Arkanġlu Mikiel: Differenza bejn il-verżjonijiet

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Content deleted Content added
m robot Adding: sq:Mihael (kryengjël)
Linja 69: Linja 69:
[[ar:رئيس الملائكة ميخائيل]]
[[ar:رئيس الملائكة ميخائيل]]
[[az:Mikayıl (mələk)]]
[[az:Mikayıl (mələk)]]
[[be:Міхаіл, архістратыг]]
[[bg:Михаил (архангел)]]
[[bg:Михаил (архангел)]]
[[br:Arc'hael Mikael]]
[[br:Arc'hael Mikael]]

Reviżjoni ta' 09:13, 19 Jannar 2011

Pittura ta' Guido Reni li turi lill-arkanġlu Mikiel jisħaq ras ix-xitan. Din tinsab fil-kappella Kapuċċina ta' Santa Maria della Concezione, Ruma

Mikiel huwa wieħed mit-tliet arkanġli li jissemmew b'isimhom fil-Bibbja, flimkien ma' Rafel u Gabrijel. L-isem Mikiel ġej mil-espressjoni "Mi-ka-El" li tfisser "min hu bħal Alla?"

San Mikiel fil-Bibbja

San Mikiel jissemma darbtejn fit-Testment il-Qadim u darbtejn fit-Testment il-Ġdid. Jissemma darbtejn fil-Ktieb tal-Profeta Danjel bħala l-Prinċep li jħares lill-ulied tal-Poplu t'Alla, lil-Lhud, fi żmien il-jasar tal-Babilonja.

 F’dak iż-żmien iqum Mikael, ir-rajjes il-kbir, li qiegħed għassa fuq il-poplu tiegħek, u jkun żmien ta’ dieqa li bħalha qatt ma kienet mindu kien hemm ġens sa dak iż-żmien; f’dak iż-żmien jinħeles il-poplu tiegħek, kull ma jinsab fil-ktieb. 

- Danjel 12, 1

Fl-Ittra ta' San Ġuda jissemma San Mikiel jiġġieled max-xitan fuq il-ġisem ta' Mosè.

 Mikiel, l-arkanġlu, meta kien jiġġieled u jiddiskuti max-xitan fuq il-ġisem ta’ Mosè, ma kellux ħila jagħtih sentenza bit-tagħjir, imma qal, ‘Irażżnek il-Mulej’. 

- Ġuda, 9

Fl-Apokalissi 12, 7-8, insibu r-rebħa tal-anġli mmexxija minn San Mikiel fuq x-xjaten wara battalja qalila.

 U saret taqbida fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu, jitqabdu mad-dragun, u d-dragun jitqabad u l-anġli tiegħu, imma dawn kienu megħlubin u ma kienx hemm post għalihom fis-sema. 

- Apokalissi 12, 7

San Mikiel jissemma wkoll f’kotba Apokrifi bħal “De principiis” ta’ Oriġenu u “Rivelazzjoni ta' Mosè”.

San Mikiel fir-reliġjon Iżlamika

Fil-Koran, l-anġlu Mikiel jissemma darba, fis-Sura 2:98. L-Arkanġlu Mikiel huwa wieħed mill-erba' Arkanġli għall-Misilmin u wieħed minn tnejn imsemmijin b’isimhom fil-Koran, flimkien ma' Gabrijel.

Id-devozzjoni lejn San Mikiel Arkanġlu

It-tradizzjoni Nisranija tħares lejn San Mikiel bħala dak li jiġġieled kontra x-xitan, dak li jsalva l-erwieħ fil-punt tal-mewt, dak li jħares lill-Knisja, u dak li jieħu l-erwieħ għand Alla għall-ġudizzju. L-Insara tal-bidu kienu jpoġġu l-morda taħt il-ħarsien ta' San Mikiel. San Mikiel hu marbut ma’ ħafna nixxigħat bil-qawwa li jfejqu madwar l-Ewropa, bħal fi Chiarotopa ħdejn Kolossae u dawk f’Khonas. Fis-Santwarju ta’ Sosthenion, qrib Kostantinopli jingħad li San Mikiel deher lill-Imperatur Kostantinu. F’Ruma, jingħad li l-Arkanġlu deher fuq il-Moles Hadriani fis-sena 950 w.K. waqt purċissjoni mill-Papa Girgor għall-ħelsien mill-pesta. Jingħad ukoll li fis-seklu 6 w.K. l-Arkanġlu Mikiel deher fuq il-muntanja Gargano fin-nofsinhar tal-Italja.

F'Malta nsibu tliet knejjes iddedikati lil San Mikiel: fis-Salini (Burmarrad), fl-Iklin u fl-Imqabba. Kien hemm oħra Ħaż-Żebbuġ.

L-Arkanġlu Mikiel huwa l-patrun tal-morda, tal-kavallieri, tal-baħħara u tal-bejjiegħa tal-merċa. Hu patrun ukoll ta’ Franza u tal-Ġermanja.

San Mikiel Arkanġlu jiġi raffigurat b’xabla f’idu, liebes kurazza, rebbieħ fuq ix-xitan. Ġieli jiġi raffigurat ukoll b’miżien f'idu, simbolu tal-ġustizzja divina.

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tiegħu nhar id-29 ta’ Settembru, flimkien mal-Arkanġli Gabrijel u Rafel.

San Ġorġ Preca u San Mikiel

Dun Ġorġ Preca kien devot kbir tal-Arkanġlu San Mikiel. Dun Ġorġ kien jirrakkonta kif darba meta kellu madwar ħames snin kien ghaddej il-Belt mas-seftura tal-familja u waqqfu uffiċjal żagħżugħ li qegħedlu f’idu arloġġ tad-deheb. Dan l-uffiċjal sparixxa f'daqqa u anke l-arloġġ. Dun Ġorġ kien persważ li dak l-uffiċjal ma kien ħadd ħlief l-arkanġlu San Mikiel u l-arloġġ kellu jkun l-Arloġġ ta’ Talb li Dun Ġorġ stess kellu jikteb għas-soċji tal-MUSEUM biex jitolbuh kull kwarta.

Iżjed tard Dun Ġorġ għażel lil San Mikiel bħala d-Difensur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Fil-bidu ta' kull laqgħa tagħhom, is-soċji jagħtuh qima b'talba msejħa s-Salve Sancte Michael, li qabel kienet titkanta bil-Latin:

 Sliem għalik O Qawwi San Mikiel, Int tħarisna f'kull tiġrib. Lill-anġli t'Alla kull ġieħ u glorja għax lilu jaqdu u jagħtu qima, kull ġieħ u glorja. 

L-Iskola St Michael

Nhar l-4 ta' Novembru 1946, bil-barka ta' Dun Ġorġ, soċju tal-MUSEUM u eks-impjegat tat-Tarzna, Toni Agius, mgħejjun l-iktar mill-Assistent Superjur Ġenerali Karmenu Callus, fetaħ skola tas-Soċjetà tal-MUSEUM, bl-isem Skola St Michael li fil-bidu kienet f’dar jisimha Villa Violette, il-Marsa. Iżda erba’ snin wara, fl-1951 is-Soċjetà akkwistat biċċa art kbira fl-inħawi ta’ Fleur-de-Lys. Nhar id-19 ta’ Mejju 1951, Dun Ġorġ imdawwar mis-soċji, għalliema u tfal, bierek l-ewwel ġebla tal-iskola u talab b’dal-kliem:

 Missier Etern, ħares lejn il-wiċċ venerabbli ta’ Ibnek Ġesu Kristu u tpaxxa bih, u bierek għall-merti tiegħu dil-ġebla, biex l-iskola titla’ bil-barka tiegħek u joħroġ ġid spiritwali u temporali, u kull min jidħol fiha jkun oġġett tal-ħniena tiegħek. O Verġni Mbierka, bierek issa din l-art li fuqha se tinbena l-iskola għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-erwieħ. San Ġużepp, noffrulek is-safa ta’ qalbek biex titfa’ ħarsa fuq l-art li fuqha se tinbena l-iskola li aħna, b’gost kbir ta’ qalbna, niddedikaw il San Mikiel Arkanġlu. 

Kuljum fl-Iskola St Michael, wara l-brejk ta' nofsinhar l-istudenti jitolbu t-talba lil San Mikiel. Din it-talba kienet inkitbet u xterdet mill-Papa Ljun XIII fl-1886 immedjatament wara viżjoni terribli li jingħad li kellu hekk kif spiċċa l-quddiesa. Fl-1930, il-Papa Piju XI kien ordna li t-talba lil San Mikiel tingħad b'intenzjoni speċjali, għall-konverżjoni tar-Russja. It-talba kienet tingħad fl-aħħar ta' kull quddiesa. Fir-riforma tal-Liturgija ta' wara l-Konċilju Vatikan II, matul il-Pontifikat ta' Pawlu VI, ir-reċitazzjoni tat-talba ta' Papa Ljun tneħħiet mill-quddiesa.

 San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa' bil-qawwa tiegħek fil-qiegħ ta' l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta' l-erwieħ. 

Fl-Arti u l-Letteratura

L-epika ta’ John Milton, Paradise Lost tirrakkonta fis-sitt ktieb l-istorja tal-ġlieda bejn l-anġli t-tajbin immexxija mill-Arkanġlu Mikiel kontra x-xjaten.

L-Arkanġlu Mikiel hu l-karattru priċipali, maħdum minn John Travolta, fil-film Michael (1996).

Fil-film Ghost Rider (2007), l-Arkanġlu Mikiel huwa wieħed mill-karattri prinċipali.