Aqbeż għall-kontentut

Silvestru Fiteni

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Silvestru Fiteni
Ħajja
Okkupazzjoni

Silvestru Fiteni (1598? - ?), Baruni ta' Budapest, kien kavallier u nobbli li huwa magħruf għall-bini tal-kappella ta' San Silvestru Papa fil-Mosta.

Triq residenzjali fil-Mosta, viċin ta' din il-kappella, hija msemmija għalih.[1]

Il-Kappella ta' San Silvestru

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kappella ta' San Silvestru fil-Mosta

Il-kappella tinsab proprju fi Vjal l-Indipendenza, fil-periferiji tal-Mosta. Fuqha nsibu iskrizzjoni bil-Latin li tgħid hekk:

FITENI SYLVESTER EQVES SYLVESTRIBVS AGRIS DIVO SYLVESTRO DAT DICAT IPSE DOMVM 1664

Jiġifieri: Il-Kavallier Silvestru Fiteni, mir-raba' xagħri, jagħti u jiddedika Iii San Silvestru din il-kappella, fl-1664.[2] Ġol-kappella innifisha nsibu iktar informazzjoni fuq is-sur Fiteni, permess ta' iskrizzjoni oħra bil-Latin li għandha din it-traduzzjoni:

In-Nobbli Silvestru Fiteni, Malti, Baruni ta' Budapest, wara li laħaq hakem u maħlul miż-żwieġ ... fl-imgħoddi mas-Sinjura Ġenoveffa ... D. Tassalocanna mdaħħal fl-Imqaddes Ordni Militari ta' San Ġwann ta' Ġerusalem, fil-grad ta' Kavallier ta' Kastellanija Emposta, mill-ġid tal-patrimonju akkwistat fi żmien iż-żwieġ, huwa waqqaf il-kommenda taħt l-isem ta' San Silvestru (tal-familja) Fiteni, għalih u għall-kavallieri (tal-imsemmija) Kastellanija; u għamel li tigi mwettqa b'permess Appostoliku, tal-24 ta' Diċembru 1657. Għalhekk bena dan il-lok mix-xagħri taht il-patroċinju ta' San Silvestru, fis-sena 1664."[2][3]

Il-kappella hija b'dedika lil San Silvestru Papa, li serva bħala kap tal-Knisja Kattolika bejn is-snin 314 u 334[3] (jew 335[2]) u kien hu li għammed lill-Imperatur Ruman Kostantinu l-Kbir. Tiġi ċċelebrata quddies ta' kuljum fil-kappella, u ssir festa żgħira fl-aħħar tas-sena, jiġifieri fil-31 ta' Diċembru. Issir ukoll festa oħra f'ġieħ Santa Rita fl-22 ta' Mejju, u fil-fatt insibu statwa tagħha xogħol l-iskultur Għawdxi Wistin Camilleri.[2][3]

Fil-kappella insibu wkoll inkwatru ta' San Silvestru Papa; dan kien ġie mpitter minn Stefano Erardi fl-1665.[4] Il-kappella kienet ġarrbet ħsarat estensivi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn is-sagristija ġiet meqruda għal kollox, iżda l-inkwatru kien ġie salvat peress li kien ittieħed ir-Rotunda bħala prekawzjoni.[2]

Fil-ġenb tal-kappella, fejn illum il-ġurnata tgħaddi t-triq prinċipali, kien hemm remissa żgħira bl-arma tal-familja Fiteni fuq il-bieb tagħha. Din ġiet imwaqqa' fis-snin ħamsin jew sittin tas-seklu 20. Fis-snin tmenin, reġa' nbena l-artal tal-ġebel mill-ġdid mill-bennej Ġlormu Deguara, filwaqt li fl-2002 l-iskultur Mosti Savio Deguara ħadem żewġ statwi tal-ġebel ta' San Silvestru Papa u San Pietru Appostlu.[1][2][3]

  1. 1 2 Caruana, Victor B. (2002). "Statwi godda f'San Silvestru". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-12-04.
  2. 1 2 3 4 5 6 Vassallo, Louis (2006). "Il-kappella f'ġieħ San Silvestru Papa". Festa Santa Marija Mosta (bil-Malti). Mosta: Soċjetà Filarmonika Santa Marija: 50–55, 57.
  3. 1 2 3 4 Micallef, Mark (2013-09-01). "Il-knisja ta' San Silvestru, Papa (Mosta)". Kappelli Maltin (bil-Malti). Miġbur 2025-12-04.
  4. Terribile, Tony (1994). "Kappelli u knejjes żgħar fil-Mosta (7): Il-Knisja ta' San Silvestru Papa". Festa Santa Marija Mosta (bil-Malti). Mosta: Soċjetà Filarmonika Nicoló Isouard: 140–141.