Adolf Hitler: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m r2.7.1) (Bot Żieda: co:Adolf Hitler
m r2.7.2) (Bot Żieda: lez:Гитлер, Адолф
Linja 167: Linja 167:
[[lad:Adolf Hitler]]
[[lad:Adolf Hitler]]
[[lb:Adolf Hitler]]
[[lb:Adolf Hitler]]
[[lez:Гитлер, Адолф]]
[[li:Adolf Hitler]]
[[li:Adolf Hitler]]
[[lmo:Adolf Hitler]]
[[lmo:Adolf Hitler]]

Reviżjoni ta' 10:02, 10 April 2012

Stampa:Hitler und Kind 3~0.jpg
Ritratt ta' Adolf Hitler flimkien ma' tarbija u nannitha.

Adolf Hitler (20 t'April, 1889 - 30 t'April, 1945) kien politiku Ġermaniż, imwieled l-Awstrija, dittatur tal-Ġermanja Nażista u kap tal-Partit Nażista jew il-Partit Nazzjonali Soċjalista Ġermaniż tal-Ħaddiema -(Ġermaniż: Nationalsozialistische Deutsche Arbeiterpartei, abbrevjata NSDAP),.

Hitler ħa sehem bħala suldat fl-Ewwel Gwerra Dinjija u ngħata unur għall-kuraġġ. Hitler ingħaqad mal-partit li kien il-prekursur tal-Partit Nażista, id-DAP fl-1919 u sar kap tal-NSDAP fl-1921. Attentat ta' kolp ta' stat imsejjaħ il-Putsch tal-ħanut tal-birra falla fi Munich fl-1923, u Hitler spiċċa l-ħabs. Hemm kiteb il-ktieb, Mein Kampf. Kif ħareġ irnexxielu jiġbed in-nies warajh, billi pprietka n-nazzjonaliżmu Ġermaniż, l-anti-semitiżmu, l-anti-kapitaliżmu, u l-anti-komuniżmu, b'oratorija kariżmatika u bil-propaganda. Wara l-elezzjoni tal-1933, inħatar Kanċillier u malajr trasforma r-Repubblika Weimar fit-Tielet Reich, dittatorjat ta' partit wieħed mibni fuq l-ideali totalitarji u awtokratiċi tal-Partit Nazzjonali Soċjalista.

Mill-1934 Hitler sar il-Kap tal-Istat. Hitler immilitarizza l-ekonomija u s-soċjetà Ġermaniża. Il-programm ta' xogħlijiet pubbliċi, ħafna minnhom li kienu diġa nbdew taħt ir-Repubblika ta' Weimar, qatgħu perjodu ta' qagħad li għaddiet minnha il-Ġermanja wara l-Ewwel Gwerra Dinjija ikkawżati minn riċessjoni ġenerali fl-Ewropa wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u minn kundizzjonijiet iebsa imposti fuq il-Ġermanja fit-trattat ta' Versailles. Il-gvern ta' Hitler kien għoddu ħakem l-Ewropa kollha, huwa responsabbli tad-deportazzjoni u l-qtil ta' miljuni ta' nies li ġew iddikjarati mhux mixtieqa mill-gvern Nażista; dan huwa magħruf bħala l-Olokawst. Adolf Hitler ikkommetta suwiċidju fl-1945, f'Berlin; hemm min jgħid li Hitler uża pistola filwaqt li oħrajn isostnu li ntuża l-velenu.

Tfulija

Adolf Hitler twieled fi Braunau am Inn, fl-Awstro–Ungerija, ir-raba' wild minn sitta ta' Alois u Klara. Meta kellu 3 snin il-familja tiegħu marret tgħix f'Passau, il-Ġermanja, u wara Leonding qrib Linz, u Hafeld qrib Lambach, fejn missieru taha għall-biedja u t-trobbija tan-naħal. Adolf beda jmur skola f'Fischlham. Kien iħobb ħafna jilgħab tal-"Cowboys and Indians" u beda jiffissa fuq il-gwerra meta qara ktieb bl-istampi fuq il-Gwerra Franko-Prussa li sab qalb l-affarijiet ta' missieru. Fil-Mein Kampf kiteb:

 Ma domtx wisq biex il-battalji kbar storiċi isiru l-ikbar esperjenza spiritwali tiegħi. Minn dakinhar 'il quddiem, bdejt nentużjażma ruħi dejjem iktar fuq kull ħaġa b'xi mod marbuta mal-gwerra jew aħjar mas-suldati. 

F'Lambach, Hitler attenda skola Kattolika li kienet tinsab f'kunvent Benedittin tas-seklu 11 li fuq il-ħitan tiegħu kien hemm imnaqqxin salib f'forma ta' swastika. Hemm Hitler ta' 8 snin kien ikanta fil-kor tal-Knisja, u jimmaġina lilu nnifsu qassis.

Il-mewt bil-ħosba ta' ħuh iżgħar minnu, Edmund, fl-1900 ġabet bidla f'Adolf. Minn tifel kunfidenti u estrovert li kien isib l-iskola faċli, huwa sar skontruż, maqtugħ, magħluq fih innifsu u dejjem f'konflitt ma' missieru u l-għalliema tiegħu. Hitler kien viċin ħafna t'ommu, imma mhux l-istess ma' missieru, li kien awtoritarju u spiss kien isawtu, speċjalment wara l-fallimenti li l-missier kellu fil-biedja. Alois ried lil ibnu jsir uffiċjal tad-dwana Awstrijak, kif kien hu fiż-żmien u dan ġab konflitt kbir bejniethom. Minkejja li Adolf tkarrablu biex imur fl-iskola klassika biex isir artist, missieru bagħtu fi skola teknika fl-1900. Hitler irribella, u m'għaddiex mill-eżamijiet tal-ewwel sena apposta biex forsi missieru jibdel fehmtu. Imma missieru ma ċediex u Hitler iktar sar ribelluż.

Għal Hitler, in-Nazzjonaliżmu Ġermaniż malajr sar ossessjoni, mod kif jirribella kontra missieru, li dejjem serva bi kburija lill-gvern Awstrijak. Ħafna min-nies li kienu jgħixu mal-fruntiera Ġermano-Awstrijaka kienu jqisu lilhom infushom Ġermano-Awstrijaċi, imma Hitler kien jistqarr biss il-lealtà tiegħu lejn il-Ġermanja. Bi sfida lill-monarkija Awstrijaka u lil missieru, Hitler u sħabu kien jħobbu jużaw it-tislima Ġermaniża "Heil", u jkantaw l-Innu Ġermaniż "Deutschland Über Alles" flok dak Awstrijak.

Wara li missieru miet ħabta u sabta fl-1903, l-imġiba ta' Hitler fl-iskola marret għall-agħar, tant li tkeċċa. Daħal fir-Realschule fi Steyr fl-1904, imma wara t-tieni sena, għamel lejl jiċċelebra ma' sħabu, u kif kien f'sakra ma jarax art qatta' ċ-ċertifikat tal-iskola u użah bħala toilet paper. Meta xi ħadd wera kif spiċċa ċ-ċertifikat lill-kap tal-iskola, dan tah ħasla kbira, probabilment l-iktar esperjenza umiljanti li qatt kellu f'ħajtu. Hitler tkeċċa u qatt ma reġa' daħal iktar fi skola.

Ta' ħmistax-il sena, Hitler għamel l-Ewwel Tqarbina, nhar it-22 ta' Mejju 1904, fil-Katidral ta' Linz. Il-parrinu tiegħu kien Emanuel Lugert, ħabib ta' missieru.

Żgħożija

Mill-1905 ’il quddiem, Hitler beda jgħix fi Vjenna bil-flus li kienet tibgħatlu ommu u bl-għajnuna li kienet tingħata lill-iltiema. L-Akkademja tal-Belle Arti ta’ Vjenna (1907–1908), m’aċċettatux darbtejn għax iġġudikatu mhux "addattat għall-pittura", u ingħata l-parir li jaqbad it-triq tal-arkitettura. Iżda Hitler ma kellux il-preparazzjoni akkademika meħtieġa biex jidħol fi skola tal-arkitettura. Fl-1907, omm Hitler mietet ta’ 47 sena b’kanċer tas-sider. Ma kinitx faċli l-ħajja tiegħu ta’ pittur fi Vjenna, jipprova jbigħ il-pitturi tiegħu lin-negozjanti u lit-turisti. Spiċċa bla flus u fl-1909, beda jgħix f’rifuġju għal dawk bla dar.

Anti-semita

Hitler jgħid li sar anti-Semita fi Vjenna, li kellha komunità kbira Lhudija, fosthom Lhud Ortodossi li kienu ħarbu mill-massakri tar-Russja. Fi Vjenna kien hemm ħafna razziżmu. Hitler seta’ kien influwenzat mill-ideologu anti-Semita Lanz von Liebenfels, mill-kliem ta’ Karl Lueger, fundatur tal-Partit Kristjan-Soċjali u Sindku ta’ Vjenna u mill-kompożitur Richard Wagner. Hitler seta’ kien influwenzat ukoll minn Martin Luteru u l-ktieb tiegħu Fuq il-Lhud u l-Gideb tagħhom. F’Mein Kampf, Hitler ifaħħar lil Luteru bħala ġellied kbir, statista vera, u riformatur kbir, flimkien ma’ Richard Wagner u Federiku l-Kbir. Madankollu, f’dan iż-żmien, Hitler spiss kien ikun mistieden għall-ikel f’dar nobbli Lhudija, u kien jingwalaha tajjeb man-negozjanti Lhud li kienu jippruvaw ibigħu l-pitturi tiegħu. Iżda iktar ma għadda żmien iktar Hitler beda jara fil-Lhud għedewwa tar-razza Arjana u ħatja tal-kriżi fl-Awstrija. Ra ċerti forom ta’ soċjaliżmu u bolxeviżmu, li kellhom ħafna mexxejja Lhud, ukoll bħala movimenti Lhud. Iktar tard waħħal fil-Lhud għat-telfa tal-Ġermanja fl-Ewwel Gwerra Dinjija u anke l-problemi ekonomiċi li ġew wara.

Fi Munich

Fl-1913 mar jgħix Munich. Hemmhekk għal xi żmien ħarab milli jagħti servizz militari għall-Awstrija imma mbagħad ġie arrestat. Wara eżami fiżiku ma nstabx biżżejjed f’saħħtu u tħalla jmur lura Munich. Iżda meta l-Ġermanja daħlet fil-Gwerra f’Awwissu 1914, talab lir-Re Ludovigu III tal-Bavarja ħalli jkun jista’ jservi fir-riġment Bavariż. It-talba tiegħu ntlaqgħet.

Suldat

Hitler serva fi Franza u l-Belġju fis-16-il Riġment Bavariż. Kien fuq il-Front oċċidentali, espost ħafna għall-attakki tal-għadu. Ħa sehem f’numru ta’ battalji kbar, fosthom l-Ewwel Battalja ta’ Ypres, il-Battalja ta’ Somme, il-Battalja ta’ Arras u l-Battalja ta’ Passchendaele. Fil-Battalja ta’ Ypres (Ottubru 1914), li saret magħrufa fil-Ġermanja bħala l-Massakru tal-Innoċenti, inqatlu madwar 40,000 suldat tal-infanterija f’20 jum, tant li sa Diċembru t-taqsima ta’ Hitler minn 250 niżlet għal 42. Darbtejn Hitler kien unurat għall-qlubija. Ingħata s-Salib tal-Ħadid, it-Tieni Klassi, fl-1914, u s-Salib tal-Ħadid, l-Ewwel Klassi, fl-1918, imma qatt ma ġie promoss għal Unteroffizier jew kapural. Fl-1916, kien ferut f’siequ fil-Battalja ta’ Somme, imma f’Marzu 1917 irritorna fuq il-Front. Nhar il-15 ta’ Ottubru 1918, Hitler iddaħħal fi sptar tal-kamp tal-gwerra, wara attakk tal-gass mustarda. Hitler jgħid li b’din l-esperjenza ikkonvinċa ruħu l-missjoni ta’ ħajtu kellha tkun dik li "jsalva l-Ġermanja."

Matul il-gwerra, Hitler sar patrijott Ġermaniż appassjonat, għalkemm dam biex sar ċittadin Ġermaniż sal-1932. Huwa nħasad bil-kapitulazzjoni tal-Ġermanja f’Novembru 1918 anke meta l-armata Ġermaniża kienet għadha tokkupa territorju tal-għadu. Bħan-nazzjonalisti Ġermaniżi l-oħra, kien jemmen li l-armata "mhux megħluba fil-kamp tal-battalja," kienet traduta mill-politiċi u mill-Marxisti, iktar tard imlaqqma, il-Kriminali ta’ Novembru. It-Trattat ta’ Versailles ċaħħad lill-Ġermanja minn ħafna territorju, iddemilitarizza r-Renanja, impona sanzjonijiet ekonomiċi, reġa’ ħoloq il-Polonja, u tefa’ t-tort tal-orruri kollha tal-gwerra fuq il-Ġermanja. Dan kollu l-Ġermaniżi rawh bħala umiljazzjoni, u dan kien it-tapit mifrux għall-axxeża ta’ Hitler fil-poter.

Jidħol fil-Politika

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Hitler baqa’ fl-armata u mar lura Munich. Beda jieħu sehem fil-korsijiet tad-Dipartment tal-Edukazzjoni u l-Propaganda tar-Reichswehr taħt il-Kaptan Karl Mayr. F’Lulju 1919, Hitler sar spija tar-Reichswehr, biex jinfiltra partit żgħir, il-Partit tal-Ħaddiema Ġermaniżi (DAP). Waqt li kien qed jispija fuq dan il-partit, Hitler intlaqat mill-ideat anti-semiti, nazzjonalisti, anti-kapitalisti u anti-Marxisti tal-fundatur tad-DAP, Anton Drexler li ried gvern b’saħħtu u soċjaliżmu mnaddaf mil-Lhud. Drexler min-naħa tiegħu ntlaqat mill-ħiliet oratoriċi ta’ Hitler u stiednu jingħaqad mal-partit. Hekk għamel nhar it-12 ta’ Settembru 1919. Sar ukoll is-seba’ membru tal-kumitat eżekuttiv tad-DAP. Hemm Hitler iltaqa’ ma’ Dietrich Eckart, wieħed mill-fundaturi tad-DAP li kien jemmen fil-miġja ta’ “Messija Ġermaniż” u meta’ ltaqa’ ma’ Hitler fl-1919 kien konvint li sabu. Eckart sar il-konsulent speċjali ta’ Hitler, billi għallmu kif jilbes u kif jitkellem, u laqqgħu ma’ ħafna nies. Biex isir iktar jappella, il-partit biddel ismu għal Partit Nazzjonali Soċjalista Ġermaniż tal-Ħaddiema (Nationalsozialistische Deutsche Arbeiterpartei, abbrevjata NSDAP).

Hitler spiċċa mill-armata f’Marzu 1920 u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu fl-attività tal-partit. Sa mill-1921, Hitler kien sar oratur tajjeb quddiem folol kbar. Fi Frar, Hitler tkellem quddiem folla ta’ sitt elef ruħ fi Munich. In-NSDAP kien ibbażat fi Munich, li kienet il-mekka tan-nazzjonalisti anti-Marxisti. F’Hitler raw mod kif jaslu għall-għanijiet tagħhom. Fis-sajf tal-1921 Hitler mar Berlin iżur gruppi nazzjonalistiċi, u fl-assenza tiegħu nqalgħet rivolta fit-tmexxija tal-Partit fi Munich, għax kien hemm min irid ineħħi lil Hitler. Hitler mar jiġri lura Munich, u nhar il-11 ta’ Lulju 1921 ta r-riżenja tiegħu. Meta rrealizzaw li mingħajr Hitler kien se jispiċċa l-Partit, huwa sab ix-xoqqa f’moxtha u ħabbar li kien lest imur lura fil-Partit jekk jieħu post Drexler bħala mexxej, b’poteri illimitati. Għall-bidu il-kumitat eżekuttiv tan-NSDAP irreżista imma kellu jċedi taħt il-pressjoni vjolenti ta’ Hitler u n-nies ta’ madwaru. Il-proposta ta’ Hitler għaddiet b’543 vot favur u wieħed biss kontra. Nhar id-29 ta’ Lulju 1921, Adolf Hitler sar il-Führer tal-Partit Nażista, l-ewwel darba li uża dak it-titlu. Fost l-ewwel segwaċi tiegħu kien hemm Rudolf Hess, l-eks pilota tal-ajru Hermann Göring, u l-kaptan tal-armata Ernst Röhm, li iktar tard sar il-Kap tas-SA (Sturmabteilung), li kienet tipproteġihom waqt il-meetings u tattaka lill-oppożituri. Hitler ġibed ukoll l-attenzjoni tan-negozjanti, u assoċja ruħu mal-Ġeneral anzjan Erich Ludendorff.

Il-Putsch tal-Birrerija

Inkoraġġit mill-appoġġ li beda jikseb, Hitler iddeċieda li juża lil Ludendorff f’attentat ta’ kolp ta’ stat li baqa’ magħruf bħala l-"Putsch tal-Birrerija". Il-Partit Nażista beda jikkopja lill-Faxxisti Taljani fil-mod kif jilbsu u anke fil-politika tagħhom, u fl-1923, Hitler ried jimita l-“Marċ fuq Ruma” ta’ Benito Mussolini. Hitler u Ludendorff kisbu l-appoġġ ta’ Gustav von Kahr, il-mexxej de facto tal-Bavarja, u persuni influwenti fir-Reichswehr u fil-pulizija. Flimkien kienu qegħdin jippjanaw li jiffurmaw gvern ġdid. Nhar it-8 ta’ Novembru 1923, Hitler u s-SA baqgħu deħlin bi vjolenza waqt laqgħa pubblika immexxija minn Kahr f’birrerija fi Munich. Iddikjara li kien għamel gvern ġdid ma’ Ludendorff u ordna lil Kahr itih appoġġ biex iwaqqgħu l-gvern ta’ Berlin iżda Kahr irtira l-appoġġ tiegħu u mal-ewwel opportunità li ġietu ħarab u ngħaqad mal-oppożizzjoni għal Hitler.

L-għada, meta Hitler u s-segwaċi tiegħu mmarċjaw mill-birrerija sal-Ministeru tal-Gwerra Bavariż bħala bidu għall-"Marċ fuq Berlin", il-pulizija fetħet in-nar fuqhom. Sittax –il membru tal-Partit Nażista nqatlu. Hitler ħarab lejn id-dar ta’ Ernst Hanfstaengl u kkontempla li jneħħi ħajtu; mart Hanfstaengl ipperswadietu ma jagħmilx dan. Ma damx wisq ma ġie arrestat mixli bi tradiment lejn l-Istat. Waqt il-ġuri, Hitler ingħata ħin kemm irid biex jitkellem, u l-popolarità tiegħu splodiet ’il fuq meta fid-difiża tiegħu huwa ta leħen lis-sentimenti nazzjonalistiċi tant diffużi fost il-poplu. Hekk sar figura nazzjonali. Nhar l-1 ta’ April 1924, Hitler ingħata sentenza ta’ ħames snin priġunerija fil-Ħabs ta’ Landsberg. Hitler ingħata trattament preferenzjali mill-gwardjani tal-ħabs u rċieva ħafna ittri ta’ ammiraturi. Tmien xhur ingħata l-maħfra u nħeles mill-ħabs fuq ordni tal-Qorti Suprema Bavariża, nhar l-20 ta’ Diċembru 1924. Jekk wieħed jgħodd iż-żmien li għamel f’kustodja kawtelari, Hitler għamel biss ftit iktar minn sena ħabs.

Mein Kampf

Fil-ħabs, huwa ddetta ħafna mill-ewwel volum ta’ Mein Kampf (Il-Ġlieda tiegħi, li oriġinarjament kien semmieh Erba’ snin u nofs ta’ Ġlied kontra l-Gideb, l-Istupidità u l-Viljakkerija) lil Rudolf Hess. Il-ktieb li ddedikah lil Dietrich Eckart, kien awtobijografija u espożizzjoni tal-ideoloġija tiegħu. F’Mein Kampf Hitler kien influwenzat minn The Passing of the Great Race ta’ Madison Grant, li Hitler kien isejjaħlu "l-Bibbja tiegħi." Ħareġ f’żewġ volumi fl-1925 u l-1926, u nbigħu 240,000 kopja tiegħu bejn l-1925 u l-1934. Sal-aħħar tal-gwerra, madwar 10 miljun kopja nbigħu jew tqassmu - il-miżżewġin ġodda u s-suldati kienu jingħataw kopja b’xejn.

Lejn il-Poter

Il-Ħruq tar-Reichstag

Ftit wara li Hitler kien ħa l-poter fl-1933 huwa xolja r-Reichstag jew il-Parlament u sejjaħ elezzjonijiet ġodda. Fi Frar ta’ dik is-sena inħaraq parti mir-Reichstag u Hitler waħħal fil-Komunisti biex b’hekk irnexxielu jirbaħ l-elezzjoni b’maġġoranza żgħira. F’Marzu r-Reichstag ta poteri dittatorjali lil Hitler. B’hekk wara dan il-Parlament ftit li xejn iltaqa’.

It-Tieni Gwerra Dinjija

L-ewwel invażjonijiet

F’Ottubru 1936 Hitler iffirma ftehim ma’ Mussolini. Hitler kien jemmen li l-Ġermanja kellha bżonn tespandi fil-Lvant biex ikollha iktar art għall-biedja u l-industrija. Meta fl-1938 Hitler okkupa l-Awstrija għax qal li l-Ġermaniżi t’hemmhekk kienu qed jiġu ppersegwitati, ħadd ma pprotesta. Sitt xhur wara okkupa ċ-Ċekoslovakkja. Billi l-Ingilterra u Franza beżgħu li tfaqqa’ gwerra qablu mal-Patt ma’ Munich.

Anti-semitiżmu

Meta r-reġim Nażista tela’ fis-setgħa fil-Ġermanja f’Jannar 1933, mill-ewwel beda jieħu miżuri sistematiċi kontra l-Lhud. Mill-1933 sal-1939, saru sforzi organizzati mill-Partit Nażista biex jeliminaw lil-Lhud mill-ħajja ekonomika. Il-Lhud tkeċċew mill-pożizzjonijiet li kellhom mal-gvern, u l-avukati u tobba Lhud tilfu l-klijenti Ġermaniżi tagħhom. L-intrapriżi Lhudi kienu jiġu likwidati jew jinxtraw b’valur ħafna inqas minn kemm jiswew minn kumpaniji li ma kinux tal-Lhud. Id-dħul li l-Lhud kienu jagħmlu minn bejgħ kif ukoll dak li jġemmgħu, kien suġġett għal taxxa speċjali.

“Il-Lejl tal-Ħġieġ Imkisser”

F’Novembru 1938, wara li żagħżugħ Lhudi qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi, is-sinagogi kollha fil-Ġermanja ġew maħruqa, it-twieqi tal-ħwienet Lhud tkissru, u eluf ta’ Lhud ġew arrestati. Dal-“Lejl tal-Ħġieġ Imkisser” (Kristallnacht) kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jitilqu malajr kemm jista’ jkun. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud irnexxielhom isibu kenn f’pajjiżi oħra, iżda numru daqstant ieħor kbir ta’ Lhud, ħafna minnhom xjuħ u foqra, baqgħu hemm jistennew destin inċert.

L-Invażjoni tal-Polonja

F’Awissu 1939 il-Ġermanja iffirmat patt ma’ l-Unjoni Sovjetika, u f’dan il-patt iż-żewġ pajjiżi bil-moħbi qasmu l-Polonja. Hitler attakka l-Polonja f’Settembru 1939. Il-Pollakki maljar ingħelbu u l-alleati tagħhom, l-Ingliżi u l-Franċiżi, m’għamlu xejn biex jgħinuhom. Fir-rebbiegħa ta’ l-1940 Hitler ħataf id-Danimarka u n-Norveġja u ftit wara l-Olanda , l-Belġju u Franza. Meta Hitler okkupa l-Polonja żied kważi żewġ miljuni Lhud taħt is-setgħa tiegħu. Ir-restrizzjonijiet li saru fuq il-Lhud tal-Polonja kienu eħrex minn dawk fil-Ġermanja.

Il-Lhud fil-Polonja kienu mġiegħla jgħixu f’ghettos imdawra b’ħitan u barbed wire. Il-ghettos kienu bħal bliet magħluqin minn kullimkien. Kull ghetto kellu kunsill Lhudi li kien responsabbli għad-djar, sanità, u produzzjoni. L-ikel li kien jitħalla jidħol fil-ghettos mill-Ġermaniżi kien jikkonisti biss f’qamħ u ħaxix bħal ġdur, karrotti u pitravi. Fil-ghetto ta’ Varsavja, ir-razzjon uffiċjali għal kull abitant ma kienx jaqbeż l-1200 kalorija. Xi ikel li kien jidħol bil-black-market, kien jinbiegħ bi prezzijiet m’għola s-sema, u l-qgħad u l-faqar kienu mferrxa. Id-djar kienu mimlijin nies, b’sitta jew sebgħa min-nies f’kull kamra, u l-marda tat-typhus kienet komuni.

Fl-Unjoni Sovjetika

Waqt li kien qed jiġri dan kollu fil-Polonja, f’Ġunju 1941, il-Ġermaniżi invadew l-Unjoni Sovjetika (USSR). L-SS qassmet 3000 gwardja f’unitajiet speċjali fit-territorji Sovjetiċi, biex joqtlu l-Lhud kollha on the spot. Dawn l-action squads kienu nvoluti f’massakri sħaħ, li ħafna drabi kienu jsiru f’fossijiet jew irdumijiet qrib l-ibliet. Xi drabi r-residenti kienu jaraw dawn il-massakri, u aħbarijiet dwar dan ma damux ma bdew jaslu f’diversi kapitali tad-dinja.

Is-“Soluzzjoni Finali”

Xahar wara dan, it-tieni fit-tmexxija wara Hitler, Hermann Göring, bagħat direttiva lill-kap tal-SS, Reinhard Heydrich, bl-ordni li jorganizza “soluzzjoni finali għall-kwistjoni Lhudija” fl-Ewropa kollha dominata mill-Ġermanja. F’Settembru 1941, il-Lhud tal-Ġermanja riedu jilbsu badges jew armbands immarkata bi stilla safra. Fix-xhur ta’ wara, għexieren ta’ eluf ġew deportati fil-Polonja u fi bliet maħtufa mill-USSR. Sadanittant kienet qed titħejja innovazzjoni oħra: il-kamp tal-mewt.

Kampijiet attrezzati biex jiggassjaw lin-nies inbnew fuq l-art tal-Polonja okkupata. Ħafna mill-vittmi kellhom jinġiebu mill-ghettos tal-qrib. Mill-ghetto ta’ Varsavja biss, inġiebu iktar minn 300,000. L-ewwel trasporti kienu mimlijien b’nisa, tfal jew xjuħ li ma setgħux jaħdmu; il-Lhud li setgħu jaħdmu kienu jinżammu iżda fl-aħħar kienu jispiċċaw maqtula huma wkoll. L-ikbar deportazzjonijiet seħħew fis-sajf ta’ l-1942. Id-destinazzjoni ta’ dawn it-trasporti ma kinux jiġu mgħarrfa lill-komunitajiet Lhud, iżda rapporti ta’ massakri sħaħ fl-aħħar waslu għand il-Lhud li kienu għadhom ħajjin u għand il-gvernijiet ta’ l-Istati Uniti u l-Ingilterra.

F’April 1943, il-65,000 Lhudi li kien baqa’ Varsavja irreżistew lill-pulizija Ġermaniża li daħlet fil-ghetto, f’battalja li damet sejra tliet ġimgħat. Bejn Lulju u Ottubru 1942 iktar minn 300,000 abitant tal-ghetto ta’ Varsavja ntvagħtu fil-kampijiet ta’ konċentrament u nqatlu. Is-60,000 Lhudi li kien għad baqa’ nqatlu f’din ir-reżistenza erojka.

Fejn kien possibli, il-Ġermaniżi ġabru l-propjetà kollha tad-deportati. Fil-Ġermanja, il-kontijiet tal-bank ġew konfiskati, u minn Franza, Belġju u Olanda okkupati, l-għamara tal-Lhud kienet titwassal il-Ġermanja biex tingħata lil persuni li djarhom kienu ġew ibbumbardjati. It-trasport tal-vittmi lejn il-kampijiet tal-mewt kien isir bil-ferrovija. Il-karrijiet li kienu jwasslu l-Lhud kienu jimxu bil-mod bi skedi speċjali għad-destinazzjoni tagħhom. Ħafna drabi l-morda u x-xjuħ kienu jmutu fit-triq.

Auschwitz

Auschwitz, qrib Krakow, kien l-akbar kamp tal-mewt, li b’differenza mill-oħrajn uża l-gass idroġenu li malajr kien iwassal għall-effett mixtieq. Il-vittmi ta’ Auschwitz kienu ġejjin mill-Ewropa kollha: Norveġja, Franza, Olanda, Italja, Ġermanja, ċekoslovakja, Ungerija, Polonja, Jugoslavja, u Greċja. Ħafna priġunieri, Lhud u mhumiex, kienu jitħaddmu; xi priġunieri kienu jintużaw f’esperimenti mediċi, b’mod partikulari għall-isterilizzazzjonijiet. Għalkemm il-Lhud u ż-żingari (gypsies) biss kienu jiġu ggassjati regolarment, mijiet ta’ eluf ta’ priġunieri oħra f’Auschwitz mietu bil-ġuħ, bil-mard jew iffuċillati. Biex jgħattu dnubhom, bnew krematorji kbar biex fihom jinħarqu l-iġsma ta’ dawk li ġew iffuċillati. Fl-1944 il-kamp ġie fotografat mill-ajruplani ta’ l-Alleati li kienu qed ifittxu l-industriji; il-fabbriki ġew ibbumbardjati iżda l-kampijiet le.

Ir-Riżultati tax-Shoah

Meta l-gwerra ntemmet, miljuni ta’ Lhud, Slavi, żingari, omosesswali, Xhieda ta’ Ġeħova, Komunisti, u oħrajn fil-mira tan-Nażisti, kienu nqatlu fl-Olokawst. Il-Lhud maqtula kienu madwar 6 miljuni: madwar 3 miljuni fil-kampijiet ta’ konċentrament, miljun u nofs iffuċillati, u iktar minn 600,000 fil-ghettos. L-Alleati ġew pressati biex joħolqu art permanenti fil-Palestina għal-Lhud li baqgħu ħajjin. It-twaqqif ta’ Israel, tliet snin wara l-waqgħa tal-Ġermanja kien għalhekk effett ta’ l-Olokawst.

Mewt

Hitler fil-media

Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA Mudell:Link FA