Felix Mendelssohn: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m Bot: eo:Felix Mendelssohn Bartholdy is a featured article
m r2.7.1) (Bot Żieda: diq:Felix Mendelssohn
Linja 252: Linja 252:
[[da:Felix Mendelssohn]]
[[da:Felix Mendelssohn]]
[[de:Felix Mendelssohn Bartholdy]]
[[de:Felix Mendelssohn Bartholdy]]
[[diq:Felix Mendelssohn]]
[[el:Φέλιξ Μέντελσον-Μπαρτόλντυ]]
[[el:Φέλιξ Μέντελσον-Μπαρτόλντυ]]
[[en:Felix Mendelssohn]]
[[en:Felix Mendelssohn]]

Reviżjoni ta' 16:09, 1 Diċembru 2011

Jakob Ludwig Felix Mendelssohn Bartholdy (Amburgu, 3 ta' Frar 1809Leipzig, 4 ta' Novembru 1847) kien kompożitur u surmast tal-orkestra Ġermaniż. Nannuh kien il-filosfu Moses Mendelssohn.

Felix Mendessohn Bartholdy, pittura ta' Eduard Magnus (1846)

Bijografija

Dar it-twelid, 14, Große Michaelisstraße, Amburgu, fl-1900

Felix Mendelssohn Bartholdy kien ġej minn familja Lhudija tal-borgeżija, stmata u għanja. Nannuh, Moses Mendelssohn (1729-1786), kien filosfu famuż tal-Aufklärung (Illuminiżmu), li permezz ta' ittra rjali, kiseb drittijiet ċivili għalih u għall-familja tiegħu, li dak iż-żmien il-Lhud is-soltu ma setgħux igawdu. Dan ippermettilu jitħallat, biż-żwieġ, mal-komunità kummerċjali. Missier Felix, kien bankier tat-tajjeb li kellu sehem fil-bank ta' ħuh il-kbir Joseph. Ommu, Lea Salomon kienet ġejja minn famija ta' industrijalisti u ħuwa kien id-diplomatiku Jakob Salomon Bartholdy. Wara ż-żwieġ tagħhom fl-1804 Abraham u Lea ħallew Berlin u marru joqgħodu Amburgu. Fl-1805 twieldet oħt Felix, Fanny (wara l-1829 Fanny Hense), li kellha talent kbir għall-mużika. Oħtu l-oħra Rebecca (li fl-1831 iżżewġet lill-matematiku Dirichlet) twieldet fl-1811 u ħuh Paul fl-1812.

Ulied Abraham Mendelssohn kienu mrobbija bħala Nsara u fil-21 ta' Marzu 1816 Johann Jakob Stegemann, għammidhom f'darhom bħal protestanti tal-knisja riformata. F'din l-okkażjoni, Felix ingħata l-ismijiet Jacob u Ludwig. Barra minn hekk il-familja ħadet il-kunjom "Nisrani" Bartholdy fuq suġġeriment ta' ħu Lea, Jakob Salomon, li kien xtara proprjetà b'dan l-isem u wara li tgħammed, kien addottah bħala kunjomu. Abraham u Lea Mendelssohn Bartholdy fl-1822, fl-aħħar saru Nsara.

It-tfulija (1809–1824)

Minħabba l-okkupazzjoni ta' Amburgu mill-Franċiżi fl-1811, il-familja marret Berlin, fejn kienet toqgħod in-nanna, issa armla. Hawn Felix u Fanny kellhom l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika minn ommhom stess. Din kienet fit-tradizzjoni ta' Bach billi zijitha, Sara Levy, kienet studjat taħt Carl Philipp Emanuel Bach u kienet patruna ta' Wilhelm Friedemann Bach. Wara, Felix u Fanny kellhom bħala għalliema Madame Bigot meta kienu għal xi żmien Pariġi fl-1816. Meta marru lura Berlin, kellhom lezzjonijiet fil-kompożizzjoni minn Carl Friedrich Zelter, fil-pjanu minn Louis Berger u fil-vjolin minn Carl Wilhelm Henning; għall-edukazzjoni ġenerali kellhom Karl Wilhelm Ludwig Heyse, missier il-kittieb Paul Heyse.

Felix Mendelssohn Bartholdy fl-età ta' 12-il sena, Skizz biż-żejt ta' Carl Joseph Begas (1821)

Il-pubbliku ltaqa' għall-ewwel darba ma' Felix fl-24 ta' Ottubru 1818 meta kellu 9 snin u daqq il-parti tal-pjanu fi triju ta' Joseph Wölfl. F'April tas-sena ta' wara daħal fl-Akkademja tal-kant ta' Berlin bħala contralto, fejn studja l-mużika antika tal-knisja taħt id-direzzjoni ta' Zelter. Is-sena ta' wara beda jikkomponi b'ħeffa straordinarja. Dik is-sena kiteb kważi sittin xogħol, fosthom kanzunetti, sonati għal pjanu, triju bi pjanu, sonata għal vjolin u pjanu, biċċiet għal orgni u anki biċċa żgħira drammatika fi tliet xeni. Fl-1821 ħoloq, biex insemmu xi ftit, ħames sinfoniji għal orkestra tal-kordi, erba' muttetti, is-singspiele ta' att wieħed Soldatenliebschaft u Iż-żewġ għalliema kif ukoll partijiet mis-singspiel Il-kummidjanti vjaġġaturi.

Fl-1821, matul il-sittax-il jum li qatta' fil-belt ta' Weimar, Mendelssohn, ta' 12-il sena, flimkien ma' Zelter iltaqa' għall-ewwel darba ma' Goethe, Fl-istess sena sar jaf ukoll għall-ewwel darba lil Carl Maria von Weber f'Berlin, fejn kien qiegħed imexxi l-opra tiegħu Freischütz. Fl-1822 f'Kassel iltaqa' ma' Ludwig Spohr. Matul dik is-sena kiteb, fost oħrajn, l-opra Iż-żewġ neputijiet jew zijiet minn Boston u kunċert għal pjanu.

Il-familja Mendelssohn kellhom id-drawwa antika li l-Ħadd fil-għodu fil-kamra tal-pranzu jkollhom ensemble żgħir biex jagħti kunċert mużikali, u wara xi l-1822 kien ikun fih mużiċisti professjonali mill-orkestra tal-qorti rjali. Felix kien dejjem imexxi l-orkestra hu u kiteb xogħlijiet ġodda għal dawn l-okkażżjonijiet. Hu stess kien idoqq il-pjanu jew kien iħallih għal oħtu Fanny, waqt li oħtu ż-żgħira Rebecca kienet tkanta u ħuh Paul kien idoqq il-vjolinċell. Fil-ħmistax l-għeluq is-sena tiegħu fl-1824 f'waħda minn dawn il-laqgħat, ġiet rappreżentata għall-ewwel darba Iż-żewġ neputijiet. Bejn it-3 u l-31 ta' Marzu tal-istess sena, ikkompona l-ewwel sinfonija tiegħu, (op. 11), fuq Do minuri, ftit wara il-kwartett bi pjanu fuq Si minuri (op. 3) u s-sestett bi pjanu fuq Re maġġuri (op. 110). F'daż-żmien ukoll sar ħabib ta' Ignaz Moscheles, ħbiberija li baqgħet għal-ħajtu kollha.

Iż-żogħżija (1825-1829)

Fl-1825, Abraham Mendelssohn ħa 'l ibnu Felix lura Pariġi fejn iltaqa' mal-ikbar kompożituri drammatiċi ta' dak iż-żmien Gioachino Rossini u Giacomo Meyerbeer. Hemmhekk iltaqa' għall-ewwel darba ma' Luigi Cherubini li ħa impressjoni tant tajba tat-talent tiegħu li ħajru li jikkomponi Kyrie b'ħames vuċijiet bl-akkompanjament ta' orkestra sħiħa. Mill-ittri tiegħu ta' dak il-perjodu, nafu li Felix ma' kienx japprezza l-mużika tal-iskola Franċiża, imma Pariġi għamel xi ftit ħbieb li kien jiltaqa' magħhom minn żmien għal żmien.

F'Mejju, Felix u missieru marru lura Berlin u qasmu l-vjaġġ biex jerġgħu iżuru 'l Goethe, li fid-dar tiegħu indaqq il-kwartett il-Kwartett fuq Si minuri, dedikat lil Goethe, li rċieva applaws kbir. Fl-10 t'Awwissu tal-istess sena Felix lesta l-opra f'żewġ atti Iż-żwieġ ta' Camacho.

Id-dar tal-familja Mendelssohn, 3, Leipziger Straße, Berlin, fl-1900

Ftit wara li marru lura minn Pariġi, il-familja Mendelssohn marru joqgħodu f'numru 3, Leipziger Straße (illum il-Kunsill Federali Ġermaniż), dar antika u spazjuża li kien fiha kmamar għall-mużika eċċellenti u padiljun kbir fejn kienu jiġu xi mijiet ta' nies għall-kunċerti ta' nhar ta' Ħadd. Fil-ħarifa tas-sena ta' wara indaqqet għall-ewwel darba l-ouverture Ħolma ta' Lejl Sajfi. Il-partitura ta' din il-kompożizzjoni famuża fiha d-data "Berlin, is-6 t'Awwissu 1826 "; Mendelssohn dak iż-żmien kellu 16-il sena. Fil-pubbliku mexxa d-daqq ta' din l-ouverture għall-ewwel darba f’Stettin fi Frar tal-1827.

Fl-istess żmien kien jistudja fl-Università ta' Berlin, fejn, fost oħrajn kien jattendi l-lezzjonijiet ta' G.W.F. Hegel.

Sadattant deher li l-opra Iż-żwieġ ta' Camacho setgħet tiġi mtella' fit-Teatru famuż ta' Spontini. Il-librett, ibbażat fuq episodju minn Don Quixote inkiteb minn Karl Klingemann, u Mendelssohn kellu idea ċara tal-umoriżmu speċjali li kien fih ir-rumanz. Ix-xogħol kellu l-provi malajr wara li l-kompożitur kien ġie lura minn Stettin u kellu l-première fid-29 ta' April 1827. Deher li kien intlaqa' bl-entużjażmu, imma minħabba xi intriċċi ma ttellgħax darba oħra. Mendelssohn stess ħass li l-opra (li issa kien ilu li kitibha 20 xahar) ma kinitx ħa tgħin l-iżvilupp artistiku tiegħu u li l-vokazzjoni tiegħu kienet fil-mużika strumentali. Qatt ma reġa' ikkompona opra oħra.

Mendelssohn waqqaf kor għall-istudju tax-xogħol korali ta' Johann Sebastian Bach (Il-kbir Thomaskantor kien kważi mhux magħruf mill-pubbliku). Fl-1823 nantu Babette Solomon, kienet irregalatlu kopja tal-Passjoni skont San Mattew. Fuq kollox, Mendelssohn sar japprezza x-xogħol ta' Bach mill-lezzjonijiet u l-provi taħt Zelter fl-Akkademja tal-Kant ta' Berlin. Fl-1829, flimkien ma' Eduard Devrient Mendelssohn, kontra r-reżistenza fil-bidu ta' Zelte, tella' rappreżentazzjoni pubblika tal-Passjoni skont San Mattew, imqassra u redatta għal din l-okkażjoni, taħt it-tmexxija tiegħu bil-kor tal-Akkademja ta' 158 vuċi. Din kienet l-ewwel ripreża tal-Passjoni ta' Bach minn mewtu. Zelter fl-Akkademja kien ipprova xi partijiet mill-Passjoni imma ssostna li ma kienx hemm lok għal rappreżentazzjoni sħiħa. Il-Passjoni kella tant suċċess li ttelgħet darbtejn oħra, it-tielet darba taħt Zelter għax Mendelssohn kien mar l-Ingilterra.

Skont sejbiet ta' dan l-aħħar, mill-analisi tal-partitura jidher li r-rappreżentazzjoni ma kinitx "romantizzata wisq". Però Mendelssohn irranġa xi reċitattivi, korali u arji biex ma jgerrixx dawk li kien jdoqqu u l-pubbliku. Barra minn hekk xi strumenti ma kinux għadhom jindaqqu: Mendelssohn stess daqq il-parti tal-Basso continuo fuq il-pjanu, minflok oboi d'amore intużaw klarinetti u minflok oboi da caccia intużaw vjolini. Devrient kanta l-parti ta' Ġesù. Il-pjanu a coda maħdum minn Johann Christoph Oesterlein ta' Berlin li kien ta' Carl Friedrich Zelter u li minnu Felix Mendelssohn Bartholdy x'aktarx mexxa il-Passjoni skont San Mattew għadu fil-Mużew Mużikali tal-Akkademja tal-Kant ta' Berlin.

L-ewwel kunċerti barra Berlin (1829-1832)

Felix Mendelssohn Bartholdy, Akwerell ta' James Warren Childe (1830)

F'April tal-1829 Mendelssohn ivvjaġġa għall-ewwel darba lejn Londra fejn kien milqugħ bl-entużjażmu. Deher għall-ewwel darba quddiem udjenza Ingliża f'wieħed mill-kunċerti tal-Philharmonic Society fil-25 ta' Mejju meta mexxa s-sinfonija fuq Do minuri mill-pjanu. Fit-30 daqq bl-amment il-Konzertstück ta' Weber, fil-25 ta' Ġunju daqq fil-kunċert għal pjanu fuq Mi bemoll maġġuri (li kien għadu ma ndaqqx fl-Ingilterra) u għall-ewwel darba l-ouverture Ħolma ta' lejl sajfi. Fi triqtu lura d-dar ħalla warajh il-partitura tal-ouverture f'karozzin, imma Mendelssohn reġa' kitibha kollha mill-memorja bla żball. F'kunċert ieħor daqq il-kunċert ta' Moscheles fuq Mi maġguri għal żewġ pjanijiet u orkestra.

Meta temm l-istaġun, Mendelssohn ivvjaġga ma' Klingemann lejn l-iSkozja, fejn ġie ispirat biex jikteb l-ouverture L-Ebridi u s-sinfonija Skoċċiża. Fl-aħhar ta' Novembru mar lura Berlin.

Veduta ta Firenze, Akwerell ta' Felix Mendelssohn ta' 21 sena fl-1830

Iż-żjara fl-Ingilterra kienet l-ewwel parti ta' programm estensiv ta' vjaġġi, li missieru ħadu fuqu biex iżur iċ-ċentri artistiċi ewlenin tal-Ewropa. Wara li ma aċċettax l-offerta ta' professorjat f'Berlin, f'Mejju 1830 telaq darb'oħra lejn l-Italja, b'waqfa qasira ta' ġimgħatejn fit-triq f'Weimar għand Goethe u wara ftit waqfiet oħra wasal Ruma fl-1 ta' Novembru.

Meta wasal München f'Ottubru tal-1831, fi triqtu lura, daqq il-kunċert tiegħu għal pjanu fuq Sol minuri li kien għadu kif ikkompona u ffirma kuntratt (li qatt ma wettaq) għal opra għat-teatru ta' München. Wara li waqaf Stuttgart, Frankfurt u Düsseldorf, wasal Pariġi f'Diċembru. Hawnhekk qatta' erba' xhur li matulhom ġedded il-ħbiberiji li kien beda fl-1825 u sar jaf sewwa 'l Liszt u 'l Chopin. Ħafna kompożizzjonijiet tiegħu indaqqu fil-pubbliku, fosthom l-ouverture Sommernachtstraum (Ħolma ta' lejl safi) fil-Konservatorju fid-19 ta' Frar 1832. Imma kellu xi diżappunti wkoll, per eżempju bis-sinfonija Ir-Riforma. Il-vjaġġ temm ħesrem billi qabditu l-kolera, però fieq malajr.

Fit-23 ta' April 1832 mar għal darb'oħra Londra, fejn daqq darbtejn il-kunċert tiegħu fuq Sol bemoll mal-Philarmonic Society, daqq l-orgni fil-Kattidral St Paul's u ppublika l-ewwel volume ta' Lieder ohne Worte (Għanjiet mingħajr kliem). F'Lulju mar lura Berlin u fix-xitwa semma' fil-pubbliku s-sinfonija "Ir-Riforma", il-kunċert fuq Sol bemoll u Walpurgisnacht (Il-lejl ta' Walpurgis).

Berlin, Düsseldorf u Frankfurt (1832-1835)

Felix Mendelssohn ma xtaqx jaċċetta pożizzjoni fissa li kienet sa torbtu għas-snin li jmiss. Però minħabba l-insistenza ta' missieru applika għall-pożizzjoni ta' Direttur tal-Akkademja tal-Kant li saret vakanti bil-mewt ta' Zelter f'Berlin. Il-membri ma vvutawx għalih imma għal Carl Friedrich Rungenhagen li kien ilu ħafna Assistant Direttur. Skont ħabibu Eduard Devrient kien hemm ukoll raġunijiet anti-semitiċi. Dan id-diżappunt kellu sehem importanti fid-deċiżżjoni tiegħu li jħalli Berlin għal xi snin, minkejja r-relazzjonijiet minn ġewwa li kellha l-familja kollha mal-Akkademja u s-suċċess konsiderevoli li kellu bill-Passjoni skont San Mattew.

Fir-rebbiegħa tal-1833 żar Londra għat-tielet darba biex imexxi l-Philharmonic Society li fit-13 ta' Mejju kienet ħa ddoqq is-Sinfonija Taljana tiegħu. Fis-26 tal-istess xahar, mexxa l-mużika fil-festa tal-mużika tar-Renu l-Baxx f'Düsseldorf b'tant suċċess li minnufih offrewlu l-post ta' direttur ġenerali tal-mużika tal-belt. L-impieg kien jikkonsisti fid-direzzjoni tal-mużika fil-knejjes ewlenin, it-teatru u żewġ swali oħra ta' gruppi mużikali.

Qabel ma ħa f'idejħ l-impennji tal-impieg il-ġdid, mar Londra għal darb'oħra ma' missieru u wasal lura Düsseldorf fis-27 Settembru 1833. Kien f'dak iż-żmien li kkompona il-Vespergesang (Kant tal-Għasar) li ħadd ma kien jaf bih qabel mewtu. Ix-xogħol tiegħu fil-knisja u fis-sala tal-kunċert ta impressjoni tajba ħafna, imma r-relazzjonijiet tiegħu mad-diretturi tat-teatru ma kienux mill-aħjar. Forsi kien minħabba dawn iċ-ċirkostanzi li beda jitbiegħed mill-opra u jersaq aktar lejn il-mużika tal-knisja.

F'dawn is-snin Mendelssohn kien imexxi l-kor Cäcilien-Vereins (Għaqda Ċeċiljana) ta' Frankfurt. Kien obbligat għal bosta snin lejn dan il-kor u d-direttur tiegħu Johann Nepomuk Schelble, u għalhekk ħass li kellu jieħu f'idejh il-provi u l-kunċerti ta' dan il-kor matul il-marda serja ta' Schelbles sakemm dan seta' jista' jkompli. Fuq talba tal-Cäcilien-Vereins, ikkompona l-ouverture Il-ħrafa tas-sabiħa Melusina u ppjana diversi xogħlijiet importanti oħra. Fi Frankfurt Mendelssohn kellu l-oppurtunità li jiltaqa' personalment mal-kompożitur importanti tal-opra Gioachino Rossini li kien dħuli ħafna, li qagħad hemm għal ftit jiem.

F'Düsseldorf għamel abbozz tal-famuż oratorju Paulus, ibbażat fuq il-ħajja ta' San Pawl. Ħass li s-soġġorn tiegħu hemm kien "ta' pjaċir immens" [1], u x'aktarx kien iżomm dan l-impieg għal ħafna snin kieku ma offrulux id-direzzjoni permanenti tal-orkestra tal-Gewandhaus ta' Leipzig, waħda mill-ogħla pożizzjonijiet li wieħed seta' jikseb fid-dinja mużikali Ġermaniża.

Leipzig (1835–1841)

Gewandhaus, Leipziger, Akwerell minn Felix Mendelssohn Bartholdy (1836)

F'Awissu tal-1835 Mendelssohn mar Leipzig u fl-4 Ottubru ta l-ewwel kunċert fil-Gewandhaus li fih indaqqet l-ouverture Baħar kalm u vjaġġ hieni, li daż-żmien, mqabbla mal-ouvertures l-oħra tiegħu ma tantx intuha attenzjoni. Il-kunċerti ta' Mendelssohn fil-Gewandhaus intlaqgħu b'ħafna b'entużjażmu u b'rikonoxximent ingħata dottorat onorarju fil-filosofija fl-20 ta' Marzu 1836. Sadanittant, kien lesta l-ewwel oratorju (Paulus) u ddiriġieh għall-ewwel darba fit-22 ta' Mejju 1836 fil-Festa tar-Renu l-Baxx f'Düsseldorf. Fis-16 ta' Marzu 1837 reġa' mexxa l-oratorju f'Leipzig.

Matul dan iż-żmien ipprova, bħala ammiratur kbir ta' Joseph Haydn, jippromwovi x-xogħlijiet ta' Haydn, kif għamel per eżempju, fit-22 Frar 1838 f'Leipzig b'suċċess kbir[2].

Cécile Charlotte Sophie Mendelssohn Bartholdy, pittura taż-żejt minn Eduard Magnus (1846)

Il-ġrajja importanti li tmiss fil-ħajja ta' Mendelssohn kienet fit-28 ta' Marzu 1837 meta żżewweġ lil Cécile Charlotte Sophie Jeanrenaud (10 ta' Ottubru, 1817 – 25 ta' Settembru, 1853), li kien iltaqa' magħha Frankfurt qabel fis-sajf. "Cécile kienet waħda minn dawk il-fenomeni feminili ħelwin, li s-sens kwiet u tfuli tas-sempliċi preżenza tagħha fuq kull bniedem għandu l-effett li jikkalma u jserraħ . Kellha figura ħafifa, fattizzi ta' sbuħija li tolqtok ... "(Philipp Eduard Devrient). Kellhom ħamest itfal: Carl Wolfgang, Paul, Marie, Felix u Lili.

Il-honeymoon bilkemm kien għadda meta għal darb'oħra kellu jmur l-Ingilterra, fejn fl-20 ta' Settembru, mexxa Paulus fil-Festival ta' Birmingham. Matul dal-vjaġġ, daqq l-orgni f'Saint Paul's u f'Christchurch u b'hekk kellu influwenza profonda fuq l-organisti Ingliżi. Hawn beda jaħseb biex jikteb it-tieni oratorju Elias.

Fis-snin 1838 sal-1844, żviluppa l-famuż Kunċert għal vjolin fuq Mi minuri għall-ħabibu, il-vjolinista Ferdinand David.

Berlin (1841-1845)

Fl-1840 Mendelssohn ikkompona l-Innu ta' Tifħir u fl-1841, wara s-sitt vjaġġ tiegħu fl-Ingilterra, Friedrich Wilhelm IV sejjaħlu lura Berlin biex isir Maestro di Cappella. Ir-re Prussjan kellu l-pjan grandjuż li jagħmel 'l Berlin il-belt kapitali tal-arti fil-pajjiżi li kienu jitkellmu l-Ġermaniż. It-tama ta' Mendelssohn kienet li jirriforma l-Akkademja Rjali tal-Arti u t-tmexxija tal-kor tal-katidral.

Minkejja li inħatar bħala Direttur Ġeneral tal-Mużika tal-Prussja fil-ħarifa tal-1842, il-pjanijiet ambizzjużi tiegħu kienu opposti u reżistiti minn ħafna nħawi. Għalhekk, ma waqafx mill-attivitajiet l-oħra u baqa' jagħti l-kunċerti fil-Gewandhaus. Fl-1842 mar l-Ingilterra għas-seba' darba flimkien ma' martu u hemm iddiriġa is-sinfonija Skoċċiża. Kompla fl-impieg sal-1845 u kkompona l-mużika ta' akkompanjament għal Antigone, Oedipus Coloneus, Athalie u l-mużika għal Ħolma ta' lejl sajfi.

L-aħħar snin f'Leipzig

2 Goldschmidt Straße, Leipzig, madwar 1900, fejn Mendelssohn għex u miet

Fl-1843 Mendelssohn waqqaf konservatorju f'Leipzig - l-ewwel Akkademja tal-Mużika fil-Ġermanja - li nfetaħ fit-3 ta' April fil-bini tal-Gewandhaus. Fl-istess sena nħatar ċittadin onorarju tal-belt ta' Leipzig. Fl-1844 mexxa sitt kunċerti filarmoniċi f'Londra u ddiriġa wkoll il-"Ħolma ta' lejl Sajfi". Mar lura Berlin f'Settembru, iżda ma setax jikkonvinċi r-re li jħollu mir-responsabbiltajiet ibsin li kellu.

Wara żjara qasira fi Frankfurt, f'Settembru tal-1845, Mendelssohn mar lura Leipzig, u reġa' ħa l-impjieg li kellu qabel fl-Gewandhaus u kien jgħallem regolarment fil-Konservatorju. Iddedika ruħu prinċipalment għat-tieni oratorju kbir tiegħu, Elias, li ndaqq għall-ewwel darba fis-26 Awissu 1846 fil-Festival ta' Birmingham. Ix-xogħol tiegħu intlaqa' bl-entużjażmu, u wara li mar lura Leipzig, kompla jaħdem bħas-soltu, imma kien jidher ċar li saħħtu kienet marret għall-agħr serjament. Fl-1847 Mendelssohn ivvaġġja għall-għaxar u l-aħħar darba għall-Ingilterra biex imexxi Elias f'Exeter Hall, f'Manchester u f'Birmingham.

Meta mar lura ħa xokk kbir bil-mewt ta' oħtu Fanny fl-14 ta' Mejju. Imbagħad irrtira mill-ħajja pubblika u għadda xi xhur vaganzi fl-Iżvizzera u n-Nofsinhar tal-Ġermanja. Fl-Leipzig fid-9 t'Ottubru tagħtu l-ewwel puplesija. Wara t-tieni attakk fil-25 Ottubru u fit-3 ta' Novembru, intilef minn sensieh u miet fl-4 ta' Novembru fid-9 u 24 minuta ta' fil-għaxija. Għex u miet fid-dar 12 Königsstraße (illum Goldschmidtstraße) f'Leipzig li issa hi mużew imsejjaħ Mendelssohn-Haus.

Mendelssohn indifen fiċ-Ċimiterju tat-Trinità f'Berlin-Kreuzberg, maġenb oħtu Fanny u membri oħra tal-familja.

Felix Mendelssohn Bartholdy u l-posterità

Katalgi tax-xogħlijiet

Ix-xogħlijiet tal-kompożitur huma ddokumentati tajjeb f'żewġ katalgi. Hemm katalgu tal-1882 li jelenka 350 kompożizzjoni. Fis-26 Awissu 2009, direttorju xjentifiku ġdid li fih 750 kompożizzjoni f'26 grupp ġie ppubblikat mill-Mendelssohn-Forschungsstelle tal-Akkademja tax-Xjenzi tas-Sassonja. Din fih wkoll il-manuskritti u x-xogħlijiet stampati ta' Mendelssohn Bartholdy. F'appendiċi, id-direttorju jagħti xogħlijiet li hemm dubju fuq l-awtur tagħhom, u jsemmi l-adattamenti tiegħu tax-xogħlijiet barranin[3].

Monumenti u tifkiriet

Il-monument quddiem il-Gewandhaus f'Leipzig, madwar 1900
  • Statwa maħduma minn Hermann Heinrich Howaldt fuq id-disinn ta' Werner Stein, tqegħdet quddiem il-Gewandhaus f'Leipzig fis-26 ta' Mejju 1892. Fil-lejl ta' 9-10 ta' Novembru 1936, tneħħiet minn hemm min-Nażisti waqt li s-sindku ta' Leipzig, Carl Goerdeler kien barra l-pajjiż u x'aktarx imdewwbet matul il-Tieni Gwerra Dinjija. Fit-18 ta' Ottubru 2008 kopja eżatta tagħha tqegħdet quddiem Thomaskirche (Knisja ta' San Tumas).
  • Fil-muniċipju ta' Amburgu hemm ritratt ta' Mendelssohn-Bartholdy fir-riljev fuq waħda mill-kolonni ta' unur tar-Rathausdiele li ilu hemm mill-1897. Ir-riljev tnaħħa min-Nażisti imma wara l-gwerra ġie restawrat u tqiegħed lura f'postu.
  • F'Amburgu fl-1997, 150 sena mill-mewt ta' Felix Mendelssohn Bartholdy, tqiegħdu żewġ plakek fir-riljev bir-ritratti tiegħu u ta' oħtu Fanny Hensel f'park żgħir fit-triq Ludwig-Erhardt, mhux 'il bogħod mid-dar fejn twieldu, 14 Michaelisstr, li nqerdet fil-gwerra.
  • Fil-Mendelssohn-Bartholdy-Park f'Berlin, qrib Platz Potsdamer, hemm ġebla kommemorattiva. Il-park kien mfassal minn Helmut Preuss (1961-1967). Fuq il-ġebla, maħduma minn Ivo Breuker, hemm ritratt ta' Mendelssohn fir-riljev.
  • Fl-2000, is-Soċjetà Mendelssohn ta' Berlin, qiegħdu bust tal-kompożitur fl-istazzjon tal-U-Bahnhof, Mendelssohn-Bartholdy-Park.
  • Fl-20 ta' Marzu 2002, is-Sindku ta' Berlin, Klaus Wowereit, kixef il-plakka kommemorattiva għal Fanny Hensel u Felix Mendelssohn Bartholdy fil-Bini tal-Kunsill Federali Ġermaniż f'Leipziger Strasse, li darba kien id-dar tal-Familja Mendelssohn. Din tqegħdet hemm fuq l-inizjattiva tas-Socjetà Mendelssohn.

Il-premju Felix Mendelssohn ta' Berlin

Il-premju Felix Mendelssohn-Bartholdy, imsemmi għall-kompożitur u organizzat mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali Prussjan f'Berlin huwa l-eqdem premju Ġermaniż għall-mużika klassika.

Il-premju Mendelssohn ta' Leipzig

Il-premju Mendelssohn ta' Leipzig[4] twaqqaf fis-sena 2007 u jingħata mill-Fondazzjoni Felix Mendelssohn Bartholdy fil-Gewandhaus ta' Leipzig. Jingħata fi tliet kategoriji: mużika, arti viżwali u r-responsabbiltà soċjali. Din il-klassifikazzjoni tfakkar id-diversità kreattiva ta' Mendelssohn, it-talenti qawwijin diversi li kellu u x-xogħol tiegħu bla għeda għall-progress soċjali. Felix Mendelssohn Bartholdy, spikka mhux biss bħala mużiċista u artista, iżda għall-impatt soċjali tiegħu għal valuri estetiċi u politiċi għolja.

Il-premju onorarju jingħata lill-individwi li juru l-aktar interess fil-ħidma u l-ispirtu ta' Mendelssohn bill-ħsieb li juri li l-ħidma tagħhom hi appoġġata u apprezzata.

L-istatwa tal-bronż li tiġi ppreżentata mal-premju hi mmudellata fuq l-istatwa ta' Mendelssohn li tqegħdet quddiem il-Gewandhaus ta' Leipzig fl-1993, maħluqa minn Jo Jastram u maħduma fil-funderija ta' Marc Krepp f'Berlin. Il-figura tiżen 3,400 gramma.

Il-Maestro Kurt Masur kien l-ewwel rebbieħ fl-2007 fil-kategorija tal-Mużika. Kien l-għeluq it-80 sena tas-surmast, li kien ta servizz kbir minn kmieni f'żogħżitu għall-mużika u x-xogħlijiet ta' Felix Mendelssohn Bartholdy u kien l-ewwel li rrekordja diski ta' ħafna mill-komposizzjonijiet ta' Mendelssohn.

Fl-2008 il-premju Mendelssohn ingħata lill-vjolinista Anne-Sophie Mutter (Kategorija Mużika) u lill-filosfu Peter Sloterdijk (Kategorija Responsabbiltà Soċjali).

Fl-2009 il-premju Mendelssohn ingħata lill-kanċillier Helmut Schmidt (Kategorija Responsabbiltà Soċjali), lill-attur u pittur Armin Mueller-Stahl (Kategorija Arti Viżwali) u lis-surmast tal-orkestra tal-Gewandhaus Riccardo Chailly (Kategorija Mużika).

Bolla tad-Deutsche Bundespost (Posta Ġermaniża), (1959) maħruġa f'għeluq il-150 sena mit-twelid ta' Mendelssohn
Stampa:Stamps of Germany (DDR) 1984, MiNr Block 076.jpg
Bolla tad-DDR (Ġermanja tal-Lvant) (1984) maħruġa f'għeluq il-175 sena mit-twelid ta' Mendelssohn
Bolla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1997) maħruġa f'għeluq il-150 sena mill-mewt ta' Mendelssohn
Bolla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (2009) maħruġa f'għeluq il-200 sena mit-twelid ta' Mendelssohn

Tixwix anti-semitiku

Wara mewtu Mendelssohn kien il-vittma tal-propaganda kontra l-Lhud. Bdiet minn Richard Wagner bil-librett tiegħu "Il-Ġudaiżmu fil-mużika", l-ewwel darba fl-1850, tliet snin wara l-mewt ta' Mendelssohn, u mbagħad għal darb'oħra fl-1869 meta reġa' deher. Billi Wagner fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tat-tieni darba kien diġà kompożitur influwenti, il-fehmiet tiegħu wasslu għal nuqqas ta' rispett għall-mużika ta' Mendelssohn fit-tieni nofs tas-seklu 19. Minħabba Wagner l-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet ta' Mendelssohn kienet ipprojbita għal kollox fit-Tielet Reich. Il-kompożituri Ġermaniż intalbu li jiktbu mużikz alternattiva għall-Ħolma ta' lejl sajfi.

Xogħlijiet Ewlenin

Sinfoniji

  • Tnax-il Sinfonija għal orkestra tal-kordi (1821-1825)
  • Sinfonija nru 1 fuq Do minuri, op. 11 (1824)
  • Sinfonija nru 2 fuq Si bemoll maġġuri Innu ta' tifħir, op. 52 (1840)
  • Sinfonija nru 3 fuq La minuri Skoċċiża, op. 56 (1842)
  • Sinfonija nru 4 fuq La maġġuri Taljana, op. 90 (1833)
  • Sinfonija nru 5 fuq Re maġġuri Ir-riforma, op. 107 (1832)

Kunċerti

  • Kunċert għal pjanu u kordi fuq La minuri (1822)
  • Kunċert għal vjolin u kordi fuq Re minuri (1822)
  • Kunċert għal żewġ pjani fuq Mi maġġuri (1823)
  • Kunċert għal pjanu, vjolin u kordi fuq Re minuri (1823)
  • Kunċert għal żewġ pjani fuq la bemoll maġġuri (1824)
  • Kunċert għal pjanu nru 1, op. 25 (1831)
  • Kunċert għal pjanu nru 2, op. 40 (1837)
  • Kunċert għal vjolin u orkestra fuq Mi minuri, op. 64 (1844)

Xogħol sinfoniku ieħor

  • Ħolma ta' lejl sajfi, ouverture, op. 21 (1826), u musica di scena, op. 61 (1843)
  • Ouverture L-Ebridi, op. 26 (1830 - 1832)
  • Ouverture Baħar kalm u vjaġg hieni, op.27 (1828)
  • Ouverture Is-sabiħa Melusina, op. 32 (1834)
  • Ouverture Ruy Blas, op. 95 (1839)

Oratorji

  • Paulus, op. 36 (1834-1836)
  • Elias, op. 70 (1845-1847)

Mużika Reliġjuża

  • Salm 42, op. 42, Wie der Hirsch schreit.
  • Lass o Herr, op. 98.
  • Ave Maria, op. 23.2, għal kor imħallat bi 8 vuċijiet u soloisti SSAATTBB.
  • Lauda Sion, op. 73 (1837). Sekwenza tal-festa ta' Corpus, fuq test ta' San Tumas ta' Akwinu.
  • Verleih und Frieden gnädiglich, fuq test ta' Luteru.

Musica da Camera

  • Ottett għall-kordi fuq Mi bemoll maġġuri, op. 20 (1825)
  • Kwintett għall-kordi nru 1 fuq La maġġuri, op. 18
  • Kwintett għall-kordi nru 2 fuq Si maġġuri, op. 67
  • Kwintett à kordi (1827 - 1847)
    • Kwartett fuq La minuri op. 13]]
    • Kwartett fuq Mi bemoll maġġuri op. 12
    • Kwartett fuq Re maġġuri op. 44 nru 1
    • Kwartett fuq Mi minuri op. 44 nru 2
    • Kwartett fuq Mi bemoll maġġuri op. 44 nru 3
    • Kwartett fuq Fa minuri op. 80
  • Triju għal pjanu nru 1 fuq Re minuri, op. 49
  • Triju għal pjanu nru 2 fuq Do minuri, op. 66
  • Sonata għal vjolinċell u pjanu nru 1 fuq Si b maġġuri, op. 45
  • Sonata għal vjolinċell u pjanu nru 2 fuq Re maġġuri, op. 58
  • Sonata għal vjolin u pjanu fuq Fa minuri u Fa maġġuri, op. 4

Pjanu

  • Sonati (1821, 1826, 1827)
  • Rumanzi bla kliem għal pjanu (1829 - 1845), fosthom
    • L-għanja tar-rebbiegħa (Frühlingslied), op. 62-6 (1842)
  • Andante u Rondo capriccioso, op. 14 (1830)
  • Varjazzjonijiet serji, op. 54 (1841)

Orgni

  • Preludju u fuga, fuq Do minuri op. 37/1
  • Preludju u fuga, fuq Re minuri op. 37/3
  • Preludju u fuga, fuq Sol maġġuri op. 37/2
  • Biċċiet żgħar (6) għall-orgni op. S52
  • Fantasija, fuq Sol minuri op. S53
  • Wie gross ist des Allmacht'gen Gute, Korali-Preludju u 3 varjazzjonijiet op. S54
  • Biċċiet żgħar (2) għall-orgni op. S55
  • Fuga, fuq Mi minuri op. S56
  • Fuga, fuq Fa minuri op. S57
  • Preludju, fuq Do minuri op. S58
  • Biċċiet żgħar (4) għall-orgni op. S59
  • Biċċiet (2) għall-orgni op. S60
  • Korali, fuq La bemoll maġġuri op. S61
  • Allegro, fuq Si maġġuri op. S62
  • Andante alla marcia, fuq Si maġġuri op. S63
  • Andante sostenuto, fuq Re maġġuri op. S64
  • Sonata nru 1, fuq Fa minuri/fa maġġuri op. 65/1
  • Sonata nru 2, fuq Do minuri/do maġġuri op. 65/2
  • Sonata nru 3, fuq La maġġuri op. 65/3
  • Sonata nru 4, fuq Si bemoll maġġuri op. 65/4
  • Sonata nru 5, fuq Re maġġuri op. 65/5
  • Sonata nru 6, fuq Re minuri/re maġġuri op. 65/6
  • Fuga, fuq Si maġġuri op. S65
  • Korali, fuq Re maġġuri op. S66

Noti u referenzi

  1. ^ F'ittra lill Ignaz Moscheles, 7 Frar 1834. Felix Moscheles (ed.):Ittri ta' Felix Mendelssohn-Bartholdy lil Ignaz u Charlotte Moscheles Sändig, Nendeln, 1976, ISBN 3-500-30220-3 <Repr Leipzig 1888>
  2. ^ Otto Biba :Mendelssohn u Haydn fi: Musikblätter der Wiener Philharmoniker (2009), Ħarġa 9, paġna 351
  3. ^ [1]
  4. ^ [2]] Leipziger Mendelssohn-Preis

Ħoloq esterni

Mudell:Link FA