San Mattew: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
Paġna ġdida: '''Mattew l-Evanġelista''' (מתי/מתתיהו, "Don ta' Jaħwe", Ebrajk: Mattaj jew Mattitjaħu; Grieg: Ματθαῖος, Mattios) kien wieħed mit-tnax -il appostlu ta' Ġesù u ...
(L-ebda differenza)

Reviżjoni ta' 21:42, 19 Settembru 2011

Mattew l-Evanġelista (מתי/מתתיהו, "Don ta' Jaħwe", Ebrajk: Mattaj jew Mattitjaħu; Grieg: Ματθαῖος, Mattios) kien wieħed mit-tnax -il appostlu ta' Ġesù u wieħed mill-erba' Evanġelisti. Mattew kien Lhudi. X’aktarx li kien mill-Galilija. Bla dubju kien raġel għani. Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

Pubblikan

Bi professjoni kien Pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani. Dan kien fi żmien Erodi Antipa. Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lill-pubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa. Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga. L-ebda Lhudi ta’ l-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

Is-Sejħa

B'danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: ”Ejja warajja.” Dak qam u mar warajh. (Mt. 9:9) Hekk kienet is-sejħa ta’ San Mattew biex isir wieħed mit-tnax l-Appostli ta’ Ġesù.

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f’Kafarnaum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu. X’ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: ”Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?” Ġesù sempliċiment weġibhom:

”It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda”. (Mt. 9-12)

Isem San Mattew insibuh fil-lista ta’ l-Appostli. Flimkien mal-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù; kien magħhom ukoll meta Ġesù tela’ s-sema; u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu. (Atti 1:13)

L-Evanġelju

Dan l-Evanġelju nkiteb madwar is-sena 80. Aktarx li nkiteb f`Antjokja tas-Sirja, dik il-belt fejn id-dixxipli ta` Ġesu` għall-ewwel darba bdew jissejħu “Kristjani” (Atti 11,26). Ma nkitibx minn San Mattew l-Appostlu, għalkemm hu msemmi għalih. Inkiteb minn Nisrani li baqa' anonimu. Qabel ma sar Nisrani dan l-awtur kien wieħed mill-Iskribi, jiġifieri għaref Lhudi li kien jistudja tajjeb il-Kotba Mqaddsa, imma mbagħad għaraf li t-tagħlim ta` Ġesu` kien il-milja, il-perfezzjoni ta` dak li Alla kien għallem f`dawk il-Kotba, u għalhekk ħaddan ir-reliġjon Nisranija. Kien tassew “Skriba li sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet, u għahekk mill-ħażna tiegħu seta` joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt13,52).

Sas-seklu l-ieħor kienu jgħidu li dan l-Evanġelju l-ewwel inkiteb bl-Aramajk, u mbagħad xi snin wara kien maqlub għall-Grieg. Illum l-istudjużi jżommu li nkiteb l-ewwel bil-Grieg.

Minkejja li kienu għaddew 50 sena minn mindu Ġesu` kien miet u rxoxta, ħafna mill-Lhud kienu baqgħu ma emmnux li Ġesu` kien il-Messija. Anzi dawn il-Lhud kienu jagħmlu kull ma jistgħu biex ifixklu lil dawk in-nies ta` ġenshom li kienu saru Nsara. Kieu jgħidulhom: “Ġesu` ta` Nazaret ma kienx il-Messija. Aħna għalhekk bqajna nimxu wara Mose`. Agħmlu bħalna, u temmnux iżjed f`Ġesu`.” Dan l-Evanġelju nkiteb biex l-Insara ma jitqarrqux u jitilqu r-reliġjon tagħhom.

Jippreżentah bħala Mose` il-Ġdid. Jekk fl-imgħoddi Alla kien kellem lill-Lhud permezz ta` Mose`, issa kellimna b`wieħed aqwa, jiġifieri Ġesu`, li kien tassew il-Messija li fih seħħew il-profeziji tal-Kotba Mqaddsa. Ġesu`, mela, huwa l-Għalliem il-Ġdid li Alla jridna nimxu warajh. Kull min irid jogħġob lil Alla, jeħtieġ li jimxi mhux iżjed wara Mose`, imma wara Ġesu`. Biex jisħaq fuq din il-verita`, l-Evanġelista jagħmel ħiltu biex juri x-xebħ li kien hemm bejn Ġesu` u Mose`.

Taqsim tal-Evanġelju

A. “L-Evanġelju tal-Infanzja” (kap 1 u 2)

B. Il-Ħajja Pubblika ta` Ġesu` f`ħames taqsimiet:

(1) Il-Bidu tal-ħajja pubblika u d-Diskors tal-Muntanja (kap 3 sa 7)

(2) Għaxar mirakli u d-Diskors Missjunarju (8,1 - 11,1)

(3) Tfixkil u d-Diskors bil-Parabboli (11,2 - 13,52)

(4) Il-Knisja u d-Diskors fuq il-Knisja (13,53 – 18,35)

(5) Il-Vjaġġ ta` Ġesu` lejn Ġerusalemm u d-Diskors dwar il-qerda ta` Ġerusalemm u t-tieni miġja ta` Ġesu` (kapi 19 sa 25).

Ċ. Il-Passjoni u l-Qawmien ta' Ġesu` (kap 26 sa 28).


Martirju

Tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jipprietka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta’ ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

Patronat

San Mattew huwa l-qaddis patrun tal-accountants, bankiera, bookkeepers, stock brokers and tax collectors