Aqbeż għall-kontentut

Skola Superjuri tal-Mekkanika tal-Armata

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-ESMA.

L-Iskola Superjuri tal-Mekkanika tal-Armata (bl-Ispanjol: Escuela Superior de Mecánica de la Armada, spiss magħrufa bl-akronimu tagħha ESMA) għaddiet minn tliet trasformazzjonijiet kbar matul l-istorja tagħha. Oriġinarjament l-ESMA ntużat bħala faċilità edukattiva tal-Flotta Navali tal-Armata Arġentina. L-ESMA oriġinali kienet kumpless li kien jinsab f'8151 Avenida del Libertador, fil-Belt Awtonoma ta' Buenos Aires, fil-kwartier ta' Núñez. Barra minn hekk, l-ESMA kienet is-sede tal-U.T.3.3.2 — l-Unità Speċjali 2 tal-G.T.3.3.

Madankollu, l-ESMA iktar 'il quddiem intużat bħala ċentru ta' detenzjoni illegali u sigrieta għall-avversarji tad-dittatura militar tal-1976-1983, li ġew deskritti bħala "sovversivi" matul dik li ġiet imsejħa bħala l-Gwerra Maħmuġa. L-uffiċjali militari kienu jieħdu t-trabi tal-ommijiet miżmuma hemmhekk, kienu jostru l-identitajiet reali tagħhom, u kienu jħallu lill-familji tal-uffiċjali militari u entitajiet assoċjati mar-reġim jadottawhom illegalment. l-Unidad de Tareas (Unità Speċjali) kienet responsabbli għal eluf ta' każijiet ta' għebien sfurzat, tortura u qtil matul dan iż-żmien. L-ESMA kien l-ikbar ċentru ta' detenzjoni tax-xorta tiegħu matul il-Gwerra Maħmuġa.

Il-binja tal-ESMA ġiet ikkonvertita f'mużew ta' mafkar biex joħroġ fid-dieher min "għeb" matul il-Gwerra Maħmuġa tal-Arġentina u jingħata ġieħ. Il-Kungress Nazzjonali għadda liġi fil-5 ta' Awwissu 2004 li kkonvertiet il-kumpless tal-ESMA f'mużew bħala l-Ispazju għall-Mafkar u għall-Promozzjoni tad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem). Fl-10 ta' Ġunju 2014 ġie inawgurat il-Museo Malvinas fil-binja tal-ESMA, li kien mużew dwar il-gżejjer li huma kawża ta' diżgwid u ta' ġlied bejn ir-Renju Unit (li jsejħulhom il-Gżejjer Falkland) u l-Arġentina (li ssejħilhom Islas Malvinas).

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023 bit-titlu uffiċjali "Mużew u s-Sit tal-Memorja tal-ESMA – l-Eks Ċentru Klandestin ta' Detenzjoni, Tortura u Sterminju".

Fl-2001, l-Iskola Superjuri, li reġgħet saret leġittima, bdiet tissejjaħ bħala l-Escuela de Suboficiales de la Armada (ESSA; l-Iskola tas-Sottouffiċjali tal-Armata), u fl-2005 ġiet ittrasferita lejn il-Bażi Navali ta' Puerto Belgrano, 28 kilometru (17-il mil) mill-belt ta' Bahía Blanca, u madwar 600 kilometru (370 mil) fil-Lbiċ ta' Buenos Aires.

Funzjonijiet u awtoritajiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Leġittimità

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-binja fl-1928 waqt li kienet għadha qed tinbena.

Skont l-ESSA, l-Iskola tas-Sottouffiċjali tal-Armata, fl-1897 ġiet stabbilita l-Escuela de Aprendices Mecánicos de la Armada (l-Iskola tal-Mekkaniċi Apprendisti tal-Flotta Navali) fil-binja li issa tospita l-Mużew Navali Storiku ta' Tigre, fil-Provinċja ta' Buenos Aires. Fl-1900 l-Iskola ġiet ittrasferita f'workshops navali f'Dársena Norte; fl-1902 saret l-Escuela de Aprendices Mecánicos y Foguistas (l-Iskola tal-Mekkaniċi u tal-Uffiċjali tal-Faħam Apprendisti). Sentejn wara saret l-Escuela de Mecánicos de la Armada (l-Iskola tal-Mekkaniċi tal-Armata) u fl-1911 saret l-Escuela de Mecánica de la Armada (l-Iskola tal-Mekkanika tal-Armata). Fl-1928 ġiet ittrasferita lejn stabbilit li iktar 'il quddiem sar rinomat, iddisinjat mill-arkitett Raúl J. Álvarez, fit-Triq Blandengues (li issa saret Avenida del Libertador), bejn Arroyo Medrano u l-estensjoni tat-Triq Deheza. Wara li reġgħet saret stabbiliment edukattiv leġittimu, bdiet tissejjaħ bħala l-Escuela de suboficiales de la Armada (l-Iskola tas-Sottouffiċjali tal-Armata) fl-2001, u ġiet ittrasferita lejn Puerto Belgrano fl-2005, meta l-iskejjel tal-Flotta Navali Arġentina u tal-Avjazzjoni Navali Arġentina ngħaqdu f'istituzzjoni waħda.

Sorsi oħra jsostnu li l-Iskola ġiet stabbilita fl-1924, fuq art li ngħatat dik is-sena stess mill-Muniċipalità ta' Buenos Aires lill-Ministeru tal-Flotta Navali permezz ta' digriet, matul il-presidenza ta' Marcelo T. de Alvear. Skont it-termini tad-digriet, kellha terġa' tgħaddi għand il-belt jekk ma tibqax stabbiliment edukattiv militari. L-Iskola tal-Mekkanika, l-Iskola tal-Flotta Navali Militari u s-Sala tal-Ikel tal-Uffiċjali nbnew fuq din l-art.

Kull sena madwar 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa kienu jinkitbu biex jidħlu bħala studenti regolari, u minnhom kienu jiddaħħlu madwar nofs u kienu jingħataw boroż ta' studju għal korsijiet ta' studju f'oqsma bħall-elettronika, l-ajrunawtika, il-ġestjoni, l-inġinerija mekkanika navali, it-tħaddim tar-radju, il-meteoroloġija u l-oċeanografija. L-istudenti kienu jgħixu fil-kumpless mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u kien ikollhom bejn 8 u 10 sigħat ta' klassijiet kuljum. Il-lawrja setgħet tinkiseb f'massimu ta' 3 snin ta' studju, u l-istudenti kienu jingħataw il-lawrja ta' técnico (tekniku), bl-għażla li jkomplu bħala uffiċjali navali, uffiċjali professjonali tal-armata, uffiċjali tal-forzi tal-ajru jew jaħdmu xi mkien ieħor fis-settur pubbliku jew privat.

Id-daħla prinċipali tagħti għall-padiljun ċentrali, fejn kienu jinsabu l-uffiċċji tal-awtoritajiet. Spazju miftuħ imsaqqaf hemmhekk kien jintuża biex jintwerew il-films lill-korp tal-istudenti. Lejn ix-xellug ta' din il-binja kien hemm l-akkomodazzjoni tas-sottouffiċjali, u iktar 'il quddiem u separati, l-akkomodazzjoni tal-uffiċjali, fejn kien jopera ċ-ċentru klandestin ta' detenzjoni matul id-dittatura militari tal-1976-1983. Lejn il-lemin tal-padiljun ċentrali kien hemm post ta' kontroll, il-binja tal-gwardji militari, u l-Iskola Militari tal-Flotta Navali (Escuela de Guerra Naval).

Fuq wara, kien hemm id-dormitorji u faċċata ta' Avenida Lugones kien hemm il-grawnd sportiv tal-istituzzjoni. Fil-perimetru tal-iskola kien hemm postijiet ta' kontroll (checkpoints) operati mill-istudenti f'xiftijiet ta' mill-inqas ġimgħa fis-sena għal kull student.

Fl-1982, 230 student tas-sena finali tal-ESMA nkitbu biex jiġġieldu fil-Gwerra tal-Gżejjer Falkland; uħud minnhom mietu fl-għerqa tal-ARA Belgrano u fl-attakk fuq l-ARA Alférez Sobral.

Fl-1998, il-President Carlos Menem ordna t-trasferiment tal-Iskola lejn il-bażi f'Puerto Belgrano, u l-użu tal-kampus l-antik bħala mużew. Ingħata l-isem ta' ESSA fl-1999 bħala l-unika skola militari tal-flotta navali li għadha topera fil-bażi ta' Puerto Belgrano.

Etimoloġija u użu matul il-Gwerra Maħmuġa

[immodifika | immodifika s-sors]

B'kollox inħatfu u nżammu kważi 5,000 ruħ fil-binja oriġinali tal-ESMA waqt il-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-Gwerra Maħmuġa fl-1976-1983; kollha ħlief 150 ruħ inqatlu matul jew wara li ġew sottoposti għal interrogazzjoni u tortura. Meta kien jitħabbar li l-priġunieri kellhom jiġu "trasferiti", in-nies miżmuma kienu jindunaw li kienu se jiġu ġustizzjati. Il-priġunieri kienu jittieħdu fil-pjan ta' taħt l-art, jitrażżnu, imbagħad jinqatlu, uħud b'xi tir u oħrajn permezz ta' titjiriet tal-mewt: dawn tal-aħħar kienu jittajru fuq l-Oċean Atlantiku jew Río de la Plata u kienu jiġu imbuttati barra mill-inġenju tal-ajru. Dawn huma biss ftit uħud mill-bosta trattamenti li l-priġunieri tal-ESMA kellhom iġarrbu waqt il-ħtif tagħhom f'ċentru klandestin ta' detenzjoni.

Ċentru ta' detenzjoni ekstraġudizzjarja

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-post fejn kienu jinżammu s-"sovversivi".

L-ESMA ntużat bħala ċentru ta' detenzjoni mill-bidu nett tad-dittatura tal-1976: fl-24 ta' Marzu, jum il-kolp ta' stat, diversi persuni li nħatfu mill-Forzi Armati ttieħdu hemmhekk.

L-Unità Speċjali 3.2.2 kienet immexxija mis-Sottoammirall Rubén Jacinto Chamorro u mill-Kaptan Carlos Acosta Ambone. Jorge Vildoza ġie identifikat fost dawk li baqgħu ħajjin bħala t-tieni uffiċjal militari fil-kmand tal-ESMA. Fost l-uffiċjali għoljin tal-Unità Speċjali kien hemm Jorge Eduardo Acosta, Alfredo Astiz, Ricardo Miguel Cavallo u Adolfo Scilingo, li saru magħrufa bħala t-torturaturi. Astiz kien magħruf bħala "l-Anġlu Bjond tal-Mewt". Il-kappillan tal-ESMA fl-1977 kien il-patri Alberto Ángel Zanchetta. L-ESMA kienet tintuża għall-belt ta' Buenos Aires u għall-parti tat-Tramuntana taż-żona metropolitana (Gran Buenos Aires). L-uffiċjali inkarigati kellhom ordnijiet stretti biex ma jiżvelawx l-identitajiet jew l-affiljazzjoni militari tagħhom huma u jaħtfu l-priġunieri.

Bejn l-1976 u l-1978, il-grupp fl-aħħar mill-aħħar kien isegwi l-ordnijiet tal-Kmandant Kap tal-Flotta Navali Emilio Eduardo Massera. Massera jingħad li kien preżenti meta l-unità ġiet stabbilita, ta diskors ta' introduzzjoni lill-uffiċjali, u pparteċipa personalment fl-ewwel detenzjonijiet illegali.

Konfigurazzjoni tal-ESMA

[immodifika | immodifika s-sors]
Rappreżentazzjoni artistika tal-vittimi tal-ESMA.

Ladarba kienu jinħatfu, dawn il-priġunieri qajla kienu jerġgħu lura d-dar, u l-qrabat tagħhom kienu jibqgħu jewdnu jekk kinux qatt se jerġgħu jarawhom. Matul l-ewwel stadji tal-Gwerra Maħmuġa, l-Arġentinjani li kienu jgħixu f'Buenos Aires ma kinux jafu li l-binja li fl-imgħoddi kienet tospita skola kienet ġiet ittrasformata f'ċentru biex jiġu kkastigati s-"sovversivi". Malli l-priġunieri kienu jaslu f'dan il-post "rinnovat", id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom kienu jiġu injorati. Minflok, kienu jittieħdu lejn sulari differenti skont il-kastig tagħhom fi sforz ta' deumanizzazzjoni tal-vittmi. Is-sular ta' taħt l-art kien fih il-kmamar ta' interrogazzjoni u post fejn kienu jittieħdu u jinżammu r-ritratti ta' kull priġunier. Permezz ta' dawn ir-ritratti l-vittmi setgħu jiġu rreġistrati, u b'hekk ipprovdew għadd akkurat tal-5,000 ruħ li mietu minħabba t-trattament f'dan iċ-ċentru. L-ewwel sular kien jintuża bħala sala tal-operazzjonijiet għall-mexxejja tat-tortura biex jippjanaw, iwettqu u jkomplu l-isforzi tagħhom biex jikkastigaw il-priġunieri. It-tieni u t-tielet sulari kienu mgħammra u miżmuma b'mod adegwat u fihom kienu jgħixu u jorqdu l-uffiċjali. Dawn l-uffiċjali kienu jittorturaw id-dissidenti kuljum biex ibeżżgħu l-vittmi li qatt ma kien ikollhom ħjiel meta kienu se jerġgħu jissawtu. Fit-tielet sular ukoll, estiża sar-raba' sular, kien hemm żona magħrufa bħala l-"capucha" jew kappa. Hemmhekk kienu jinżammu l-priġunieri f'kundizzjonijiet mudlama u bla tama.

Min għeb u sar desaparecidos?

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm ċerti tipi ta' individwi fi ħdan is-soċjetà Arġentinjana li bdew jinħatfu u jitneħħew minnha. Ċertu ġrajjiet pereżempju juru li kien hemm għadd sproporzjonat ta' Lhud li ttieħdu fiċ-ċentru ta' detenzjoni, u dan jixħet dawl fuq il-vittimizzazzjoni anti-Semita. Grupp ieħor fil-mira kien jinkludi n-nies li potenzjalment kienu jappoġġaw gvern differenti u dawk li kienu jopponu l-ġunta u d-dittatura militari ta' dak iż-żmien fl-Arġentina. Mal-iċken suspett li xi Arġentinjani kienu qed jiltaqgħu b'mod sigriet u konsistenti biex jirreżistu l-Ġeneral Jorge Rafael Videla u r-reġim tiegħu, il-gvern kien jaħtaf lil dawn in-nies u jitfagħhom f'ċentri ta' detenzjoni bħall-ESMA. Dan kien jintuża biex iqanqal il-biża' fi ħdan membri oħra tal-komunità li kienu wkoll kontra l-istruttura governattiva ta' dak iż-żmien fl-Arġentina. Wara l-ħtif, pereżempju, il-priġunieri kienu jiġu interrogati dwar ir-raġunijiet għalfejn kienu qed jopponu d-dittatura Arġentinjana u jifirxu ideoloġija politika ġdida, u kienu jinjoraw il-fatt jekk dan kienx tassew il-każ.

Ġrajjiet ta' dawk li baqgħu ħajjin wara li nżammu fl-ESMA

[immodifika | immodifika s-sors]

Xi ftit vittmi li baqgħu ħajjin wara d-detenzjoni fl-ESMA għamluha prijorità li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ta' tortura u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li kellhom jiffaċċjaw meta nżammu fiċ-ċentru ta' detenzjoni.

Ana María Martí
[immodifika | immodifika s-sors]

Waħda minn dawn li baqgħu ħajjin, Ana María Martí, irrakkontat ftit mit-trattament tal-waħx li ffaċċjat meta nżammet fl-ESMA. Meta nqabdet, kienet diġà ċċirkolat l-informazzjoni li dan iċ-ċentru ta' tortura kien xi ħaġa tassew tal-biża'. Meta nħatfet, l-uffiċjali li ħatfuha qabdu jidħku minħabba l-biża' li kellha kif semmewlha l-ESMA. Ladarba waslet fiċ-ċentru, il-ġrajjiet tagħha ta' tortura kienu jixbħu lil ġrajjiet oħra li ġew irrakkontati minn oħrajn bħalha li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara esperjenza simili. L-għan prinċipali tal-uffiċjali tal-ESMA kien li jweġġgħu kemm jista' jkun lill-vittmi, u jittestjaw il-kapaċità ta' kull vittma li jibqa' ħaj minkejja ċ-ċirkostanzi tal-waħx. Fis-sular ta' taħt l-art fejn kienu jsiru l-interrogazzjonijiet, il-vittmi kienu jiġu sottoposti għal xokkijiet elettriċi, trattamenti umiljanti, u t-tneħħija tal-ġenitali u organi oħra tal-ġisem.

Il-"capucha" tal-ESMA kienet żona oħra ta' terrur fi ħdan dan iċ-ċentru klandestin ta' detenzjoni. Wara t-torturi u l-interrogazzjonijiet inizjali, il-priġunieri kienu jiġu mrażżna bil-ktajjen fit-tielet sular u kienu jitħallew waħedhom b'kappa (għalhekk kienu jissejħu l-"capucha"). Kienu jitħallew fi dlam ċappa bla ebda komunikazzjoni, kienu jibqgħu iżolati biex jinstigaw il-paniku u l-biża' fihom. Eventwalment, il-lejl u n-nhar kienu jsiru kważi ħaġa waħda għall-priġunieri, b'martirju kontinwu iktar ma jsiru membru veterani f'dan is-sit ta' tortura. Ana María Martí baqgħet ħajja minkejja dawn il-kundizzjonijiet orribbli, iżda kienet xhieda ta' bosta vittmi oħra li nqatlu mill-uffiċjali. Hija sostniet li l-priġunieri kienu jindunaw meta xi ħadd kien ikun wasal biex jittieħed fil-kmamar tal-mewt; sabiex jiġu ppreparati, l-ESMA kien jitma' u jieħu ħsieb il-vittmi tal-aħħar biex jissemnu. Dan kien sforz apposta biex eventwalment il-katavri tal-priġunieri maqtula kienu jidhru iktar f'saħħithom u l-mewt tagħhom kienet tidher inqas ikkollegata mal-operazzjonijiet tal-ESMA.

Susana Reyes sostniet li meta kien jasal il-ħin biex jinħaslu, il-kmamar tal-banju ma kellhomx bibien, u l-gwardji kienu jieħu vantaġġ minn dan biex jittrattaw lin-nisa bħala oġġetti. Il-gwardji kienu jgħajtu diversi oxxenitajiet u kienu jgħaddu bosta kummenti sesswalment espliċiti lin-nisa huma u jinħaslu. B'hekk Susana Reyes iddeċidiet li qatt ma tinħasel għerwiena. Darba minnhom Susana Reyes irrispondiet lil xi awtorità li għaddielha xi rimarka dispreġjattiva dwar ġisimha u dan wassal biex tintrabat u tissawwat b'mod brutali b'għuda. Susana Reyes kienet mara twila fl-ESMA u ngħatat kappa għall-wild mhux imwieled tagħha. Il-kappa kienet maħsuba biex tintuża għal tortura psikoloġika peress li l-kappa ż-żgħira kienet meqjusa bħala simbolu tal-"capucha" u b'hekk id-destin tat-tarbija kien se jkun ta' ħajja ta' tortura flimkien ma' ommha. Kuntrarjament għal dan, kien hemm gwardja li ħa ħsieb ta' Susana Reyes speċjalment meta mardet. Madankollu, l-istess gwardja kien jinki lil Susana Reyes billi jgħidilha "ħu ħsiebha" u jinsinwa li kien se jeħdilha t-tarbija tagħha u jrabbiha bħallikieku kienet tiegħu. B'xorti tajba, Susana Reyes ħarbet mill-ESMA qabel ma weldet.

Metodi ta' qtil fl-ESMA

[immodifika | immodifika s-sors]
Ajruplan li ntuża għat-"titjiriet tal-mewt" matul id-dittatura militari Arġentina.

L-ESMA wasslet għall-qtil ta' bejn wieħed u ieħor 4,850 priġunier, b'varjetà ta' metodi ta' qtil. Bosta tekniki popolari ma kinux jirrikjedu li l-priġunieri jitilqu mill-konfini tal-ESMA. Fis-sular t'isfel, metodi ta' interrogazzjoni bħall-għerqa u x-xokkijiet elettriċi kienu komuni u metodu faċli ta' qtil. L-uffiċjali tal-ESMA, b'xi mod jew ieħor, sabu metodi iktar uniċi biex iwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem li wasslu għall-mewt ta' bosta nies. Pereżempju, kif ġara fil-Ġermanja Nażista u fl-Olokawst, dawn l-uffiċjali kienu jippruvaw esperimenti xjentifiċi biex jaraw kif ikampa l-ġisem tal-bniedem meta jitlef xi riġel, it-tneħħija tal-organi, u l-fluttwazzjoni ta' temperaturi sħan u kesħin. Il-vittmi kienu wkoll jittieħdu 'l barra mill-ESMA fil-kustodja ta' dawk li kienu inkarigati biex jiġi promoss sens ta' divertiment fi triqithom għall-qtil. Il-priġunieri kienu jitħallew f'nofs il-ġungla, u kienu jiġu ssorveljati huma u jippruvaw jaħarbu mingħajr ma jirnexxilhom. Eventwalment, il-gwardji kienu jisparawlhom u joqtluhom.

L-iżjed metodu ta' qtil imsemmi fl-ESMA jinkludi l-imbuttar tal-priġunieri għal isfel mill-ajruplani fl-ajru. L-uffiċjali kienu jobbligaw lir-residenti tal-ESMA jitilgħu fuq dawn l-ajruplani, biex imbagħad jimbuttawhom għal isfel u jarawhom imutu. Spiss il-vittmi kienu jkunu għadhom f'sensihom, minkejja li kienu jiġu ddrogati. B'hekk, bosta iġsma tal-vittmi kienu jinstabu fil-bajjiet mijiet ta' kilometri fin-Nofsinhar ta' Buenos Aires. Dan it-trattament diżuman, magħruf ukoll bħala titjiriet tal-mewt, ikkontribwixxa l-iktar għall-bosta mwiet f'dan iċ-ċentru ta' detenzjoni. Parti mill-Arġentinjani li kienu jinħatfu mill-militar lanqas biss kienu jaslu sal-ESMA. L-Arġentinjani kienu jirreżistu jew jippruvaw jaħarbu u b'hekk kienu jindarbu mill-militar. Dawk li kienu jmutu qabel ma jaslu fl-ESMA jew li ma setgħux jiġu salvati mit-tobba tal-flotta navali, kienu jiġu kkremati u midfuna fit-trakka tal-atletika. B'kollox, l-ESMA wasslet għall-mewt ta' kważi 16.67 % tal-qtil totali matul il-perjodu ta' tmien snin tal-Gwerra Maħmuġa.

Trattament tan-nisa fl-ESMA

[immodifika | immodifika s-sors]

In-nisa kienu jiġu soġġetti għal tortura psikoloġika u għal abbuż sesswali waqt id-detenzjoni tagħhom fl-ESMA. Parti mit-tortura psikoloġika u mid-dixxiplina tal-militar fir-rigward tan-nisa kien li jobbligawhom iżommu standards tas-sbuħija billi jagħtuhom make-up, fwieħa u xama'. Dan biex iktar 'il quddiem jittieħdu għal ħarġa taparsi biex jiġu aggrediti sesswalment minn xi membru tal-militar. L-ESMA kienet post ta' vjolenza sesswali kostanti fejn lanqas it-tqala ma kienet tiffranka lin-nisa milli jiġu stuprati. Barra minn hekk, in-nisa li kienu jkunu tqal kien ikollhom iwelldu jew jagħmlu abort f'ambjent mhux sikur u orribbli. It-tfal tan-nisa li kienu jwelldu fl-ESMA kienu jittieħdu u/jew jiġu adottati mill-membri tal-militar. Kienet xi ħaġa komuni għan-nisa li kienu jwelldu, li jerġgħu jittieħdu fl-ESMA wara li jwelldu mingħajr ma lanqas ikunu jafu l-ġeneru tal-wild tagħhom jew x'sar minnhom. Għad-differenza tal-irġiel, waqt it-tortura n-nisa kienu jiġu ddegradati sesswalment u insultati b'termini bħal "turra" li bl-islang Arġentinjan tfisser "prostituta".

Proċedimenti ġudizzjarji

[immodifika | immodifika s-sors]

Proċediment ġudizzjarju ewlieni, imlaqqam "il-megaproċediment tal-ESMA", ta' 63 persuna akkużati li wettqu reati kontra l-umanità (lesa humanidad) matul id-dittatura tal-1976-1983, inkluż dawk involuti fit-titjiriet tal-mewt, kien wasal fl-aħħar f'Lulju 2015. 830 xhieda u 789 vittma nstemgħu. Qabel kienu saru żewġ proċedimenti wara li l-Qorti Suprema neħħiet l-amnestija li d-dittatura militari kienet tat lill-membri tagħha; fl-ewwel proċediment il-persuna akkużata wettqet suwiċidju qabel ma ntlaħaq verdett; f'proċediment li sar fl-2009, tnax-il akkużat ingħataw sentenza ta' għomor il-ħabs. Il-proċediment baqa' għaddej sa April 2016, u kien qed jiġi rrakkontat fid-dettall fi blog apposta, Causa ESMA, b'links għal filmati bir-rapporti dwar is-sentenzi sinifikanti tal-qorti u avvenimenti simili; bosta punti ġew magħżula mis-sit web tal-Infojus Noticias (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Aħbarijiet Ġudizzjarji).

Gonzalo "Chispa" Sánchez ġie estradit lejn l-Arġentina u ffaċċja l-akkużi fil-qorti fl-2020.

Fid-19 ta' Frar 2021, qorti federali ħarġet sentenza kontra tmien baħrin, uffiċjali tal-pulizija u persuna ċivili f'proċediment minħabba li kienu wettqu reati kontra l-umanità matul id-dittatura militari fl-ESMA. Fost dawk li ġew ikkundannati kien hemm l-eks uffiċjal tal-flotta navali Carlos Castellvi, l-uffiċjal tal-pulizija Raúl Cabral, u l-persuna ċivili Miguel Conde.

Xhieda militari

[immodifika | immodifika s-sors]
Parti mill-wirja tal-"Ispazju tal-Mafkar u tad-Drittijiet tal-Bniedem" fil-mużew tal-ESMA.

Il-membri tal-militar sostnew li kienu sempliċement qed jobdu l-ordnijiet li kienu jingħataw. Sostnew ukoll li kienu jemmnu li kienu qed jiġġieldu gwerra kontra għedewwa lebsin ħwejjeġ ċivili. Il-membri militari qatt ma pprotestaw kontra l-ordnijiet minkejja li kienu jafu x'torturi u x'atti tal-waħx kienu qed isiru fl-ESMA, peress li kienu persważi li jemmnu li kien att suprem li kellu jsir għal ġieħ l-Arġentina.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Mużew u s-Sit tal-Memorja tal-ESMA – l-Eks Ċentru Klandestin ta' Detenzjoni, Tortura u Sterminju ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Mużew bħala "Spazju ta' Mafkar u tad-Drittijiet tal-Bniedem" (l-Eks ESMA)

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-2004, il-binja oriġinali tal-ESMA ntużat bħala mużew ta' mafkar f'ġieħ il-memorja ta' dawk li għebu. Madankollu, il-missjoni tal-mużew ta' mafkar imur lil hinn minn hekk. L-ESMA jservi bħala twissija biex jiġi żgurat li l-atti tal-waħx ta' tortura u reati oħra magħmula mid-dittatura qatt ma jerġgħu jiġru. L-Arġentinjani jħossuhom obbligati jużaw il-mużew biex jaqsmu l-ġrajjiet ta' dawk li tilfu ħajjithom matul il-Gwerra Maħmuġa u biex juru x'kien jiġri fi ħdan il-ħitan tal-ESMA.

  1. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "ESMA Museum and Site of Memory Former Clandestine Center of Detention, Torture and Extermination". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.