Charles Dickens: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m r2.7.3) (Robot: Bidla f'tt:Charlz Dikkens għal tt:Çarlz Dikkens
m Bot Żieda: ilo:Charles Dickens
Linja 121: Linja 121:
[[hy:Չարլզ Դիքենս]]
[[hy:Չարլզ Դիքենս]]
[[id:Charles Dickens]]
[[id:Charles Dickens]]
[[ilo:Charles Dickens]]
[[io:Charles Dickens]]
[[io:Charles Dickens]]
[[is:Charles Dickens]]
[[is:Charles Dickens]]

Reviżjoni ta' 05:09, 9 Ottubru 2012

Charles John Huffam Dickens (7 ta' Frar tal-1812 – 9 ta' Ġunju 1870) kien awtur Ingliż, meqjus bħala l-akbar rumanzier tal-era Vittorjana u l-inventur ta' uħud mill-iktar karattri fil-letteratura Ingliża li baqgħu popolari sa żmienna. Xogħlijiet kisbu popolarità meta kien għadu ħaj, u hekk għadhom sal-lum. Iżda kien fis-seklu 20 li l-istudjużi u l-kritiċi għarfu l-merti tiegħu.

Ħafna minn xogħlijietu kienu ppubblikati għall-ewwel darba f'serje darba fix-xahar, format ta' pubblikazzjoni li Dickens innifsu ppopolarizza. Kien jirrevedi l-istejjer u l-karattri skont ir-rispons tal-qarrejja. Għalhekk l-istejjer tiegħu għandhom ritmu partikulari, bi cliffhangers li jġiegħlu lill-qarrejja jistennew l-episodju li jmiss.

Il-kitbiet ta' Dickens tfaħħru bil-kbir minn awturi kbar bħal Leo Tolstoy, George Orwell, u G. K. Chesterton għar-realiżmu tagħhom, komiċità, stil, karatterizzazzjoni unika, u kritika soċjali.

"Oliver Twist", "A Christmas Carol", "Great Expectations", "David Copperfield", "A Tale of Two Cities", "The Old Curiosity Shop" u "The Life and Adventures of Nicholas Nickelby" huma biss uhud mix-xogħlijiet -forsi l-iktar popolari- ta' Charles Dickens, studjati matul is-snin minn eluf ta' tfal fuq il-bankijiet tal-iskola imma wkoll minn eluf oħra li raw film jew xogħol teatrali fosthom ukoll musicals ispirati mill-istejjer mill-iktar ħajja tal-kittieb Ingliż.

Xogħlijietu huma meqjusin bħala għajta kbira soċjali kontra l-faqar u l-inġustizzji ta' dak iż-żmien, influwenzati mhux ftit mill-esperjenza diretta ta' Dickens tfajjel li ta' 12-il sena spiċċa waħdu, mingħajr familja, jaħdem f'fabbrika, meta familtu spiċċat il-ħabs, l-iktar minħabba d-dejn kbir li kien daħal għalih missieru. Esperjenzi li mmarkaw lit-tfajjel tant li huma riflessi ferm fil-kitbiet tiegħu li sal-lum nqalbu f'iktar minn 300 adattament għall-film jew għat-televiżjoni li min-naħa tagħhom rebħu wkoll diversi Oscars.

Illum, id-dar li fiha għex għal sentejn - mhux wisq bogħod mill-istazzjon tal-underground Russel Square fiċ-ċentru ta' Londra - hi l-mużew li Charles Dickens ħalla bħala ikona ħajja ta' fejn kiteb għadd ta' manuskritti u minn fejn bdew is-suċċessi tal-karriera li żammitu fost il-pilastri tal-letteratura attwali anke sal-lum.

Tfulija

Charles Dickens twieled f’familja ta’ klassi baxxa, fejn riedet jew ma riditx, kellha tkun sfruttata mis-servi tal-poter. Il-paga ta’ missier Dickens, li kien skrivan mal-flotta Ingliża, ma kienx biżżejjed biex imantni l-familja. Bħal ħafna oħrajn ta’ żmienu, missier Dickens kien spiċċa jqatta’ xi snin fil-ħabs ta’ dawk li kellhom id-djun u ma ħallsuhomx. Kien għalhekk li l-awtur kellu jissospendi l-edukazzjoni tiegħu u ta’ 12-il sena – bħal tfal oħrajn – ifittex impjieg anke jekk bi ftit flus. Dar diversi fabbriki, jew kif kien jissejħu f’dawk iż-żminijiet: djar tax-xogħol, fosthom fabbrika li għal sitt xhur sħaħ ta’ kuljum kien ikollu joqgħod jibblakka ż-żraben. Dak li kellu jgħaddi minnu f’din l-età hekk żgħira, influwenza bil-kbir lil Dickens fil-mod li bih iħares lejn ix-xogħol u b’mod speċjali lejn il-flus.

Wara li Dickens kien irnexxielu jkompli l-edukazzjoni tiegħu sab impjieg bħala ġurnalista tal-parlament. Grazzi għal dan ix-xogħol huwa seta’ jkabbar aktar l-għarfien tiegħu fil-mod li bih il-politiċi ta’ żmienu kienu jqisu l-kwistjonijiet soċjali. Grazzi għal dan l-għarfien Charles Dickens ippubblika l-ewwel minn serje ta’ kitbiet. Kien fl-1837 li hu ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu bl-isem ta’ Pickwick Papers. Fl-erba’ snin ta’ wara hu rnexxielu jippubblika xejn inqas minn ħames rumanzi oħra, l-aktar magħruf fosthom: Oliver Twist. Dan ir-rumanz kien juri bl-aktar mod ċar id-diffikultajiet tal-familji, il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dawk il-fabbriki tal-bidu, kif ukoll l-intolleranza lejn il-ħaddiema mill-klassijiet diriġenti, kemm jekk industrijalisti kif ukoll politiċi. Interessanti ħafna huwa l-fatt li f’dan ir-rumanz Dickens jagħti idea ċara ta’ x’kienet tfisser il-mobilità fid-dinja tax-xogħol.

Vjaġġi fl-Istati Uniti

Fl-1842 Charles Dickens għamel l-ewwel minn żewġ vjaġġi fl-Istati Uniti. F’dan il-pajjiż il-kitbiet tiegħu kienu ferm popolari. Iżda minkejja l-ftaħir tas-suċċess tal-ħolma Amerikana, Charles Dickens wara l-ħames xhur li qatta’ jgħix f’dak il-pajjiż, kien diżilluż bil-kbir mill-qerq tal-wegħdiet ta’ x’toffri d-demokrazija Amerikana. Lejn l-aħħar ta’ dik is-sena, wara l-esperjenzi li kellu, Dickens ippubblika l-ktieb American Notes, li fost affarijiet oħra jinkludi l-esperjenzi tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’fabbrika tat-tessuti u l-kundizzjonijiet tas-skjavi.

Għalkemm illum il-ġurnata Charles Dickens huwa magħruf għar-rumanz A Christmas Carol, l-ewwel minn sensiela ta’ rumanzi, dan ir-rumanz jinkludi kritika qawwija lejn is-soċjetà kif fil-perjodu tal-Milied tappella għall-karità kristjana u redenzjoni.

Tul is-snin 40 Dickens kompla jaħdem bħala ġurnalist. Fl-istess ħin huwa ħoloq il-gazzetta London Daily News u fl-1850 beda jippubblika l-magazine ta’ kull ġimgħa bl-isem ta’ Household Words.

Kważi l-kitbiet kollha ta’ Dickens qabel ma kienu ppubblikati f’kotba, kienu ppublikati f’faxxikli. Kien fil-magazine tiegħu li Dickens ippubblikat r-rumanz li kellu b’mod dirett juri u jattakka s-sitwazzjoni u l-kefrija tar-rivoluzzjoni industrijali: Hard Times. F’dan ir-rumanz Dickens irnexxielu joħroġ id-differenzi bejn il-klassijiet soċjali. Fil-karattru ta’ Mr Bounderby Dickens joħroġ il-krudeltà u l-isfruttament imwettaq mill-industrijalisti, filwaqt li fil-karattru ta’ Stephen Blackpool il-kittieb juri l-onestà tal-ħaddiema u x-xewqa li jaħdmu u jkollhom kundizzjonijiet tajba.

Biss Dickens għalkemm kien jissimpatizza mat-talbiet tal-ħaddiema kien ukoll jibża’ mill-militanza u kien iżomm lura milli jagħti xi forma ta’ alternattivi għal mod li bih kienu qegħdin jitmexxew il-fabbriki.

Dickens kien jifhem li l-industrijalizzazzjoni kienet ir-riżultat ta’ kapitaliżmu sfrenat. Kien jappella għall-aktar ħniena mal-ħaddiema. Iżda minħabba l-fatt li huwa għex fi snin li kienu għadhom qegħdin jirkupraw minn snin ta’ gwerer kawża tar-rivoluzzjoni Franċiża, bħal ħafna oħrajn kien jibża’ mill-konfrontazzjoni li kienet se tinħoloq biex il-ħaddiema jiksbu kundizzjonijiet aħjar.

Minkejja dan, il-ħassieb u missier is-soċjaliżmu Karl Marx kien japprezza bil-qabda l-kitbiet ta’ Dickens. F’Hard Times, Bleak House u Little Dorrit, Marx ra x’effetti kien qed ikollu l-kapitaliżmu fuq il-klassi tal-ħaddiema.

Wieħed mir-rumanzi li jista’ jitqies li hu attwali għal dak li qiegħdin ngħixu llum huwa proprju Little Dorrit. Dan ir-rumanz jirrakkonta x’jiġri meta jisfaxxa l-imperu industrijali ta’ Mr Merdle. L-effett ikun wieħed qerriedi fuq kull minn b’xi mod jew ieħor kien jiddependi fuqu, l-aktar il-ħaddiema. Interessanti hu l-fatt ta’ frażi li kiteb Dickens stess fid-deskrizzjoni ta’ dak li seħħ fl-isfaxxar tal-industrija ta’ Merdle: ‘It's nobody’s fault’, M'hu tort ta’ ħadd. Frażi miktuba 155 sena ilu, li iżda tiddeskrivi l-atteġġament li qed ikollhom l-gvernijiet fi żminijietna għal dak li seħħ fil-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 u tas-snin ta’ wara. Wieħed jista’ jinnota li l-gvernijiet mhumiex qegħdin jieħdu passi kontra min kien responsabbli għal din il-kriżi, iżda bħal żmien Dickens stess qed jisfurzaw lil klassi tal-ħaddiema biex tagħmel tajjeb għall-iżbalji u l-inkompetenza tal-industrijalisti.

L-aħħar rumanz li Charles Dickens ippubblika qabel mewtu kien Our Mutual Friend. Dan ir-rumanz jista’ jitiqies li huwa wieħed iebes fil-mod li jiddeskrivi l-iżvilupp tal-qagħda soċjali ta’ żmien Dickens. F’Our Mutual Friend Dickens juri kif ir-relazzjoni bejn il-persuni tispiċċa f’relazzjoni kapitalista, fejn anke ż-żibel jispiċċa jkollu l-valur monetarju tiegħu (Qisu kien jaf li xi darba jkun hemm il-ħsieb li tiddaħħal taxxa fuq iż-żibel jew li jinġabar u jinbiegħ.)

Għalkemm Dickens bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala xi kittieb rivoluzzjonarju, fis-sens politiku, irnexxielu jippreżenta lill-qarrejja tiegħu realtà li fiha l-ħaddiema kienu qegħdin jitkarrbu għal bidla. Din hija karba li anke llum qiegħda tinħass, f’dinja fejn qegħdin ikunu mnaqqra l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, bl-iskuża li l-ekonomija trid tirpilja mill-kriżi, u fl-istess ħin il-ħaddiema qegħdin ikollhom iħallsu aktar taxxi biex il-gvernijiet jgħinu lil min kien responsabbli għal din il-kriżi li ninsabu fiha.

Rumanzi

  • The Posthumous Papers of the Pickwick Club (1837)
  • The Adventures of Oliver Twist (1839)
  • The Life and Adventures of Nicholas Nickleby (1839)
  • The Old Curiosity Shop (1841)
  • Barnaby Rudge (1841)
  • A Christmas Carol (1843)
  • The Chimes (1844)
  • The Cricket on the Hearth (1845)
  • The Battle of Life (1846)
  • The Haunted Man and the Ghost's Bargain (1848)
  • The Life and Adventures of Martin Chuzzlewit (1844)
  • Dombey and Son (1848)
  • David Copperfield (1850)
  • Bleak House (1853)
  • Hard Times: For These Times (1854)
  • Little Dorrit (1857)
  • A Tale of Two Cities (1859) jew Ġrajja Ta’ Żewġ Ibliet, maqlub għall-Malti minn Karmenu Vassallo, hu ambjentat f’Londra u f’Pariġi waqt u fis-snin ta’ wara r-rivo­luzzjoni Franċiża. Minn dak­inhar ġew mibjugħin 200 miljun kopja ta’ dan ir-rumanz f’aktar minn 35 ilsien. Ħafna jqisuh bħala l-aqwa rumanz li kiteb Dickens. L-awtur huwa simpatetiku mal-waqgħa tal-aristokrazija Franċiża, iżda ma jaqbilx mal-atroċitajiet li twettqu f’isem ir-rivoluzzjoni Fran­ċi­­ża.
  • Great Expectations (1861)
  • Our Mutual Friend (1865)
  • The Mystery of Edwin Drood (1870)

Biċentinarju minn twelidu

Il-biċentinarju ta' twelidu, fl-2012, tfakkar b'għożża minn ħafna qarrejja ta' kitbietu, fosthom ukoll is-search engine Google li għall-okkażjoni biddlet il-paġna inizjali.

F'Malta, f'Marzu 2012, id-Dar tal-Pubblikazzjoni tal-Partit Laburista, SKS, fakkret il-200 sena mit-twelid ta’ Charles Dic­kens b’espożizzjoni ta’ dokumenti awtentiċi tal-kittieb Ingliż. Fost l-esebiti kien hemm il-firma oriġinali ta’ Charles Dic­kens, edizzjonijiet antiki u rari ta’ rumanzi ta’ Charles Dic­kens u t-traduzzjoni Maltija ta’ “A Tale of Two Cities” mik­tuba bl-idejn fuq pitazz li Karmenu Vassallo kien qaleb għall-Malti fl-1950 u ippubb­likah bl-isem ta’ “Ġrajja Ta’ Żewgt Ibliet”. Il-firma ta’ Charles Dickens tinsab fl-aħ­ħar paġna tal-ewwel edizzjoni tar-rumanz “Hard Times” li Dickens kiteb fl-1863.

SKS nidiet l-edizzjoni ġdida ta’ “Ġrajja Ta’ Żewgt Ibliet” bl-illustrazzjonijiet oriġinali li kienu dehru mar-rumanz li Dickens kien kiteb fl-1859. L-edizzjoni għandha “Kelm­­tejn Tal-Aħħar” ta’ Joe Mical­lef Stafrace. Anton Cassar, Ċer­men tal-SKS qal li din id-Dar tal-Pubblikazzjoni ħasset li għandha tfakkar il-biċentinar­ju tat-twelid ta’ Charles Dickens b’rikonixximent għall-ħila letterarja tal-awtur u l-im­penn tiegħu favur ir-riforma soċjali. Is-Sur Cassar ippreżenta kopja tar-rumanz lil Oliver Paul Vassallo, iben Karmenu Vassallo, li attenda għat-tnedija tal-es­pożizzjoni.

Din l-espożizzjoni t­tellgħet fil-foyer taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bil-kollaborazzjoni ta’ kollezzjonisti privati u tal-Bib­ljoteka Nazzjonali. Kien esebit pitazz li fuqu Karmenu Vassallo kien beda jaqleb ir-ru­manz għall-Malti fl-1948. Vas­sallo dam 30 xahar jaħdem fuq din it-traduzzjoni. Hemm ukoll għall-wiri l-ewwel (1950) u t-tieni edizzjoni (1981) ta’ “Ġrajja Ta’ Żewġ Ibliet”.