Madre Tereża ta' Kalkutta: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m Modifiki annullati ta' 77.71.188.14 (diskussjoni) għall-aħħar verżjoni ta' 88.203.4.120
m Bot: Migrating 3 interwiki links, now provided by Wikidata on d:Q30547
Linja 19: Linja 19:


[[Kategorija:Beati]]
[[Kategorija:Beati]]

[[kn:ಮದರ್‌ ತೆರೇಸಾ]]
[[ml:മദര്‍ തെരേസ]]
[[sa:मदर टेरेसा]]

Reviżjoni ta' 01:08, 2 Novembru 2016

Fil-pjan terren tal-Mother House, fil-Lower Circular Road ta’ Kalkutta, wieħed isib il-kappella sempliċi u mneżża’ minn kollox, fejn mit-13 Settembru ta’ 1997, wara l-funeral statali li ngħatalha, jinsab midfun il-ġisem ta’ Madre Tereża. Barra, l-istorbju li jtarrax tal-metropoli Indjana, mimli faqar u miżerja. Ġewwa, iżda l-ħin bħal jieqaf quddiem qabar fqir: blokka siment abjad u fuqu l-Bibbja personali ta’ Madre Tereża u statwa tal-Madonna b’kuruna ta’ fjuri m’għonqha. Ħdejha lapida ta’ l-irħam b’versett bl-Ingliż mill-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (15,12).

Madre Tereża ta’ Kalkutta (Skopje, 26 ta' Awwissu 1910 - Kalkultta, Indja, 5 ta' Settembru 1997) twieldet f’familja Kattolika Albaniża fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja. Ta’ 18-il sena ddeċidiet li tidħol fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjonarji tal-Madonna ta’ Loreto. Fl-1928 telqet lejn l-Irlanda, u sena wara kienet l-Indja. Fl-1931 iż-żagħżugħa Ineż ħadet l-ewwel voti u l-isem ġdid ta’ Swor Marija Tereża tal-Bambin Ġesù (għad-devozzjoni tagħha lejn il-qaddisa ta’ Lisieux), u ta 20 sena kienet tgħallem l-istorja u l-ġografija lil studenti bniet sinjuri fil-kulleġġ tas-sorijiet ta’ Loreto f’Entally, żona fil-lvant ta’ Kalkutta.

Il-"Konverżjoni"

Wara l-ħajt tal-kunvent kien hemm il-kwartier ta’ Motti bl-intiena soffokanti tiegħu, wieħed mill-ifqar slums ta’ Kalkutta, il-miżbla tad-dinja. Mill-bogħod swor Tereża setgħet tisma’ l-ħsejjes li kienu jaslu sal-kulleġġ lussuż iżda ma kinitx taf x’kienu. Kienu l-wiċċ l-ieħor ta’ l-Indja, dinja oħra ‘l bogħod minnha, għallinqas sa dik il-lejla ta’ l-10 ta’ Settembru 1946, meta kienet f’ferrovija diretta lejn Darjeeling għall-eżerċizzji spiritwali u hemm ġietha t-“tieni sejħa”: matul dak il-lejl frażi baqgħet imwaħħla f’moħħha tul il-vjaġġ kollu, l-għajta muġugħa ta’ Ġesù msallab: “Għandi l-għatx!” Hija kellha tħalli l-kunvent biex tiddedika ruħha għall-ifqar fost il-fqar: dawk li huma x-xejn, l-emarġinati f’kollox, l-abbandunati li kuljum kienu jmutu fuq il-bankini ta’ Kalkutta, mingħajr lanqas id-dinjità li jistgħu jmutu fil-paċi ta dejjem.

Ordni Ġdid: Il-Missjunarji tal-Karità

Swor Tereża ħalliet il-kunvent ta’ Entally b’ħames rupiji fil-but u s-sari abjad bit-tarf ikħal ta’ l-ifqar Indjani, wara kważi 20 sena mas-sorijiet ta’ Loreto. Kien is-16 t’Awissu 1948. Iż-żgħira Ineż saret Madre Tereża. Fl-1950 id-djoċesi approvat il-kongregazzjoni ġdida tagħha tal-Missjunarji tal-Karità. Kien is-7 ta’ Ottubru, il-festa tar-Rużarju, u mhux b’kumbinazzjoni għax għal Marija hija ddedikata din il-kongregazzjoni ġdida. L-imħabba profonda ta’ Madre Tereża lejn il-Madonna kellha għeruq fit-tfulija tagħha, meta ommha kienet tieħu lilha u lil ħutha Lazar u Age l-knisja, iżuru l-foqra u jitolbu flimkien ir-rużarju.

Barra t-tliet voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza, kull Missjonarju tal-Karità jieħu ieħor, dak ta’ "servizz gratwit lejn l-ifqar fost il-fqar". Enfasi fuq l-imitazzjoni tal-virtujiet tal-Madonna, speċjalment l-umiltà, is-silenzju, u l-karità. "I thirst" (għandi l-għatx), hemm miktub fuq il-kurċifiss tal-Casa Madre u f’kull kappella – f’kull parti tad-dinja – f’kull dar tal-kongregazzjoni ta’ Madre Tereża. Din il-frażi tat-"tieni sejħa tagħha", tiġbor f’żewġ kelmiet l-ispiritwalità tagħha.

Personaġġ

Illum il-figura rqiqa ta’ Madre Tereża, il-ġisem fraġli tagħha mgħawweġ bl-għejja tax-xogħol, u wiċċha mkemmex saru magħrufin mad-dinja kollha. Kull min iltaqa’ magħha, anke darba, ma jistax jinsieha: id-dija tat-tbissima tagħha kienet tirrifletti l-imħabba immensa tagħha. Meta hi tħares lejk, b’dawk għajnejha profondi, amorevoli, limpidi, kont tħoss li qed iħarsu lejk l-istess għajnejn ta’ Alla l-Imbierek.

Attiva u kontemplattiva fl-istess ħin, fiha kien hemm idealiżmu u konkretezza, pragmatiżmu u utopja. Kienet tħobb tiddefinixxi lilha nnifisha bħala "l-lapes żgħir ta’ Alla", strument żgħir u sempliċi f’idejh. Kienet tagħraf b’umiltà li meta l-lapes jispiċċa, il-Mulej jarmih u jafda lil ħaddieħor il-missjoni appostolika tagħha: "Min jemmen fija jagħmel hu ukoll l-għemejjel li qed nagħmel jien, u ikbar minnhom ukoll" (Ġwanni 14, 12).

Wara mewtha

Madre Tereża mietet f’Kalkutta filgħaxija tal-Ġimgħa 5 ta’ Settembru 1997, fid-9.30. Kellha 87 sena. Fis-26 ta’ Lulju 1999 infetaħ il-proċess tagħha ta’ beatifikazzjoni, 3 snin qabel suppost; għalkemm għall-poplu Madre Tereża kienet diġà qaddisa. Nhar id-19 ta' Ottubru 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha Beata. Il-messaġġ tagħha huwa dejjem attwali: li kulħadd ifittex il-Kalkutta tiegħu, li tinsab ukoll fit-toroq ta’ l-Oċċident sinjur, fir-ritmu frenetiku ta’ l-ibliet tagħna. “Tista’ ssib Kalkutta fid-dinja kollha jekk għandek għajnejn biex tara. Kull fejn hemm persuni mhux maħbuba, li ma jridhom ħadd, imwarrbin u minsijin minn kulħadd”.

L-ulied spiritwali tagħha għadhom jaqdu lill-“ifqar fost il-fqar” fl-orfanotrofji, fil-lebbrożarji, fid-djar ta’ l-anzjani, ommijiet xebbiet, u moribondi. B’kollox qegħdin 5000 f’madwar 600 dar imferrxin madwar id-dinja. “Meta mmut – kienet tgħid hi –, inkun nista’ ngħinkom iktar…”