ta’ preżentazzjoni u sitwazzjonijiet psikoloġiċi ġodda għall-mudelli tiegħu, kif jidher fir-ritratt ta’ Leo X b’Żewġ Kardinali (1517–19). L-aħjar xogħol ta’ Raffaello f'dan il-ġeneru huwa forsi r-Ritratt ta’ Baldassare Castiglione (1516), studju tal-karattru brillanti u impressjonanti.

Leo X ikkummissjona lil Raffaello biex jiddisinja 10 arazzi kbar biex jiddendlu mal-ħitan tal-Kappella Sistina. Seba’ mill-10 disinji preparatorji ta’ daqs sħiħ tlestew sal-1516, u l-arazzi minsuġa fuqhom iddendlu f’posthom fil-kappella sal-1519. Ananija, Il-Fejqan taz-Zopp, L-Għama ta’ Elize, Is-Sagrifiċċju f’Lystra, u San Pawl Jippriedka f’Ateni. F'dawn il-pitturi Raphael ħoloq prototipi li ikienu ħa jinfluwenzaw it-tradizzjoni Ewropea tal-pittura tal-istorja narrattiva għal ħafna sekli wara. Id-disinji preparatorji juru s-sens drammatiku qawwi ta’ Raffaello, l-użu tiegħu ta’ ġesti u espressjonijiet tal-wiċċ biex juri l-emozzjoni, u l-inkorporazzjoni ta’ ambjenti fiżiċi kredibbli kemm mid-dinja naturali kif ukoll minn dik tal-arkitettura Rumana tal-qedem.

Waqt li kien qiegħed jaħdem f'La Stanza della Segnatura, Raffaello għamel ukoll l-ewwel xogħol arkitettoniku tiegħu, billi ddisinja l-knisja ta’ Sant’Eligio degli Orefici. Fl-1513 il-bankier Agostino Chigi, li Raffaello kien diġà ddekora l-Villa Farnesina tiegħu, ikkummissjonah biex jiddisinja u jżejjen il-kappella funerarja tiegħu fil-knisja ta’ Santa Maria del Popolo. Fl-1514 Leo X għażlu biex jaħdem fuq il-bażilika ta San Pietru flimkien ma’ Bramante; meta Bramante miet aktar tard dik is-sena, Raffaello ħa x-xogħol f'idejh u biddel il-pjanti tal-knisja minn disinn Grieg, jew fit-tond għal wieħed disinn Latin, jew fit-tul.

Raffaello kien ukoll student ħerqan tal-arkeoloġija u tal-iskultura Greco-Rumana tal-qedem, li l-eki tagħha jidhru fil-pitturi tiegħu tal-figura umana matul il-perjodu Ruman. Fl-1515 Leo X inkarigah bis-superviżjoni tal-preżervazzjoni tal-irħamijiet li kellhom skrizzjonijiet ta' valur bil-Latin; sentejn wara nħatar kummissarju tal-antikitajiet għall-belt, u fassal mappa arkeoloġika ta' Ruma. Raffaello sa dan iż-żmien kien inkarigat mid-diversi proġetti artistiċi kollha tal-papat f’Ruma, li kienu jinvolvu l-arkitettura, il-pittura u d-dekorazzjoni, u l-preżervazzjoni tal-antikitajiet.

It-trasfigurazzjoni

L-aħħar kapulavur ta’ Raffaello kien it-Trasfigurazzjoni (ikkummissjonata minn Giulio Kardinal de’ Medici fl-1517), titular enormi li kien għadu mhux lest meta miet u komplieh l-assistent tiegħu Giulio Romano. It-Trasfigurazzjoni hija xogħol kumpless li jgħaqqad irfinament formali estrem u eleganza kbira fl-eżekuzzjoni ma' atmosfera ta' tensjoni u vjolenza kkomunikata mill-ġesti aġitati ta' gruppi ta' figuri qrib xulxin. Juri sensibilità ġdida li qisha tbassar dinja ġdida, imqallba u dinamika. Fis-sentiment u l-kompożizzjoni tiegħu il-kapulavur inawgura l-moviment Manierista u għandu t-tendenza lejn espressjoni li tista' saħansitra tissejjaħ Barokka.

Raffaello miet f’għeluq is-37 sena. Il-quddiesa tal-funeral tiegħu ġiet iċċelebrata fil-Vatikan, it-Trasfigurazzjoni tiegħu tqiegħdet f’ras il-katafalk, u ġismu ndifen fil-Pantheon f’Ruma.

Referenzi

  1. ^ Jones and Penny, p. 171. Ir-ritratt ta' Raffaello hu x'aktarx "adattament li sar aktar tard tal-unika xbiha li kulħadd jaqbel fuqha", dik li hemm fl-Iskola ta' Ateni, li għaliha hemm ix-xhieda ta' Vasari.
  2. ^ Suppost twieled fil-Ġimgħa (28 ta' Marzu, 1483), but is stated to have been born on the same date as his death on the inscription of his tomb (he died three hours after the Ave Maria of Good Friday). Both birth dates cannot be true.
  3. ^ Giorgio Vasari, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori, Vita di Raffaello da Urbino, Firenze 1568.

Biblijografija

  • Cecil Gould, The Sixteenth Century Italian Schools, National Gallery Catalogues, Londra 1975, ISBN 0-947645-22-5
  • Leopold D. Ettlinger u Helen S. Ettlinger, Raphael, Oxford: Phaidon, 1987, ISBN 0714823031
  • Roger Jones u Nicholas Penny, Raphael, Yale, 1983, ISBN 0-300-03061-4
  • David Landau u Peter Parshall, The Renaissance Print, Yale, 1996, ISBN 0-300-06883-2
  • Lisa Pon, Raphael, Dürer, u Marcantonio Raimondi, Copying and the Italian Renaissance Print, 2004, Yale UP, ISBN 978-0-300-09680-4
  • John Shearman, Raphael in Early Modern Sources 1483–1602, 2003, Yale University Press, ISBN 0-300-09918-5
  • Giorgio Vasari, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori, Vita di Raffaello da Urbino, Firenze 1568.
  • Heinrich Wölfflin, Classic Art; An Introduction to the Renaissance, 1952), Phaidon, New York.